Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – branki/units mingħajr pulizija nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx branki/units fil-Korp tal-Pulizija li fihom preżentament m’hemmx stazzjonati ebda pulizija nisa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-branki fil-Korp tal-Pulizija li fihom m’hemmx Pulizija nisa stazzjonati huma hekk kif jidher hawn taħt : 1. ALE (apparti 2 Surġenti u 2 kuntistabbli nisa li huma stazzjonati fl-uffiċċju) 2. RIU (apparti Kuntistabbli mara li tassisti fl-uffiċċju) 3. CID (apparti kuntistabbli mara fl-uffiċċju) 4. Garaxx tal-Pulizija (xufiera) 5. Taqsima taż-żwiemel 6. Taqsima tat-Traffiku (apparti 2 Surġenti nisa u 2 kuntistabbli nisa li huma stazzjonati fl-uffiċċju) 7. Seaport Port Control.

Korp tal-Pulizija – introduzzjoni ta’ body cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li fil-Korp tal-Pulizija jiġu introdotti body cameras għall-membri tal-korp li jkunu qed jagħmlu r-ronda bil-mixi jew b’vettura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija jinsab fi stadju avvanzat biex jinbeda proġett pilota f’sezzjoni tal-Korp fejn ser jintużaw “body cameras”.

Assistent Kummissarju tal-Pulizija – ittra tar-riżenja

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja tal-Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li, skont il-mezzi tax-xandir, ġiet ippreżentata fit-2 ta’ Jannar 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ittra tar-riżenja tal-Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, tifforma parti mill-file personali tieghu. Għaldaqstant mhux il-konswetudni u mhux prudenti li kopja tal-istess riżenja titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Vital Global Healthcare — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset Vital Global Healthcare (VGH) minn meta ġie ffirmat il-kuntratt tagħha mal-Gvern ta’ Malta sal-lum sabiex topera l-Isptar ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3310.

Vital Global Healthcare – bini ta’ skola medika f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li Vital Global Healthcare (VGH) naqset li tibni skola medika ġewwa Għawdex fiż-żmien stipulat fil-kuntratt iffirmat bejnha u l-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu kontra l-istess kumpanija, inkluż passi legali, biex jindirizzaw dan in-nuqqas u jiġu salvagwardati l-interessi tal Gvern li qed jaġixxi f'isem il-poplu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudenti tal-iskola medika ta’ Barts bdew jingħataw it-taħriġ tagħhom f’Għawdex mill-bidu ta’ din is-sena skolastika. Ninfurmah ukoll li l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini tal-iskola medika ġdida ħarġu f’Marzu tal-2017 u x-xogħol beda fil-ġranet ta’ wara.

Vital Global Healthcare – żieda ta’ sodod fl-Isptar Karin Grech u Sptar San Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li Vital Global Healthcare (VGH) naqset li żżid 50 sodda ġewwa l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa sal-1 ta’ Jannar 2017 minkejja li skont il-kuntratt li ffirmat mal-Gvern ta' Malta, VGH kienet marbuta li tipprovdi għal dawn iż-żidiet? Jista’ jikkonferma wkoll li Vital Global Healthcare naqset li żżid 80 sodda ta’ rijabilitazzjoni ġewwa l-Isptar San Luqa sat 30 ta’ Settembru 2017 u dan skont il-kuntratt iffirmat minnha mal-Gvern Malti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu kontra l-istess kumpanija, inkluż passi legali, biex jindirizzaw dan in-nuqqas u jiġu salvagwardjati l-interessi tal-Gvern li qed jaġixxi f'isem il-poplu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-kuntratt bejn il-Gvern u l-konċessjonarju, ż-żieda fin-numru ta’ sodod sad-dati msemmija kienet marbuta mal-ħruġ ta’ permessi u liċenzji relattivi sa dati speċifiċi. Il-Gvern fi kwalunkwe każ jirriserva d-drittijiet tiegħu skont it-termini tal-kuntratti relattivi.

Vitals Global Healthcare – taħdidiet dwar it-trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kienx personalment involut fit-taħdidiet, negozjati jew ftehim ieħor li wassal għat-trasferiment tal-Vitals Global Healthcare (VGH) u t-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3281.

Vitals Global Healthcare – taħdidiet dwar it-trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministru għat-Turiżmu preżenti l-Onor. Konrad Mizzi kienx personalment involut fit-taħdidiet, negozjati jew ftehim ieħor li wassal għat-trasferiment tal-Vitals Global Healthcare (VGH) u t-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3282.
Leg 13 PQ #3281 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Vitals Global Healthcare – taħdidiet dwar it-trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iċ-Chief of Staff tiegħu kienx personalment involut fit-taħdidiet, negozjati jew ftehim ieħor li wassal għat-trasferiment tal-Vitals Global Healthcare (VGH) u t-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu ma kienx involut fit-taħdidiet kummerċjali li qed jirreferi għalihom fl-istess mistoqsija. Il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu flimkien ma persuni ohra, fosthom id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tat-Turizmu, dahlu fl-ahhar stadju tal-proċess biex jaraw illi l-interessi tal-gvern ikunu salvagwardajati.
Leg 13 PQ #3282 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Vitals Global Healthcare – taħdidiet dwar it-trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministru għat-Turiżmu preżenti l-Onor. Konrad Mizzi kienx personalment involut fit-taħdidiet, negozjati jew ftehim ieħor li wassal għat-trasferiment tal-Vitals Global Healthcare (VGH) u t-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 3281.
Leg 13 PQ #3283 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Vitals Global Healthcare – taħdidiet dwar it-trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sarux laqgħat jew taħdidiet f’Kastilja relatati mat-trasferiment ta’ Vitals Global Healthcare (VGH) lill-kumpanija privata Amerikana?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 3281.
Leg 13 PQ #3284 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Vitals Global Healthcare – taħdidiet dwar it-trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iċ-Chief of Staff tiegħu kienx preżenti għal xi laqgħat li setgħu saru f’Kastilja b’rabta mat-trasferiment tal-Vitals Global Healthcare (VGH) lis-soċjetà privata Amerikana?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 3281.

Dipartiment tal-Kuntratti – sejħiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ sejħiet pubbliċi għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti għat-twettiq tax-xogħol fuq iż-żewġ siti fiż-żona industrijali tax-Xewkija, dak imsejjaħ tal-Ħofra u s-sit preżentament okkupat mill-impjant abbandunat tal-fabbrika tal-ħalib, ġewx mogħtija? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta se jibda x-xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ż-żewġ sejħiet pubbliċi għall-offerti għat-twettiq tax-xogħolijiet fuq iż-żewġ siti fiż-żona industrijali tax-Xewkija, dak imsejjaħ Il-Ħofra u s-sit sa’ issa okkupat mill-impjant abbandunat tal-fabbrika tal-ħalib ingħalqu u l-kuntratti għax-xogħolijiet rispettivi ġew iffirmati magħtul Diċembru 2017. Ix-xogħol fuq it-tieni sit imsemmi diġa beda filwaqt li x-xogħol fuq is-sit magħruf bħala l-Ħofra mistenni jibda fi żmien ftit jiem.

Għawdex – It-tieni fibre optic link

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1489 u ċjoè: B'referenza għad-Diskors tal-Baġit għas-sena 2017 fejn f'paġna 86 intqal li ġew allokati €3.2 miljun biex Għawdex ikollha t-tieni fiber optic link, jista' l-Ministru jgħid x'azzjonijiet relatati ma’ dan il-proġett ittieħdu sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid meta hu maħsub li jitlesta dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li kien sar studju biex ikun stabbilit il-viabbiltà u l-aħjar rotta għal dan il-link, sar xogħol kbir biex jitfasslu Terms of Reference dettaljati li huma parti mit-tender (CT2292/2017) li ġie ppublikat u li jgħalaq fis-6 ta’ Marzu 2018. Bħalissa għaddej il-proċess normali skont il-proċeduri tat-tender. Saret applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar (numru PA8209/17) li qed tkun ipproċessata. Saru diversi laqgħat mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, mal-istess Awtorità tal-Ippjanar, mal-Awtorità tat-Trasport fost oħrajn biex malli jinħarġu l-permessi u jingħata l-kuntratt ikun jista’ jibda x-xogħol.
Leg 13 PQ #3340 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Statistika ta’ Żwiġijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm seħħew żwiġijiet f’Malta u f'Għawdex mis-sena 2010 sas-sena 2017 maqsumin f’dawk reliġjużi u dawk ċivili, maqsuma sena sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Hawn taħt anness jinsab it-tagħrif mitlub: Sena Ammont ta’ Żwiġijiet Reliġjużi f’Malta Ammont ta’ Żwiġijiet Ċivili f’Malta 2010 1547 740 2011 1444 838 2012 1490 1036 2013 1248 1065 2014 1317 1231 2015 1373 1284 2016 1262 1452 2017 1208 1394

Wied Blandun – tindif u restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx pjanijiet għal tindif u restawr ta’ Wied Blandun li jinsab bejn il-Fgura u Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi diġà għamel xi intervent ġewwa Wied Blandun fejn ġiet preparata żona f’dan is-sit billi tneħħa materjal ta’ kostruzzjoni u numru ta siġar invasivi. Wara dan l-intervent sar eżerċizzju ta’ preparament biex jitħawwlu siġar indiġeni. F’dan is-sit tħawwlu l-fuq minn 200 siġra indiġena bħal ma huma l-virgi u riħan.

American University of Malta – għażla ta’ studenti li jgawdu minn boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qegħdin jiġu magħżula dawk l-istudenti li jgawdu minn boroż ta’ studju mogħtija lill-Gvern mill-American Univesity of Malta, u jgħid jekk hemmx bord maħtur għal dan l-iskop u min huwa maħtur fuq dan il-bord? Jekk ma hemmx bord maħtur għall-għażla u deċiżjoni dwar studenti li jistgħu jingħataw dawn il-boroż ta’ studju, jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ studenti u ta’ korsijiet li huma jsegwu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħal ma jiġri f’kull skema ta’ boroż ta’ studju, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xoghol ħatar bord apposta biex jivverifika l-applikazzjonijiet kollha li jidħlu. Dan il-bord appuntat ad hoc għall-iskema msejjħa kien magħmul minn: Prof Angela Xuereb, Dr Mario Balzan, Mr Mario Cassar u Ms Tanya Formosa.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew aġenziji u dipartimenti taħt id-dekasteru tiegħu impjegawx jew ingaġġawx lis-segwenti persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fuq proġetti, jew bħala konsulenti jew fi kwalunkwe pożizzjoni oħra, matul iż-żewġ leġiżlaturi ta’ dan il-gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Jien infurmat li l-persuni li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament kollha kellhom jew għandhom xi forma ta' impjieg, konsulenza jew xi pożizzjoni oħra fil-Ministeru tiegħi jew aġenziji u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ftehim kollettiv mal-union tal-għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tal-ftehim kollettiv li ġie ffirmat mal-union tal-għalliema, u ċjoè mal-MUT f’Diċembru 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3375.