Legislature:
Category:
Reset
Active:

Politika Nazzjonali ppubblikata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22410, 21989 u 22049 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21913, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-Politika Nazzjonali l-ġdida ta' pajjiżna tad-Droga?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta, tirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 22410.

Applikazzjoni – Environment Impact Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex rigward l-applikazzjoni PC 11/18, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma talbitx għall-istudji bħal Environment Impact Assessment, partikolarment fid-dawl tal-fatt li numru konsiderevoli ta’ residenti lura fi Frar tal-2015, u għal darb'oħra f'Diċembru tal-2018 (LP2013-5691), kienu talbu lill Awtorità tal-Ippjanar li ż-żona tinbidel fi 'Green enclave', bħala risposta għas-sejħa li l-Awtorità nediet għal proposti ta’ titjib tal-Pjan Lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirrigwardja “change of alignment” u li f’interventi bħal dawn la hemm il-ħtieġa li l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonsulta mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u wisq inqas li jsir Environmental Impact Assessment (EIA).

Awtorità tal-Artijiet – bejgħ ta’ artijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ir-raġuni għaliex l-Awtorità tal-Artijiet qed tikkonsidra l-bejgħ lill-privat (PC 111/18) ta’ żona li tinkludi medda ta’ kważi tlett itmien art tal-gvern meta din tikkonsisti f'art agrikola mogħnija b’ħitan ċentinarji tas-sejjiegħ, siġar ċentinarji tal-lewż, u ħlejjaq protetti u dan meta hemm oġġezzjoni mir-residenti li talbu biex iż-żona tinbidel fi Green Enclave u l-għelieqi tal-Gvern jinbidlu fi spazju rikreattiv informali fil-forma ta’ masġar żgħir bil-ħitan originali tas-sejjiegħ għat-tgawdija tar-residenti kollha kif ser isir madwar il-Mitħna tal-Mosta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, l-applikazzjoni msemmija, giet sottomessa quddiem l-Awtorità ta’ l-Ippjanar minn terzi persuni li huma sidien ta’ artijiet adjacenti, skond il-provizjonijiet ta’ SL 552.07. L-Ippjanar futur ta’ din l-art kien mahsub fis-Central Malta Local Plan, 2006, fejn din il-medda shiha kienet giet indikata ghall ippjanar futur ta’ “white area” skond policy NA 01 ta’ l-istess Pjan Lokali. Ghaldaqstant, l-Awtorita’ ta’ l-Artijiet tkun tista tiddisponi biss minn din l-art galadarba ikun hemm pjan approvat mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar ghall-izvilupp tal-medda kollha.

Naxxar — Tas-Sagħtar (Ċentru Pastorali/Kappella Sagħjtar fi Triq il-Ħawħ, Triq Manwel Magri SJ u Triq Ċensu Muscat) - Żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22444, 21995 u 21994, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ żvilupp lesta tikkunsidra l-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit li qabel kienet tintuża bħala barriera fiż-żona magħrufa Tas-Sagħjtar (Ċentru Pastorali/Kappella Sagħjtar li tinsab preċiżament Triq il-Ħawħ, Triq Manwel Magri SJ u Triq Ċensu Muscat) fil-limiti tan-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed x’inżid mal-mistoqisjiet Parlamentari 22444, 21995 u 21994.

Ħaddiema Self Employed ingaġġati mal-Ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema impjegati self-employed sabiex jagħtu servizz lill-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali, sena b'sena mill-2010 'l hawn u x'inhi n-natura tal-ingaġġ tagħhom? Kemm hu t-tul ta' dawn il-kuntratti ta' ingaġġ u r-rimunerazzjoni li tingħata għal dawn l-ingaġġi? Kemm minn dawn il-ħaddiema jagħtu servizz f'Malta u kemm minnhom f'Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – kura addizzjonali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-kura addizzjonali li l-Gvern qed jippjana għall-pazjenti f'Għawdex skont kif iddikjara f'konferenza tal-aħbarijiet fit-12 ta' Ottubru 2021 bħala ġustifikazzjoni għall-ħlas addizjonali ta' € 20m li ser tingħata lill-konċessjonarju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex matul l-2022 ? Jista' l-Ministru jgħid għala dan l-investiment qed isir mill-gvern u m'hux mill-konċessjonarju u jekk din l-għotja li ser tingħata lill-konċessjonarju sabiex jingħataw dawn is-servizzi addizjonali ġietx approvata mill-Istate Aid Monitoring Board?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlasijiet lil Steward Healthcare huma skont il-konċessjoni eżistenti. Parti minn din iż-żieda tirrigwarda kumpens lil Stewardminħabba żiedet fl-ispejjeż relatati mas-servizz tas-saħħa. Dan il-kumpens, skont il-ftehim ma Steward, huwa bbażat fuq iż-żieda fl-istimi ta’ spejjeż skont kemm togħla in-nefqa tal-Gvern fis-servizz tas-saħħa. Hemm żiediet oħra li huma kumpens lil Steward minħabba spejjeż ta’ impjegati li Steward daħħal biex jiġi mtejjeb is-servizz. Hemm ukoll stima għal spejjeż ta’xi mediċini li tkun nefqet Steward. Dawn iż-żidiet huma kollha kontemplati fil-kuntratti li l-Gvern għandu ma Steward .

Public Service Obligation – trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala l-Gvern qed jipproponi vot addizzjonali ta' € 2m euro għall-Obbligu ta' Servizz Pubbliku tat-trasport bejn Malta u Għawdex? Meta ser tinħareġ sejħa ġdida għal konċessjonarju sabiex jopera s-servizz tat-trasport bil-vapur bejn Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab nfurmat li l-Ministeru għaddej bħalissa bil-proċess li jipprepara sejħa għall-offerti kif ukoll jikseb l-approvazzjoni neċessarji tal-Istate Aid u tal-Kummissjoni Ewropea biex ikun jista’ joħroġ is-sejħa għall-offerti permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Niġbed ukoll l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li il-paragun li qed jagħmel fl-ewwel parti tal-mistoqsija huwa ma stima u mhux ma spiża attwali.

Malta Fireworks Special – Għaqdiet tan-Nar

Question

B’referenza għal Malta Fireworks Special u s-suċċess li kellu u peress li ħadu sehem numru ta’ Għaqdiet tan-Nar li ma għandhomx liċenzja ta’ fabbrika, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-entitajiet li ħadu sehem?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena 48 għaqda tan-nar ħadu sehem fil-Malta Fireworks Special. Kull entita’ li ħadet sehem kienet koperta bil-liċenzjar li hemm bżonn biex tipparteċipa f’tali festival. L-Għaqdiet huma: Sezzjoni Nar u Armar Soċjeta' Mużikali ta' Stella Attard Għaqda Piroteknika 10 ta' Awwissu Birgu Kummissjoni Nar Festa San Duminku Birgu Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta' Awwissu Birkirkara Għaqda tan-Nar 22 ta' Frar Birżebbuġa Kummissjoni Nar San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa Grupp Piroteknika 8 ta' Diċembru Bormla Kummissjoni Piroteknika - Għaqda Mużikali Santa Marija Dingli Kummissjoni Festa Esterna Fgura Għaqda tan-Nar Qalb ta' Ġesu' Fontana, Għawdex Sezzjoni Nar Sant' Andrija Fontana, Għawdex Għaqda Piroteknika 10 ta' Dicembru Għajnsielem, Għawdex Għaqda tan-Nar 31 ta' Mejju Għarb AD2013 Għarb, Għawdex Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata Ħal-Balzan Każin San Gabriel Ħal-Balzan Għaqda Dilettanti tan-Nar Kuncizzjoni Ħamrun Marija Bambina Isla Għaqda Mużikali San Ġużepp Kalkara Għaqda tan-Nar Kerċem Kerċem, Għawdex Kumitat Festi Esterni Marija Reġina Marsa A.D.1972 Marsa Kummissjoni Nar Għaqda Festi Esterni SSMA Trinita Marsa Għaqda tan-Nar Marija Bambina Mellieħa Soċjeta' Spetakklu Marija Assunta Mġarr Kummissjoni Nar Sancte Joseph Msida Sezzjoni Nar San Pawl Munxar, Għawdex Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja Naxxar Għaqda Tan-Nar Marija Bambina Naxxar Vampa Org / Soċjeta Filarmonika Leone Rabat, Għawdex Kummissjoni Festa Kristu Re - Sezzjoni Nar Raħal Ġdid Soċjeta' Filarmonika De Paule - Banda Kristu Re Raħal Ġdid Għaqda tan-Nar 11 ta' Frar San Ġwann Kummissjoni Nar Marija Sultana tal-Martri San Pawl il-Baħar Għaqda tan-Nar 20 ta' Lulju Sannat, Għawdex Għaqda tan-Nar 13 ta' Diċembru Santa Luċija, Għawdex Għaqda Tan-Nar 26 ta' Lulju Santa Venera Soċjeta' Filarmonika Stella Maris Sliema Għaqda Soċjali Madonna tad-Dutrina Tarxien Għaqda Tan-Nar San Gabriel Tarxien Għaqda tal-Pawlini Valletta Għaqda Nar Żgħażagħ La Stella Victoria, Għawdex Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri Victoria, Għawdex Marija Bambina VMB 1973 Xagħra, Għawdex Grupp Organizattiv tal-Ħamrija Xewkija, Għawdex Kummissjoni Nar tal-Grazzja Żabbar Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883 Żabbar Għaqda tan-Nar Santa Marija Żebbuġ, Għawdex Kummissjoni Piroteknika Santa Katarina V.M Għaqda Band Żejtun Kummissjoni Nar Soċjeta' Mużikali Beland Żejtun

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li mietu

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna mietet waqt li kienet qed tinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u/jew f'xi post jew bini ieħor li hu dikjarat jew li jitqies li hu ħabs skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 3 tal-Att dwar il-Ħabs (Kap. 260 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'kienet l-età u s-sess ta' kull persuna, x'kienet il-kawża tal-mewt ta' kull persuna u l-post jew bini li fih kienet qed tinżamm?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li mietu waqt li kienu qed jiskontaw sentenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna mietet waqt li kienet qed tiskonta sentenza ta' priġunerija jew detenzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u/jew f'xi post jew bini ieħor li hu dikjarat jew li jitqies li hu ħabs skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 3 tal-Att dwar il-Ħabs (Kap. 260 tal-Liġijiet ta' Malta) iżda li l-mewt tagħha seħħet f'post ieħor li mhux il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u/jew f'xi post jew bini ieħor li hu dikjarat jew li jitqies li hu ħabs skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 3 tal-Att dwar il-Ħabs (Kap. 260 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-età u s-sess tal-persuna, x'kienet il-kawża tal-mewt ta' kull persuna u l-post jew bini li fih seħħet il-mewt tal-persuna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Direttur tas-Servizzi Korrettivi / Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, l-isem u l-kunjom ta' kull persuna li mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, serviet jew qiegħda sservi bħala Direttur tas-Servizzi Korrettivi u/jew Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi? Jista' l-Ministru jgħid id-data ta' meta kull wieħed mill-istess persuni ġew maħtura u meta spiċċat il-ħatra tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Meter Readers ingaġġati mal-ARMS

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21709 u telenka n-numru totali ta’ meter readers li kienu impjegati fil-bidu ta’ kull sena mal-ARMS, direttament jew indirettament, bejn l-2013 u l-2021?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi l-ARMS ingaġġat total ta’ 39 meter reader.

MFSA – surrender of licences

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm u fil-kas, kemm, surrender of licences lil MFSA din is-sena sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba titpoġġa għad-dispozizzjoni tal-pubbliku mill-MFSA.

Residence Permits lir-residenti tas-South Africa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ residence permits li nħarġu lir-residenti ta’ South Africa, kull sena fl-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ ċittadini mill-Afrika t’Isfel f’Malta li kellhom permessi ta’ residenza validu fl-aħħar ħames snin kienu dawn: 2016 – 351 2017 – 426 2018 – 507 2019 – 639 2020 – 536

Working permits lir-residenti tas-South Africa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ work permits li nħarġu lir-residenti ta’ South Africa, kull sena fl-aħħar ħames snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ work permits(1) li nħarġu minn Jobsplus liċ-ċittadini ta’ South Afrika huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt; Sena Numru ta’ work permits 2016 3 2017 8 2018 16 2019 11 2020 3 Total 41 ( 2 ) (1) Din it-tweġiba tinkludi biss work permits maħruga minn Jobsplus u ma tinkludix permessi li nħargu taħt is-Single Residence Permit. (2) Il-Permess ta’ work permit jista jiġġedded kull sena għalhekk in-numri ma jirreflettux persuni iżda applikazzjonijiet approvati għal work permits .

Forzi Armati ta' Malta — Bord tal-Inġustizzja – każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija parlamentari 21798 li ma weġibx u ċjoè kemm (jiġifieri, numru) huma l-każijiet li għadhom pendenti quddiem il-Bord tal-Inġustizzja tal-Forzi Armati ta’ Malta u minn meta ilhom pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-proċess imsemmi mill-Onor. Interpellant għadu għaddej. L-imsemmi proċess li għadu fis-seħħ għandu l-għan li jindirizza inġustizzji li seħħew qabel 2013. Dan wara li bosta persuni sfaw iddiskriminati u li fis-snin ta’ qabel l-2013 ħafna minnhom ukoll kienu resqu numru kbir ta’ rapporti quddiem l-Ombudsman. Madankollu l-Gvern ma waqafx hemm. Matul l-aħħar sena l-Gvern għamel investiment bla preċedent, iġfieri 8 miljun ewro iżjed fis-sena għall-ħames snin fir-riżorsa umana tal-Forzi Armati. Dan wassal biex għall-ewwel darba s-suldati bbenefikaw minn ftehim settorjali li ħalla mpatt prożittiv kemm fis-salarju kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Liġi tal-Impjiegi — emenda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21531 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Gvern jaqbilx li l-Liġi tal-Impjiegi tiġi emendata mill-iktar fis, biex ikun illegali li jkun hemm zero hour contracts of employment, sabiex ikunu mħarsa l-ħaddiema minn abbużi?

Response (ABELA, CARMELO)

Kif hemm stipulat fil-Manifest Elettorali, il-Gvern jaqbel li zero hours contracts of employment għandhom jiġu aboliti. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi biex jinstab il-metodu adattat biex isir dan fiċ-ċirkostanzi lokali.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 20995.