Legislature:
Category:
Reset
Active:

Internal constitution and internal regulations of the American University of Malta

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3385, jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tal-Internal Constitution and Internal Regulations of the American University of Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kif diġà ngħad fir-risposta għat-tweġiba Parlamentari 3385, dak hu dokument li għadda lill-NCFHE biex jigi skrutinizzat b’mod awtonomu mill-Gvern.

Enemed Company Limited — importazzjoni ta’ petrol imħallat bl-ethanol

Question

Kif jaf il-Ministru, il-petrol imħallat bl-ethanol, inaqqas l-emissjonijiet u jraħħas il-prezz tal-fuel, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk l-Enemed Company Limited hijiex timporta petrol imħallat bl-ethanol? Jekk iva, għaliex il-pompi tal-petrol mhumiex jindikaw li l-petrol imħallat bl-ethanol? Jekk le, x’qed tistenna l-Enemed biex tibda timporta l-petrol imħallat bl-ethanol biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li l-pompi tal-petrol ma jindikawx preżenza ta’ Ethanol fil-petrol minħabba li l-Enemed Company Ltd mhux qed timporta petrol imħallat bl-Ethanol għar-raġunijiet spjegati kif ġej. L- Ethanol huwa komunament magħruf bħala alcohol . Skond l-ispeċifika rikjesta mil-EN228 (li hu l-istandard tal-UE għal- petrol ), dan irid ikun konformi ma l-EN 15376, li jfisser li Ethanol mill-Amerika mhux konformi mas-suq Ewropew. Dan it tip ta’ Ethanol huwa xi 20% iktar għola mill- petrol mhux imħallat (skont il-prezz tat-18 ta’ Jannar 2018 minn fornitur ewlieni Ewropew). L-infrastruttura li għanda l-Enemed ma tippermettix li żżomm ħażna ta’ petrol li huwa diġa mħallat. Dan minħabba l-fatt li n-numru ta’ tankijiet disponibbli huwa limitat ħafna u ukoll minħabba l-fatt li l-Enemed, tħallat il-formula tal- E-Power internament fejn għandha bżonn fjuwil mingħajr alcohol . Barra minn dan, peress li l- Ethanol huwa “hygroscopic”, li jfisser li jassorbi l-ilma mill-arja, jekk il- petrol ikun miżjud diġa bl- Ethanol , ikollha żżid proċess ieħor ta’ “drying” , li jfisser li kull litru petrol ħa jiġi jiswa aktar (flus). Parametru ieħor li trid tieħu inkonsiderazzjoni huwa il -“Vapour Pressure” (VP) . L-Awtoritajiet Maltin jispeċifikaw li l- “VP”, peress li l-klima ta` Malta fis-sajf hija sħuna ħafna, taqa’ ma` class A mill-1 ta’ Mejju sa l-aħħar ta’ Settembru bil-bqija tas-sena taqa’ ma` class B. Table 3 - Volatility classes for unleaded petrol with a maximum oxygen content of 3,7% ( m/m ) Property Units Limits Test Method a (See 2. Normative referenceS) class A class B class C/C1 class D/D1 class E/E1 class F/F1 Vapour pressure (VP) kPa, min 45,0 45,0 50,0 60,0 65,0 70,0 EN 13016-1 b kPa, Max 60,0 70,0 80,0 90,0 95,0 100,0 % evaporated at 70°C, E70 % ( V/V ), min 22,0 22,0 24,0 24,0 24,0 24,0 EN ISO 3405 % ( V/V ), max 50,0 50,0 52,0 52,0 52,0 52,0 L-Ethanol jgħolli ħafna il-Vapour Pressure tal-petrol, li fil-ġranet l-aktar sħan se jitfa’ barra mill-ispeċifikazzjoni l-fjuwil li jiġi impurtat u b’hekk, ma jkunx konformi mal-liġijiet Ewropej. Barra minhekk, minħabba li jevapora aktar malajr, ikun qed jagħmel ħsara ikbar lill-ambjent minħabba emissjonijiet akbar ta’ “hydrocarbons”. L- Ethanol għandu low calorific value li jfisser li jagħti inqas enerġija meta jinħaraq, meta wieħed iqabbel litru Ethanol ma` litru petrol . Studji juru li l- Ethanol għandu kważi 33% inqas calorific value mill- petrol . B`hekk aktar mat-taħlita ta` petrol / Ethanol tkun għolja, aktar il-konsumatur irid jimla l-karozza ta` spiss għax qed jaħli aktar fjuwil. Għal dawn ir-raġunijiet l-Enemed adottat strateġija differenti għal-ħarsien tal-ambjent u arja aktar nadifa. Fuq dan il-binarju, l-Enemed żviluppat il-prodott tal- e-Diesel li huwa super diesel bil-prezz tad- diesel normali. Kulhadd jaf li d- diesel iniġġeż aktar mill- petrol . Kien għalhekk li l-Enemed ħadmet biex tiżviluppa dan il-prodott ġdid li: · inaqqas l-emissjonijiet b’għaxra fil-mija fejn għandu x’jaqsam ma “particulate matter” , carbon monoxide , hydrocarbons , nitrous oxide u sulphur dioxide . · Iżid l-effiċjenza tal-magni (li jfisser li jinħela anqas fjuwil) · Inaqqas il-problemi tal -“particulate filter” fil-karozzi moderni. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li f’dak li huwa enerġija rinovabbli, skont kif tispeċifika l-Kummissjoni Ewropeja, l-Enemed dejjem laħqet il-miri tas-sena. Strateġikament, l-Enemed għażlet direzzjoni li żżomm il-prezz tal- fuels kemm jista’ jkun baxxi, b’kwalita’ superjuri u teknikament jista’ jinħadem bl-infrastruttura li għandha.

Persuni li qegħdin fil-lista tal-qgħad

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' persuni li kienu fil-lista tal-qgħad mill-2011 sa tmiem l-2017? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma li l-iktar sabu impjiegi, dawk il-persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u kienu fir-reġistru tal-qgħad?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella t’hawn taħt turi n-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru xahar b’xahar mill-2011 sa Novembru 2017. 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 Jannar 6,797 6,714 7,237 7,789 6,384 4,710 2,889 Frar 6,960 6,921 7,279 7,753 6,190 4,511 2,766 Marzu 6,662 6,966 7,350 7,644 5,894 4,033 2,649 April 6,585 6,773 7,176 7,291 5,568 3,751 2,577 Mejju 6,366 6,698 7,292 7,141 5,333 3,511 2,502 Ġunju 6,212 6,697 7,279 6,751 5,209 3,441 2,432 Lulju 6,510 6,664 7,298 6,834 5,062 3,360 2,499 Awwissu 6,465 6,821 7,457 6,698 4,914 3,261 2,489 Settembru 6,554 6,869 7,619 6,599 4,924 3,207 2,472 Ottubru 6,538 7,013 7,594 6,596 4,916 3,166 2,319 Novembru 6,592 7,098 7,639 6,501 4,760 3,021 2,246 Diċembru 6,587 6,811 7,401 6,287 4,615 2,912 L-aħħar ċifri ppubblikati huma dawk ta’ Novembru 2017. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-oqsma tal-impjiegi ta’ dawk il-persuni li kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad u sabu xogħol. Din l-informazzjoni hi meħuda skont il-formola tal-bidu u t-tmiem tal-impjieg li tirċievi l-Jobsplus.

Nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' nisa li kienu fid-dinja tax-xogħol mill-2011 sa tmiem l-2017? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma li l-iktar sabu impjiegi dawk in-nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol f’dawn l-istess snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus in-numru ta’ nisa li kienu qed jaħdmu Full-Time u Part-Time bħala xogħol ewlieni tagħhom, fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011 sal-2016 u f’Ġunju 2017 hu kif muri fit-tabella A li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella B turi dawk in-nisa li daħlu ġodda kif ukoll dawk li reġgħu rritornaw fid-dinja tax-xogħol wara 5 snin jew aktar bejn Diċembru 2011 u Ġunju 2017.

Investiment tal-Gvern għal Childcare b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment tal-Gvern minn mindu daħal il-Childcare b'xejn u kemm gawdew tfal minnu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 2239 u 3349.

Proġett tat-tablets

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġett tat-tablets? Kemm tfal gawdew minnu s’issa u kemm ingħataw tablets din is-sena? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif għal liema suġġetti jew għal liema tagħlim qed jintużaw dawn it-tablets?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti ġodda fir-Raba’ Sena li bdew igawdu mill-inizjattiva one tablet per child matul is-sena skolastika 2017-2018 huwa ta’ 4,432. Ma’ dawn hemm 4,387 tablet li tqassmu fl-ewwel sena u li allura għas-sena skolastika 2017-2018 huma fil-Ħames Sena . L-għalliema għandhom madwar 35 app magħżula minn għalliema speċjalizzati li fasslu wkoll ideat marbutin magħhom kif jintużaw fil-klassi, 13-il app li ġew mat-tablets, kollha marbuta ma’ ‘l fuq minn 360 lezzjoni mifruxa fuq is-suġġetti kollha. Il-ktieb tal-qari bil-Malti Buffuri ssuplimentat b’realtà awmentata (Augmented Reality AR) u programmi oħra li nxtraw f’tender separat li jmissu l-Coding, Videos-logħob u kwiżżis interattivi-concept mapping li jkopru x-xjenza, matematika, qari, kitba, mużika u arti, app oħra li tgħin lit-tfal fil-kitba tal-Malti u l-Ingliż flimkien ma’ app għal qari minn kotba llivellati bl-ingliż. Il-maġġoranza tal-apps mhumiex drill-and-practise imma miftuħa u għaldaqstant jistgħu jintużaw f’diversi sitwazzjonijiet u suġġetti.

Tfal tal-primarja — Software edukattiv li ngħata mat-tablet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ software edukattiv ingħata mat-tablet lit-tfal tal-primarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tat-tablets magħruf bħala One Tablet Per Child (OTPC) laħaq it-tieni fażi jiġifieri bdejna t-tieni sena fejn f’Lulju u f’Settembru 2017 kompla t-taħriġ tal-għalliema ġodda li bdew jgħallmu l-Ħames sena tas-sena skolastika 2017-2018 fil-proġett. It-taħriġ sar minn 26 għalliem speċjalizzat. Matul dan it-taħriġ tqassmu tablets lill-għalliema u materjal ieħor li se jgħin lill-għalliem fil-klassi. Tqassmu 511-il tablet bis-software stallat lest. Barra mis-software li bih l-għalliema jkunu jistgħu jikkontrollaw il-klassi u jwasslu l-oġġettivi tat-tagħlim bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, l-għalliema u t-tfal għandhom madwar 35 app li l-għalliema speċjalizzati għażlu u fasslu ideat marbutin magħhom kif jintużaw fil-klassi, 13-il app li ġew mat-tablets kollha marbuta ma’ ‘l fuq minn 360 lezzjoni mifruxa fuq is-suġġetti kollha. Il-ktieb tal-qari bil-Malti Buffuri ssuplimentat b’realtà awmentata (Augmented Reality AR) u programmi oħra li nxtraw f’tender separat li jmissu l-Coding, Videos-logħob u kwiżżis interattivi-concept mapping li jkopru x-xjenza, matematika, qari, kitba, mużika u arti, u app oħra li tgħin lit-tfal fil-kitba tal-Malti u l-Ingliż. Il-maġġoranza tal-apps mhumiex drill-and-practise imma miftuħa u għaldaqstant jistgħu jintużaw f’diversi sitwazzjonijiet. F’Jannar qed jitqassam software ieħor ta’ kotba tal-qari livellat bl-ingliż. Tender ieħor se joħroġ biex jinxtara software ta’ kotba tal-qari livellat fil-Malti.

Scholarships — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' boroż ta' studju li ngħataw mill-iScholarships Unit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mill-2011 sal-lum u l-ammont ta' investiment li ntefaq? X'hemm ipproġettat għas-sena d-dieħla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-2011 sal-2017 ingħataw 2,342 borża ta’ studju f’diversi livelli u suġġetti kif ukoll boroż ta’ studju għar-riċerka u innovazzjoni kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każ fuq pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara, kif din is-Sinjura li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għandha pensjoni ta' madwar €400, filwaqt li tħallas kera ta' €600 fis-sena? Jista’ jara dan il-każ mas-Sinjura msemmija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-kera hija maħduma skont il-policies tal-kera soċjali preżenti. Il-kuntratt tal-kera ġie ffirmat fil-11 ta’ Ġunju 2012. Minn naħa tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali, ġie iċċekkjat illi s-Sinjura qed tirċievi l-benefiċċji soċjali li hija eleġibbli għalihom u ġie kkonfermat illi kif hija intitolata, tirċievi Pensjoni tal-Eta` u Għajnuna Medika kull erbgħa ġimgħat u Għajnuna Supplimentari kull tliet xhur.

Post li qed jaqa’ parti mis-saqaf – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li waqagħlu parti mis-saqaf u minkejja li ntbagħtet e-mail lill-awtoritajiet konċernati, ma rċieva l-ebda risposta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-informazjoni li għandha l-Awtorità tad-Djar, il-post imsemmi kien inxtara mill-istess individvu fl-1997 u għaldaqstant, is-sid huwa responsabbli biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa f’dan il-post.

Awtorità dwar il-Mediċini – tweġiba ta’ ittra

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn l-Awtorità dwar il-Mediċini ma weġbitx ittri mibgħuta lilha mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew inkella twieġeb tali mistoqsija tramite l-preżenti mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Mediċina bagħtet risposta lill-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament.

Ship Management Offices – reġistrazzjoni ta’ bastimenti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega xi sforzi qed isiru min-naħa tal-entitajiet li jaqgħu taħtu sabiex f’Malta mhux biss jiġu r-reġistrazzjoni tal-bastimenti, però f’pajjiżna jiġu stabbiliti wkoll Ship Management Offices?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa mpenjat li jkompli jibni u jikkonsolida l-qasam marittimu. Huwa għalhekk li qed jikkonsidra jdaħħal diversi mizuri li jattiraw kumpaniji tal-immaniġjar tal-bastimenti biex jiftħu ufficini f’Malta. Minbarra li d-deċiżjoni rigward t-Tonnage Tax li ġiet approvata mill-Unjoni Ewropeja ix-xahar li għadda u li tinkludi inċentivi fiskali għal dawn it-tip ta’ kumpaniji, il-Gvern, permezz ta’ Transport Malta, qiegħed ukoll jizviluppa qafas legali li jintroduċi benefiċċji għall-ħaddiema ta’ dawn il-kumpaniji biex hekk ikun aktar faċli u attraenti li dawn jiftħu uffiċini f’Malta. Barra minn hekk, bħalissa għaddej xogħol fuq l-iżvilupp ta’ strateġija biex jkunu attirati aktar żagħżagħ lejn dan il-qasam tant importanti għall-ekonomija Maltija. Fost il-mizuri li qed jiġu kkunsidrati hemm it-twaqqif ta’akkademja marittima li taħseb għall-ħtiġijiet attwali u futuri ta’ din l-industrija, partikolarment kumpaniji tal-immaniġjar tal-bastimenti. Hu meħtieġ li noffru ‘one stop shop’ għall-edukazzjoni marittima li tinkludi kemm it-taħriġ vokazzjonali, bħal baħħara fuq bastimenti merkantili kif ukoll lawrji universitarji u diplomi. B’hekk ikun zgurat li dawn il-kumpaniji jsibu il-ħiliet meħtieġa meta jistabilixxu uffiċini fil-pajjiż. Ta’min wieħed isemmi li sal-lum il-ġurnata għandna diġa mas-sitt kumpaniji tal-immaniġjar tal-bastimenti li fetħu uffiċju f’Malta u fil-jiem li ġejjin ser inkunu qed ninawguraw uffiċju ieħor. Wieħed irid ukoll isemmi li dawn l-inizjattivi, kollha ġew xprunati minn diskussjonijiet li Transport Malta kellha mal-kumpaniji li diġa stabilixxew uffiċju f’Malta. Ninsab ukoll infurmat li hemm diversi diskussjonijiet ma’ kumpaniji oħra li qed jikkunsidraw jistabbilixxu uffiċju f’Malta.

Tonnage tax

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif ġiet riżolta l-kwistjoni tat-tonnage tax mal-Kummissjoni Ewropea u x’vantaġġi ħa pajjiżna mill-fatt li ġiet riżolta din il-kwistjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li wara sitt snin ta’ diskussjonijiet mal-Kummisjoni Ewropeja, l-Gvern irnexxielu jikseb riżultat pożittiv ħafna għall-industrija marittima Maltija – rizultat li permezz tiegħu nistgħu nixprunaw l-futur tal-qasam marittimu Malti. Il-Gvern, permezz ta’din id-deċiżjoni, irnexxielu jneħħi l-incertezza li kien hemm fl-industrija marittima għal dawn l-aħħar sitt snin u jpoġġi lil Malta bħala waħda mill-ewwel ġurisdizzjonijiet li għandhom sistema approvata mid-Direttorat tal-Kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropeja u għalhekk ser jintuza bħala mudell għal sistemi ohra li ser jiġu kkunsidrati mill-Unjoni Ewropeja fil-futur. Dan ir-rizultat ser iġib diversi vantaġġi għall-pajjiż. L-aktar ħaġa mportanti hija li r-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni marittima ser tissaħħah aktar u ninsabu kunfidenti li l-operaturi ser jikkunsidraw aktar lil pajjizna. Permezz ta’din id-deċiżjoni, Malta ser tkun f’pozizzjoni aktar b’saħħitha biex tattira kumpaniji tal-immaniġjar tal-bastimenti merkantili (shipmanagement). Barra minn hekk, għall-ewwel darba, d-deċiżjoni aċċettat li jottijiet lussużi li jintużaw kummerċjalment jistgħu jibbenefikaw mis-sistema tat-Tonnage Tax. Id-deċiżjoni toffri wkoll vantaġġi għal vapuri tal-passiġġieri u għalhekk Malta ser tkun f’pożizzjoni favorevoli ħafna biex tattira dan it -tip ta‘ operat. L-istabbilita’ li s-sistema Maltija ser tkun qed toffri ser tkompli żżid is-serħan fil-moħħ tal-operaturi li ser ikunu qed joperaw taħt sistema li hija approvata mill-Unjoni Ewropeja. Tajjeb li wieħed jgħid li din id-deċizjoni bagħtet ukoll messaġġ b’saħħtu f’setturi oħra, inkluż dak finanzjarju. Fi kliem il-Kummissjoni, Malta topera sistema ta’ ring fencing robust ħafna u għalhekk tassigura li ma jkunx hemm evażjoni tat-taxxa.

Remotely Piloted Aircraft u Drones — regolamentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tidħol ir-regolamentazzjoni tar-Remotely Piloted Aircraft (RPA) jew drones?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, Transport Malta qed taħdem fuq abbozz ta’ liġi għar-regolamentazzjoni tad-drones,liema dettalji mistennija jitħabbru fil-futur qarib.

Opri tal-Ajru — reġistrazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega liema kienet l-aħjar sena mill-2011 s’issa għal dak li huwa reġistrar fis-settur tar-reġistrazzjoni tal-opri tal-ajru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul dawn l-aħħar ftit snin kien hemm tkabbir sostanzjali fir-reġistru tal-ajruplani, bl-aħjar sena reġistrata s’issa tkun dik tal-2015 fejn ġew reġistrati 61 ajruplan, li minnhom 57 kienu ajruplani kbar. Fl-istess sena it-total t’ajruplani fuq ir-reġistru Malti kien ilaħħaq 213 filwaqt li sal-aħħar tas-sena 2017 kien hemm total ta’ 265 ajruplan reġistrat. Iż-żewġ tabelli hawn taħt juru l-andament tar-reġistrazzjonijiet t’ajruplani f’dawn l-aħħar snin. Number of Aircrafts Registered Per Year 2011 - 2017 Year Total No of Registrations Large Aircraft Light Aircraft Micro Lights 2011 18 12 6 0 2012 36 20 14 2 2013 35 31 4 0 2014 47 45 1 1 2015 61 57 3 1 2016 52 48 3 1 2017 46 46 7 1 Number of Aircrafts on the Malta Aircraft Register Year New Registrations De Registrations Total 2011 18 -9 103 2012 36 -11 128 2013 35 -8 155 2014 47 -29 174 2015 61 -22 213 2016 52 -22 243 2017 46 -24 265 2018 3 0 268

Reġistru għall-Bastimenti Merkantili

Question

Jista’ l-Ministru jispjega xi standing għandu r-reġistru tal-bastimenti merkantili fuq livell Ewropew, kif ukoll dinji?

Response (BORG, IAN)

Bi pjaċir ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Reġistru tal-Bastimenti Merkantili ta’ Malta fl-aħħar sena kompla jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar reġistru fl-Unjoni Ewropeja u s-sitt l-akbar fid-dinja. Hawn ta’ min jgħid li grazzi għall-kooperazzjoni li dejjem sibna mill-industrija u l-ħidma sfiqa ta’ Transport Malta r-reġistru mhux biss irreġistra żieda ta’ tmienja (8%) fil-mija fuq is-sena li għaddiet, imma kompla jattira tunnellaġġ ta’ kwalita. Ilum ir-Reġistru Malti qed ikun imfittex minn operaturi ta’ kwalita. Ir-Reġistru Malti kompla wkoll jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu fis settur tal-jottijiet lussużi fejn is sena l-oħra ġiet reġistrata żieda ta’ kważi għoxrin (20%) fil-mija fuq is-sena ta’qabel. Dan huwa rekord ġdid għar-Reġistru Malti.

Pulizija sospiżi mix-xogħol minħabba proċeduri dixxiplinarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Pulizija hemm sospiżi mix-xogħol minħabba proċeduri dixxiplinarji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant li sal-lum (17 ta’ Jannar 2018) hemm 14-il membru tal-Korp tal-Pulizija li huma sospiżi minħabba proċeduri dixxiplinarji. Ta’ min jirrimarka li bejn l-2007 u l-2012 kienu sospiżi 25 membru tal-Korp minħabba proċeduri dixxiplinarji.

Dewmien fit-traskrizzjoni ta’ xhieda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi biex ma jibqax iseħħ dewmien fit-traskrizzjoni ta’ xhieda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, sija f’seduti tad-distrett u sija fil-kumpilazzjonijiet, wara li anke fis-26 ta’ Ġunju 2017 l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kellu għal darb’oħra jagħmel verbal komunikat lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għax is-seduta ma setgħetx issir minħabba li x-xhieda tas-seduta preċedenti ma kinetx għada traskritta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirrefferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 291. Ta’ min jgħid ukoll li biex ikompli jiġi assigurat li ma jkunx hemm dewmien saru taħdidiet u ntlaħaq ftehim mal-Amministrazzjoni tal-Qorti t’Għawdex sabiex jibdew jiġu mqabbda staff li jaħdmu fil-Qorti t’Għawdex sabiex jagħmlu traskrizzjonijiet. Għalhekk, illum, hemm iktar traskritturi sabiex ma jkunx hemm pressjoni ta’ xogħol fuq it-traskritturi.
Leg 13 PQ #460 Sitting 70 2018-01-17 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – pagi, salarji u perkaċċi lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu pagi, salarji u perkaċċi l-impjegati kollha tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2015, fl-2016 u fl-2017? Jista’ jagħti ċ-ċifra għall-2017 maqsuma xahar b’xahar?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.