Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vitals Global Healthcare – trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-trasferiment tal-Vitals Global Healthcare (VGH) lill-kumpanija privata Amerikana kienx jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-Gvern u jekk iva, fuq liema bażi ngħatat din l-awtorizzazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi abbażi tal-kuntratt ta’ konċessjoni, l-kunsens tal-Gvern huwa meħtieġ għat-trasferiment tal-ishma f’Vitals Global Healthcare Limited.

Vitals Global Healthcare – trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-trasferiment ta’ Vitals Global Healthcare (VGH) lill-kumpanija privata Amerikana hux komplut jew jekk għadux fuq bażi ta’ konvenju jew ftehim ieħor ta’ natura temporanja jew kundizzjonata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rwol tal-Gvern f’dan ir-rigward mhuwiex li jidħol bejn żewġ kumpaniji jew gruppi privati, imma li jassigura li l-ftehim oriġinali ffirmat mal-Vitals Global Healthcare (VGH) jiġi osservat fl-intier tiegħu.

Vitals Global Healthcare – trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm intoppi biex sar l-iffirmar tat-trasferiment ta’ Vitals Global Healthcare (VGH) lill-kumpanija privata Amerikana, liema ftehim tħabbar f’Diċembru 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3287.

Vitals Global Healthcare – bejgħ ta’ apparat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-apparat kollu tat-tliet sptarijiet, ċjoè l-Isptar t’Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech, inbiegħu lil Vitals Global Healthcare (VGH) għal €1 biss?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3270.

Vitals Global Healthcare – ksur tal-kundizzjonijiet tal-ftehim oriġinali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Vitals Global Healthcare (VGH) kisrux xi kundizzjonijiet mill-ftehim oriġinali li kien jorbothom ma’ numru ta’ skadenzi u jekk iva, liema kundizzjonijiet inkisru u x’passi ħa l-Gvern in vista ta’ dan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern irriserva d-drittijiet tiegħu skont it-termini tal-kuntratti relattivi.

NGO – lista

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata tal-NGOs kollha u jgħid kemm għandha membri reġistrati magħha kull NGO?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-organizzazzjonijiet volontarji iskritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji aġġornata sas-17 ta’ Jannar 2018. Rigward il-membri reġistrati ma’ dawn l-organizzazzjonijiet volontarji, infurmat li n-numru ta' membri f’organizzazzjonijiet volontarji jinbidel ta’ sikwit u mhux dejjem jingħata lill-Kummissarju.

Business Organisations — lista

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata tal-Business Organisations rikonoxxuti f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm għandha membri reġistrati magħha kull business organisation?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor Interpellanta tispeċifika għal liema tip ta’ Business Organisations qiegħda tirreferi.

Att dwar in-Negozji tal-Familja– negozji irreġistrati bħala negozju tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata li telenka n-negozji li ġew irreġistrati bħala negozju tal-familja minn mindu daħlet fis-seħħ il-Liġi dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Att dwar in-Negozji tal-Familja – korsijiet, seminars u sessjonijiet ta’ informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata ta' korsijiet, seminars u sessjonijiet ta’ informazzjoni illi huma approvati mir-Regolatur maħtur taħt l-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fil-waqt li l-iskema hija in vigore il-proċedura għaddeja minn revizjoni sabiex ikun hemm aktar flessibilta dwar l-għazla ta’ korsijiet, seminars u sessjonijiet ta’ informazzjoni.

Korrispondenza bejn il-LESA u ħaddiema reġistrati mal-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza li għaddiet bejn il-Local Enforcement System Agency (LESA) u l-ħaddiema reġistrati mal-kumpanija li preżentament hija responsabbli mill-gwardjani lokali f'pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni tal-Gvern u x'azzjoni se jkun qed jieħu l-istess Gvern wara li fi stqarrija li ħarġet il-UĦM Voice of The Workers nhar it-12 ta' Jannar 2018 saret referenza għall-inġustizzja li saret jew qed issir fil-konfront tal-gwardjani lokali fejn dawn il-ħaddiema qed jintalbu japplikaw biex jerġgħu jiġu mpjegati fl-istess pożizzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

LESA – ħaddiema reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm hu n-numru ta' ħaddiema li kienu jew huma reġistrati mal-Local Enforcement System Agency (LESA), sena b'sena minn kemm ilha li twaqqfet l-istess LESA sal-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa fuq pagi tal-ħaddiema kif ukoll l-ispiża fuq l-operat, għall-istess perjodu maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Il-Qrendi – Triq is-Siġġiewi – traffic mirror

Question

Peress li fi Triq is-Siġġiewi, il-Qrendi hemm parti mit-triq li hija blind corner, u peress li fil-parti tat-triq imsemmija hemm diversi garaxxijiet kif ukoll xi residenti li jkunu jridu joħorġu l-vettura mill-garaxxijiet tagħhom, jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi jikkunsidra bis-serjetà li tiġi stallata traffic mirror (kif indikata fil-pjanta li qed tingħata separatament) mill-aktar fis possibli sabiex jiġu evitati inċidenti bla bżonn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi ser jiddiskuti t-talba tal-Onor. Interpellant fil-laqgħa li jmiss nhar it-Tlieta 23 ta’ Jannar 2018.

Il-Qrendi – Triq is-Siġġiewi – traffic mirror

Question

Peress li fi Triq is-Siġġiewi, il-Qrendi hemm parti mit-triq li hija blind corner, u peress li fil-parti tat-triq imsemmija hemm diversi garaxxijiet kif ukoll xi residenti li jkunu jridu joħorġu l-vettura mill-garaxxijiet tagħhom, jista’ l-Ministru jara li tiġi stallata traffic mirror (kif indikata fil-pjanta li qed tingħata separatament) mill-aktar fis possibli sabiex jiġu evitati inċidenti bla bżonn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta ma kellha l-ebda talba għal Traffic Mirror, liema talba trid issir mill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Dħaħen prodotti mill-fran

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinvestiga s-sitwazzjoni dwar id-dħaħen prodotti minn fran li jaħdmu bil-ħatab jew bil-fuel li qed jaffetwaw lir-residenti tal-madwar? (Jista’ jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien sar ilment fl-Lulju tal-2017 dwar emissjonijiet minn ċumnija ta’ forn li jinsab fil-post imsemmi minnu. L-ilment ġie investigat nhar is-26 ta’ Lulju 2017 fejn il-persuna responsabbli għall-forn ġiet ordnata tnaddaf iċ-ċumnija. It-tindif tal-istess ċumnija kien sar il-Ħadd 30 ta’ Lulju 2017 u kienet saret verifika neċessarja mill-uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali. Ninfurmah ukoll li saret spezzjoni oħra fis-17 ta’ Jannar 2018 fil-preżenza wkoll tal-persuna responsabbli mill-forn, fil-ħin tal-ispezzjoni l-forn kien qiegħed jiġi mkebbes bin-nar permezz ta’ injam qabel ma ssir fornata ħobż. Iċ-ċumnija ġiet spezzjonata u dak il-ħin ma rriżulta ebda emissjoni minnha. L-injam li kien qed jintuża huwa konformi mar-Regolamenti dwar l-Użu ta’ Materjal Kombustibbli fl-Ifran.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – ex offenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ ex offenders mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm ħarġu nies mill-ħabs? Kemm minnhom kienu rġiel? Kemm kienu nisa? Kemm minnhom kienu riċedivi tul dawn l-aħħar ħames snin? Minn dawk li baqgħu fis-soċjetà, kemm minnhom huma dipendenti fuq benefiċċji soċjali bħala l-unika sors ta’ income?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, filwaqt li l-mistoqsija parlamentari trid tiġi riferuta u mwieġba fil-maġġoranza tagħha mill-Ministeru kkonċernat, il-Ministeru tiegħi li taħtu jaqgħu il-benefiċċji soċjali, ma jżommx statistika abbażi ta’ dak li qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant fl-aħħar parti tal-mitoqsija tiegħu.

Single Mothers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn single mothers reġistrati? Kemm minnhom jaħdmu? Kemm minnhom huma dipendenti fuq benefiċċji soċjali bħala l-unika sors ta’ income? Kif inhi komposta l-familja tagħhom? Kemm għandhom tfal? Kemm hawn single mothers li huma f’riskju ta’ faqar (jew qegħdin fil-faqar)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

NPICU – pazjenti trabi

Question

B’referenza għan-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU), post li joffri kura ta’ kwalità u intensiva lil tfal ta’ taħt it-tliet snin, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm iddaħħlu pazjenti trabi u tfal taħt it-tliet snin fis-snin 2015, 2016 u 2017? Kemm kienet il-bed occupancy rate ta’ dan il-unit fis-snin 2015, 2016 u 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ trabi u tfal taħt it-tliet snin li ddaħħlu fil- Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU), fis-snin 2015 u 2016 kif ukoll l-Average Bed Occupancy f’din is-sala għall-istess perjodu jidhru fit-tabella hawn taħt: Sena Numru ta’ Admissions u Transfers In Average Bed Occupancy (%) 2015 449 81% 2016 472 87% Ninfurmah ukoll illi l-figuri għal 2017 għadhom qed jiġu vvalidati.

NPICU – nurse complement u complement ta’ tobba residenti

Question

B’referenza għan-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU), post li joffri kura ta’ kwalità u intensiva lil tfal ta’ taħt it-tliet snin, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-complement ta’ nurse to baby ratio f’dan il-unit (eskluż il-qwiebel li jmorru hemm biex ikollhom hands on experience) bħala nursing complement? Kemm hu l-complement ta’ tobba residenti f’dan il-unit? Kif tipparaguna dawn iċ-ċifri ma’ standards internazzjonali, meta mqabbel mat-turnover ta’ pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-riżorsi fin-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit ivarjaw skont il-kundizzjonijiet tat-tfal. Din il-unit jkollha trabi li jkollhom bżonn kura intensiva li tirrikjedi nurse:patient ratios ta’ 1:1 kif ukoll trabi li jkollhom bżonn high dependency care li ma tirrikjedix 1:1 ratios. F’din is-sala hemm 13 il-tabib li joffru s-servizzi tagħhom fuq bażi residenti. Dawn ir- ratios jikkomparaw tajjeb ħafna ma units simili barra minn Malta.