Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — MITU Brown 3rd Floor - Sala għal treatment ta' Ramicade

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x'jista' jsir sabiex fis-sala MITU Brown 3rd Floor fl-Isptar Mater Dei fejn jingħata t-treatment ta' Ramicade lil pazjenti li jkollhom bżonn l-aħjar attenzjoni minħabba l-vulnerabbilità tagħhom fil-preżent, il-ward fejn qegħdin jinqdew hija shared ma' pazjenti oħra tal-mediċina, bil-biża' li: a. il-ħames sodod li hemm għal dawn il-pazjenti huma ftit wisq mad-domanda li teżisti; b. il-fatt li s-sala hija shared, qed toħloq biża li l-pazjenti li jkunu tant vulnerabbli bit-trattament li jkunu qed jieħdu, ikunu qegħdin fil-perikolu minħabba pazjenti oħra li qed ikunu fl-istess sala?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi meta nfetaħ l-Isptar Mater Dei aktar minn 10 snin ilu kien diġa zgħir wisq għal htiġijiet tal-popolazzjoni Maltija. Matul dawn l-aħħar snin l-awtoritajiet tas-Saħħa ħadu passi sabiex jiżdiedu s-sodod akuti għat-trattament tal-pazjenti tagħna.

Il-Mosta — Triq Sir Temi Zammit - Arbli mingħajr bozoz

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex arbli tad-dawl fi Triq Sir Temi Zammit, it-triq li mill-Mosta tmur għall-Imġarr, spiċċaw bla bozoz u llum huma arbli bla dawl?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-arbli ġarrbu ħsarat kawża ta’ vultaġġ għoli, u f’dan l-istadju jrid jiġi deċiż jekk tiġix msewwija l-ħsara jew jinbidlu f’arbli ġodda. Madanakollu qed isir kull sforz minn Transport Malta sabiex din is-sitwazzjoni tkun ġiet indirizzata fil-ġranet li ġejjin.

Il-Mosta — Triq Patri Ġuże Delia - Bini ta' boundary Wall

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li minkejja r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2895, jitneħħa l-perikolu li hemm fil-preżent bil-bollards tal-konkos li qegħdin fil-post proviżorjament minflok boundary wall li kellu jinbena minflok ħajt tas-sejjieħ li kien qed jaqa' waqt li karozzi tal-linja jew vetturi kbar kienu jgħaddu minn din it-triq? Jista' jieħu l-passi immedjatament biex jitneħħa l-perikolu li hemm fil-preżent?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li Transport Malta se terġa’ tiddiskuti s-sitwazzjoni mal-entita’ kkonċernata biex ikun jista’ jsir il-bini tal-ħajt kif mixtieq.

Fidi ta' ċnus temporanji u perpetwi

Question

Jista' l-Ministru jgħid, taħt l-iskema ta' fidi ta' ċnus temporanji jew perpetwi ta' proprjetà regolata mill-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat tal-1991, kemm kien hemm proprjetajiet residenzjali: a. miżmuma b'ċens temporanju; u b. miżmuma b'ċens perpetwu; li ġew mifdija? Jista jikklassifika l-informazzjoni tal-proprjetà hekk mifdija b'dawk ta': i. kejl sa 270 metru kwadru ta' spazju abitabbli; u ii. dawk ta' kejl ta' aktar minn hekk? Kemm f'dawn il-każijiet kien hemm sidien li fdew aktar minn proprjetà waħda miżmuma minnhom b'dan it-titolu ta' ċens?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Uffiċċju Konġunt — policies/skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu u x'inhuma l-policies u/jew skemi li adotta l-Uffiċċju Konġunt minn meta fl-1991 sar il-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat dwar il-Proprjetà tal-Knisja? Jista' jagħti t-titolu ta' kull policy/skema u d-data ta' meta ġiet adottata, u f'kull każ, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni jew l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li permezz tagħhom ġabuhom għall-attenzjoni pubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet relatati, mill-2011 sa din is-sena skolastika? Jista’ l-Ministru jipprovdi wkoll dettalji dwar it-total ta' għotjiet għal kull sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ftehim milħuq mal-Union tal-Għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’jinvolvi l-ftehim milħuq mal-Union tal-Għalliema u kif dan se jġib tibdil fis-settur edukattiv?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Fost il-punti prinċipali tal-ftehim milħuq fil-21 ta’ Diċembru wieħed isib it-tisħiħ tal-pakketti finanzjarji tal-edukaturi b’żidiet sostanzjali li jiżdiedu kull sena sal-2021. Dan it-tisħiħ jinkludi numru ta’ allowances ġodda u huma żidiet diġà daħlu fis-seħħ. Oltre minn dan hemm numru ta’ punti lil hinn minn dawk finanzjarji li jsaħħu l-kundizzjoni u l-professjoni tal-edukaturi: - Żieda tal-ispecial leave għal 31.25 siegħa għal kull sena skolastika, li se tidħol fis-seħħ mis-sena skolastika li jmiss. - Tisħiħ tal-mobilità bejn setturi, b’rikonoxximent tal-gradi tal-għalliema u snin maħduma meta jsir ċaqliq ta’ impjegat minn skola mhux tal-istat għal waħda tal-istat. - Iktar opportunitajiet ta’ żvilupp u taħriġ. Iżjed toroq miftuħa għal edukaturi f’kariga supply, biex isiru regolari. - 40 siegħa (f’kull sena skolastika) ta’ taħriġ u żvilupp personali waqt ħinijiet tal-iskola. - Iktar spazju biex għalliem ikun jista’ jippjana u jmexxi x-xogħol tiegħu b’mod iktar indipendenti. Dan jorbot anke mat-tibdil li se jiġi introdott b’mod inkrimentali għat-tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena biex jissaħħaħ l-assessjar kontinwu u l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. - Is-syllabi, inkluż dawk vokazzjonali u applikati, se jinħadmu id f’id ma’ dawk li jimplimentawhom, cjoè l-edukaturi stess. - Progressjoni fast-track fil-karriera għall-għalliema biex jipprogressaw f’6 snin flok fi 8 f’każ li jakkumulaw 360 siegħa ta’ taħriġ volontarju, li taffetwa anke l-pakkett finanzjarju. - Progressjoni ġodda fil-karriera għall-LSEs u KGEs.

Investiment tal-Gvern f’LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment tal-Gvern f'LSAs, inkluż dawk mhux tal-istat, mill-2011 sa din is-sena skolastika? Jista’ jgħid kif inbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-LSAs f’dan il-perjodu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-għadd ta’ LSAs fi skejjel tal-Istat, Knisja u Indipendenti mill-2011 sa din is-sena skolastika huwa kif se nsemmi: Sena SkolastikaStatKnisjaIndipendenti 2011-2012155560776 2012-20131688668125 2013-20141782704157 2014-20152029742171 2015-20162083782212 2016-20172215834238 2017-20182380820203 Permezz tal-ftehim settorali li ġie ffirmat f’Diċembru li għadda, l-LSEs infetħulhom opportunitajiet ġodda fil-karriera tagħhom, inkluż bl-LSE III (Skala 10 tipprogressa għal 9) u ftuħ ieħor aktar ‘il fuq. Hemm ukoll titjib fl-allowances.

Settur primarju u sekondarju – studenti ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti figuri ta’ kemm hemm studenti li huma ta’ nazzjonalità barranija fis-settur primarju u sekondarju maqsuma skont l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti ta’ nazzjonalità barranija fis-settur primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti huma kif se nsemmi: SetturPrimarjaSekondarjaTOTAL Stat274610893835 Knisja5676132 Indipendenti58711901777 Total338923555744

Ħ’Attard, Ħal-Lija, Ħal Balzan, San Ġwann, Għargħur, l-Imsida, Birkirkara, u s-Swatar – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet se jsiru fuq it-toroq f’dawn il-lokalitajiet; Ħ’Attard, Ħal-Lija, Ħal Balzan, San Ġwann, Għargħur, l-Imsida u Birkirkara, inkluż is-Swatar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

L-Imsida, Birkirkara (inkluż is-Swatar) u San Ġwann – proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett tal-akkomodazzjoni soċjali maħsub għal-lokalitajiet tal-Imsida, Birkirkara, inkluż is-Swatar u San Ġwann?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-proġett għall-akkomadozzjoni soċjali li l-Gvern diġa’ beda jaħdem fuqu f’diversi lokalitajiet, jinkludi wkoll bini ta’ appartamenti fl-Imsida u Birkirkara.

Kirjiet ta’ Fondi Kummerċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk il-kirjiet ta’ fondi kummerċjali, inkluż dawk li skont il-Kodiċi Ċivili se jagħlqu din is-sena, hux se jkunu jagħmlu parti mill-White Paper li se tkun imnedija mill-istess Ministeru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-White Paper dwar il-kera, ser tkun qiegħda tindirizza kirjiet residenzjali iżda teskludi kera ta’ proprjeta’ għal skopijiet kummerċjali u turistiċi.

Għaqdiet Volontarji – policies dwar fondi

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx policy dwar kif jingħataw fondi lill-għaqdiet volontarji jew jeżistux xi rekwiżiti? Jekk teżisti tali policy jew rekwiżiti jista’ l-Ministru jqiegħdha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-policy dwar kif jingħataw fondi lill-għaqdiet volontarji toħroġ mill-istess Att dwar is-Settur tal-Volontarjat tal-2007 illi jistabbilixxi illi l-għaqdiet volontarji jridu jkunu reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi indirizzati għall-istess settur. Apparti dan kull fond ikollu l-linji gwida u l-kriterji ta’ eliġibilità partikolari tiegħu.

Għaqdiet Volontarji — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista tal-fondi kollha li ngħataw lill-Għaqdiet Volontarji fis-sena 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi t-tliet skemi li minnhom ingħataw fondi lill-Għaqdiet Volontarji fis-sena 2017, fl-ewwel parti taħt il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili u tkomplew taħt dan il-Ministeru u amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, huma l-Voluntary Organisations Projects Scheme, is-Small Initiatives Support Scheme u s-Civil Society Fund. Id-dettalji tal-fondi kollha li ngħataw qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Twaqqif ta’ Regolatur li jirregola kummerċjalizzazzjoni ta’ partijiet minn konċessjonijiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Regolatur imsemmi f’Avviż Legali li jirregola l-Kummerċjalizzazzjoni ta’ partijiet minn konċessjonijiet sportivi hux imwaqqaf u min hu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Iva, il-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi twaqqfet u ċ-Chairperson huwa Dr David Farrugia Sacco.

Reġistrazzjoni tal-Karozza — refund

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li kull ma ħa hu refund ta’ €100 mir-reġistrazzjoni tal-karozza? Jista’ l-Ministru jara meta jmiss li jieħu l-pagament li jmiss?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagament tal-persuna msemmija ser jintradd lura din is-sena, peress li l-vettura kkonċernata ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fis-sena 2007. Ittri u applikazzjonijiet tal-għotja ser jintbagħtu aktar il-quddiem din is-sena. Il-pagament li jmiss ser ikun dak finali.

Sussidju fuq kera – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha pensjoni ta’ €665 imma tħallas €620 kera fix-xahar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-persuna li għaliha qiegħda ssir referenza, applikat għas-sussidju tal-kera f’Dicembru 2017. Fil-5 ta’ Jannar 2018 s-sinjura ġiet infurmatha biex tibagħat xi dokumenti li kienu nieqsa u li huma neċessarji sabiex tkun tista’ tiġi pproċessata l-applikazzjoni.

Xogħlijiet fuq apramorta tal-bejt – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward xogħlijiet fuq l-apramorta tal-bejt?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, x-xogħlijiet mitluba mill-persuna imsemmija, jikkonsistu f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni ordinarja fuq il-bejt. Ir-residenti diġa’ ġew infurmati li huma responsabbli biex jagħmlu l-manutenzjoni ordinarja neċessarja fil-partijiet komuni tal-blokk tagħhom, b’mod regolari.

Direct Oral Anticoagulants

Question

B’referenza għall-mediċini Direct Oral Anticoagulants (DOACs) li huma mediċina li tintuża minflok il-warfarin, u peress li dawn għandhom prezz ferm aktar għoli mill-warfarin imma ma jenħtieġux moniteraġġ regolari u għalhekk servizzi ta’ riżorsi tad-Dipartiment li jinkludu fost oħrajn laboratorju, phlebotomist, trasport ta’ pazjenti u/jew point of care fiċ-Ċentri tas-Saħħa bl-użu ta’ kit kif ukoll numru ta’ referals outpatients u inpatients li jsiru minħabba emoraġija, u peress li l-prassi li tingħata din il-mediċina minflok il-warfarin ilha li ttieħdet f’ħafna pajjiżi Ewropej, u peress ukoll li l-Att dwar is-Saħħa jtenn li l-kumitat tal-cost-benefit analysis għandu jħares l-interessi tas-servizz tas-saħħa b’mod ħolistiku meta jiġi għall-consumables u mediċini, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk qattx sar cost-benefit analysis bl-għan li juri jekk ikunx jaqbel kemm lill-Gvern u lill-pazjenti biex id-DOACs ikunu fil-formolarju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Oral Anticoagulants diġa jinsabu fil-formularju għal pazjenti adulti bil-venous thromboembolism li jagħmlu operazzjonijiet tan-knee replacement.

Bejjiegħa tal-Monti tar-Rabat Għawdex — ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3409 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien il-ftehim li sar mal-bejjiegħa tal-monti li kienu jarmaw fit-Tokk Għawdex fi Pjazza Indipendenza, wara li dan l-ispazju tteħdilhom u minflokhom qed jarmaw l-imwejjed tal-ħwienet u r-ristoranti? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm ftehim mal-bejjiegħa kollha u jekk iva x'kien dan il-ftehim u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.