Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal sanzjonar/ bini ta’ stalel taż-żwiemel

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2859, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA) għal sanzjonar / bini ta' stalel taż-żwiemel, sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'liema lokalità jinsabu? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3091, l-Awtorità tal-Ippjanar ivvalidat jew ippublikat mija erba’ u għoxrin applikazzjoni (124) għal żvilupp relatat ma’ sanzjonar / bini ta’ stalel mill-1 ta' Jannar 2013 sal-lum. Annessa hawn tabella li tagħti n-numru ta’ applikazzjonijiet ivvalidati / ippublikati kull sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 2013 10 2014 5 2015 11 2016 46 2017 52 Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati mill-1 ta' Jannar 2013 fejn fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom hemm il-kelmiet segwenti. · Stables/s · Stalla / Stalel

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal Animal Sanctuaries

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2865, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA) għal Animal Sanctuaries (a bażi tal-Rural Policy & Design Guidelines 2014), sena b'sena mill-2014 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'liema lokalità jinsabu? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2865/ 3092, l-Awtorità tal-Ippjanar ma ivvalidat jew ippublikat l-ebda applikazzjoni għal żvilupp relatat ma’ Animal Sanctuaries mill-1 ta' Jannar 2014 sal-lum. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati mill-1 ta' Jannar 2014 fejn fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom hemm il-kelmiet segwenti. · Animal + Sanctuary / Sanctuaries kif msemmija fir-Rural Policy & Design Guidelines, 2014.

Artiklu 80 tal-Att Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp – permessi revokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm permessi li saret talba biex jiġu revokati, sena b'sena, skont l-Artikolu 80 tal-Att Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp minn April 2016 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn il-permessi? Liema minn dawn il-permessi kienu fil-fatt ġew revokati? X'kienet ir-raġuni għal din ir-revoka?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ permessi li saret talba biex jiġu revokati, huma ta’ dsatax (19) għas-sena 2017 u erba’ (4) għas-sena 2016 (minn April 2016). Lista ta’ dawn id-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet pendenti għall-kmamar u mħażen agrikoli barra ż-żona ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA) għall-bini ta' kmamar u mħażen agrikoli barra ż-żona ta' żvilupp, sena b' sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'liema lokalità jinsabu? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3094, l-Awtorità tal-Ippjanar ivvalidat jew ippublikat sitt mija ħamsa u sittin applikazzjoni (665) tal-Ippjanar (Planning Applications) u ħames applikazzjonijiet tad-DNO (Development Notification Order) għal żvilupp relatat ma’ bini jew alterazzjonijiet ta’ kmamar u mħażen agrikoli barra miż-zona ta’ żvilupp mill-01/01/2013 sal-lum. Annessi hawn tabelli li jagħtu in-numru ta’ applikazzjonijiet (PAs u DNOs) ivvalidati / ippublikati kull sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi ta’ dawn l-applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. PAs 2013 44 2014 34 2015 157 2016 206 2017 224 DNOs 2013 2 2014 1 2015 1 2016 1 Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati mill-01/01/2013 fejn iż-żona hija ndikata bħala barra ż-żona tal-iżvilupp u fejn fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom hemm xi waħda mill-kliem segwenti. · agri + warehouse/s · agri + store/s · agri + room/s · tool + room/s · maħżen / mħażen · agri + kamra / kmamar · agri + għodda / għodod

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — kuntratt tal-maids fil-Ministeru u f’Ambaxxati barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' kuntratt għandhom il-ħassiela li qed iservu f’Palazzo Parisio u f’bini ieħor relattat mal-Ministeru (f’Malta u f’barra minn Malta)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ambaxxati – background checks fuq il- locally engaged staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ background checks saru jew isiru, fuq l-impjegati locally engaged staff, partikolarment fuq drivers li jsuqu fl-Ambaxxati tagħna?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ingaġġ ta’ impjegati locally engaged staff fl-Ambaxxati, jsir fuq approvazzjoni mill-Kap tal-Ministeru u wara li jkun ġie segwit il-proċess tal-għażla b’mod korrett. Dan japplika mhux biss għad-drivers li jsuqu fl-Ambaxxati tagħna imma għal kull ingaġġ. Il-Ministeru ikun liberu li jagħmel kull background checks li jidhirlu li ikun hemm bżonn. Minn naħa tal-Ambaxxata, din tkun mistennija li titlob ittri ta’ referenza u l-kondotta tal-Pulizija maħruġa mill-iStat jew pajjiż rispettiv.

Rappreżentanza ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York — Deputat Rappreżentant Permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu d-Deputat Rappreżentant Permanenti fir-Rappreżentanza ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Deputat Rappreżentant Permanenti fir-Rappreżentanza ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York huwa is-Sur Giovanni Buttigieg li huwa l-ogħla uffiċjal wara l-Ambaxxatur.

Subsahara Africa – ftuħ ta’ Ambaxxata/Kummissjoni Għolja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni f’liema pajjiż fis-subsahara Africa beħsiebu jiftaħ Ambaxxata/Kummissjoni Għolja? Jekk iva, fejn u meta? Hemm xi ħsieb li jinfetħu Ambaxxati oħra f’pajjiżi oħra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-decizjoni għadha ma tteħdietx.

Individwu li nġab lura minn posting barra minn Malta

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2936, jista’ l-Ministru jelabora iktar x’fisser bil-kliem “esiġenzi tas-servizz” f’dan il-każ partikolari ta’ rilevanza nazzjonali? Jista’ jgħidilna min jew mil-liema uffiċċju ħarġet l-ordni biex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jinġab lura l-Head Office? B’liema mezz ġie infurmat dan l-uffiċjal u minn min? Ma’ liema direttorat ġie assenjat l-istess uffiċjal? Meta beda xogħol f’dan id-Direttorat? Min u kif ġie infurmat id-Direttur ikkonċernat li dan l-istess individwu ġie assenjat jaħdem miegħu jew magħha?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li mgħandhiex x’inżid mat-twegiba mogħtija għall- mistoqsija 2936.

Trade missions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru trade missions minn Ġunju 2013 sal-lum fejn kien involut il-Ministeru, f’liema pajjiżi saru u liema Ministeri/uffiċċini/entitajiet ħallsu għall-ispejjeż relatati għal dawn it-trade missions? Min kienu l-uffiċjali mill-Ministeru tiegħu li kienu jiffurmaw parti minn dawn l-istess trade missions?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal- lum kien hemm tmien trade missions li kienu waqt żjarat statali tal E.T. il-President ta’ Malta u l-Onorevoli l-Prim Ministru.Dawn kienu fl-Italja,fl-Algerija,fil-Lebanon,fil-Jordan,fir-Russja fil-Ghana,fl-Ukrajna u t-Tunezija.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – applikazzjonijiet minn kumpaniji privati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’applikazzjonijiet saru minn kumpaniji privati għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Baġit 2014-2020? Tista' tgħid taħt liema programmi saru dawn l-applikazzjonijiet u f'kull każ għal xiex kellhom jintużaw il-fondi Ewropej? Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet minn dawn il-kumpaniji privati u ċjoè jekk ġewx approvati jew le? Tista' tgħid dawk li ġew approvati liema kienu u x'inhu l-persentaġġ li joħorġu mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti u telenka f’kull każ l-isem tal-kumpanija benifiċjarja?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattiva Business Enhance ERDF Grant Schemes hija ffinanzjata taħt il-Programm Operattiv I Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 b’ko-finanzjament ta’ 80% mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u 20% mill-Fondi Nazzjonali. Ġew approvati 109 applikazzjonijiet taħt is-sitt skemi ta’ għajnuna li kienu mnedija taħt din l-inizjattiva. L-informazzjoni dwar l-ismijiet tal-intrapriżi benefiċjarji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra u jinsabu wkoll fuq il-website: http://businessenhance.gov.mt/en/schemes/Pages/General-Information-.aspx.

Ċentru tal-Arbitraġġi – arbitraġġi deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi arbitraġġi fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li 285 każ ġew deċiżi matul is-sena 2017, jiġifieri każijiet fejn ingħatat deċiżjoni, li minnhom 268 kienu każijiet mandatorji; 12-il każ ta’ arbitraġġ volontarju u 5 każijiet internazzjonali.

Ċentru tal-Arbitraġġi – arbitraġġi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm arbitraġġi pendenti fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li preżentament hemm 785 każ pendenti minn 5,270 każ li ġew irregistrati maċ-Ċentru tal-Arbitraġġ sa minn meta beda jopera dan iċ-Ċentru. Dawn jammontaw għal 15% tal-każijiet ipprezentati, li minnhom 608 huma każijiet mandatorji; 159 każ ta’arbitraġġ volontarju u 18-il każ internazzjonali.

Kawżi kontra l-awtoritajiet tas-saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’dawn l-aħħar 10 snin kemm saru kawżi kontra l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fejn intalab rifużjoni ta’ spejjeż u danni, minn pazjenti li minħabba li ma ngħatawx kura medika mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali kellhom iħallsu għal din il-kura privatament? Minn dawn il-kawżi, kemm minnhom ġew deċiżi favur il-pazjent? Kemm hu l-ammont ta’ flus li ġew rifużi lura lill-pazjent għal spejjeż u danni li sofrew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda kawża li nfetħet f’dawn l-aħħar 10 snin kontra l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fejn intalab rifużjoni ta’ spejjeż u danni minn pazjenti li marru biex jieħdu kura privatament minħabba li ma ngħatawx kura medika mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali.

Kawżi minn pazjenti kontra tobba, speċjalisti jew konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm f’dawn l-aħħar 10 snin saru kawżi minn pazjenti kontra tobba, speċjalisti jew konsulenti oħra fil-qasam tas-saħħa pubblika? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-kawżi ġew deċiżi favur il-pazjenti? F’każ Ii ġew deċiżi favur il-pazjenti, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ġie akkordat mill-Qorti li għandu jitħallas lil dawn il-pazjenti, sew personalment u sew mill-professional insurance?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar għaxar snin infetħu sittax –il każ kontra tobba u speċjalisti. Minn dawn kien hemm tlieta illi għaddew in ġudikat. Minn dawn it-tlieta f’kaz wieħed biss il-Qorti iddeċidiet favur il-pazjent. Dan il-każ kien infetaħ fl-2009.
Leg 13 PQ #3213 Sitting 73 2018-01-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Policy dwar dritt għal free pass għall-użu tal-Gozo Channel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-policy li kienet saret fi żmien il-Gvern Nazzjonalista u li kienet pubblikata fuq il-website tal-Gozo Channel dwar min għandu dritt għal free pass biex juża l-vapur tal-Gozo Channel ġietx mibdula? Jekk ġiet mibdula, meta ġiet mibdula u fejn ġiet pubblikata? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy dwar min għandu dritt għal dan il-pass kif kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista u kopja tal-policy kif inhi llum? Tista' tara li din il-policy terġa' titpoġġa fuq il-website tal-Gozo Channel minn fejn kienet tneħħiet fil-leġiżlatura l-oħra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #3214 Sitting 73 2018-01-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet li saru mir-Roads Department

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, bejn Marzu 2013 sal-lum, liema xogħlijiet saru f’kull waħda mill-14-il lokalità f’Għawdex mir-Roads Department li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ telenka dawn ix-xogħlijiet lokalità b’lokalità? F'kull każ, ix-xogħol sar wara talba tal-kunsill lokali konċernat jew fuq inizjattiva tal-Ministeru jew Dipartiment tagħha?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #3215 Sitting 73 2018-01-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema f’Kemmuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif u għal liema raġuni l-ħaddiema f'Kemmuna żdiedu minn tlieta f'Novembru 2015 għal 11 f'Ottubru 2017 u dan kif jirriżulta minn risposta għall-mistoqsija parlamentari 21169 li ngħatat fl-24 ta’ Novembru 2015 fejn kien intqal li hemm tliet ħaddiema mill-Ministeru għal Għawdex li jaħdmu f’Kemmuna u mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1895 datata 20 ta’ Ottubru 2017 fejn intqal li hemm 11-il ħaddiem jaħdem f'Kemmuna? Tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta’ xogħol qed isir bħalissa minn dawn il-ħaddiema ġewwa Kemmuna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 1895.

Korp tal-Pulizija — Assistent Kummissarju inkarigat mit-Taqsima tat-Traffiku u l-Garaxx tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-Assistent Kummissarju li ser ikun inkarigat mit-Taqsima tat-Traffiku u l-Garaxx tal-Pulizija wara r-riżenja tal-Assistent Kummissarju li ismu qed jingħata separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Amministrazzjoni tal-Korp tinkariga l-uffiċċjal responsabbli minn din it-Taqsima fil-ħin opportun u fl-aħjar interess tal-Korp. Preżentement din it-taqsima qed tiġi ikkoordinata minn uffiċċjal ieħor.

Persuni b’diżabilità li sabu impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna b’diżabilità sabet impjieg fis-sena 2017? Jista’ jagħti figuri ta’ persuni b’diżabilità fix-xogħol għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni b'diżabilità li sabu impjieg is-sena l-oħra sal-aħħar ta’ Novembru 2017 kien ta’ 649. In-numru ta’ persuni b’diżabilità fix-xogħol għal dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej: Sena Persuni b’diżabilit à fix-xogħol Dicembru 2013 1,797 Dicembru 2014 2,007 Dicembru 2015 2,318 Dicembru 2016 2,850 Novembru 2017 3,499