Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – taħriġ lill-uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-Ministeru fil-gradi kollha, għamel xi forma ta’ taħriġ? Jista’ jgħid ukoll kemm korsijiet għamel kull uffiċjal minn Marzu tal-2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jaħdem dwar ir-riforma tal-kunsilli lokali u għaliex inħasset il-ħtieġa għaliha? X’jista’ jistenna ċ-ċittadin komuni minn tali bidliet li jaffettwawlu pożittivament l-għixien tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kif se jissaħħu r-reġjuni b’din ir-riforma fil-lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar ir-Riforma tal-Gvern Lokali twaqqaf Kumitat ta’ Tmexxija u sotto-kumitati bex jaħdmu fuq oqsma differenti. Dawn qegħdin fil-fażi li jikkonsultaw lill-istakeholders interni, fosthom kunsilli lokali, l-Assoċjazzjoni ta-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Segretarji Eżekuttivi u l-Partiti Politiċi, kif ukoll issir evalwazzjoni tal-liġi tal-kunsilli lokali biex isiru rakkomandazzjonijiet għal emendi jew dispożizzjonijiet ġodda. Fost id-diversi proposti li qed jiġu kunsidrati hemm dik dwar it-tisħiħ tar-Reġjuni. Wara din il-fażi ser ikun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika biex wara dan jitħejjew l-emendi leġislattivi meħtieġa. Ta’ min isemmi li hu inkoraġġanti u ta’ min ifaħħar l-impenn tal-istakeholders interni kollha, li urew sens ta’ responsabbiltà u impenn li jaraw titjib fir-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-awtoritajiet lokali, kif ukoll titjib fl-istandards biex togħla l-kwalità tas-servizz liċ-ċittadini lokali, inkluż titijib fil-kwalità tal-ħajja permezz ta’ impenn mill-awtoritajiet lokali fil-qafas soċjali u tal-wellbeing taċ-ċittadini. Ta’ min iżid li l-impenn ta’ dan il-ministeru hu li jara li din ir-riforma tkun suċċess għaliex tkun ibbażata fuq konsultazzjoni wiesa’ u wara evalwazzjoni ta’ fejn irridu mmorru wara 25 sena ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna.

Valletta Summit dwar l-Immigrazzjoni – rendikont dwar progress fil-ħames oġġettivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed iżomm rendikont dwar progress li sar dwar il-ħames oġġettivi stabbiliti fil-Valletta Summit dwar l-Immigrazzjoni u jagħti rendikont konċiż ta’ dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pajjiżi sħab li ħadu sehem fil-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni qablu unanimament li I-ICMPD (International Centre for Migration Policy Development), li għandu l-kompitu li jmexxi s-segretarjat tal-Proċessi tar-Rabat u ta’ Khartoum, ikollu wkoll ir-responsabbiltà tas-segretarjat tal-Valletta Framework. Bħala parti minn dan ix-xogħol, l-ICMPD fassal bażi tad-dejta elettronika ħalli kull pajjiż sieħeb ikun jista’ jdaħħal l-aħħar informazzjoni fuq dak li jkun għamel taħt il-ħames objettivi stabbiliti fil-Valletta Action Plan. Bħalissa qed isir taħrig mill-ICMPD stess għall-uffiċjali tal-gvernijiet rispettivi fuq kif għandha tintuża din il-bażi tad-dejta u fuq kif għandhom idaħħlu l-informazzjoni meħtieġa fiha. Ta’ min jgħid ukoll li, fi Frar li għadda, waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti stieden lil uffiċjali għolja minn dawn il-pajjiżi biex issir analiżi tal-progress li kien sar sa dak il-mument biex jitwettqu l-ħames objettivi stabbiliti fil-Valletta Action Plan. F’din il-laqgħa, il-pajjiżi sħab esprimejna s-sodisfazzjon li kienu ġew konklużi 625 inizjattiva u ntefqu 6.5 biljun ewro fi proġetti mqassmin kif ġej, skont il-ħames pilastri tal-Joint Valletta Action Plan: 1) L-indirizzar tal-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament sfurzat: 307 inizjattivi b’valur ta’ 3.8 biljun ewro; 2) Il-migrazzjoni legali u l-mobilità: 16-il inizjattiva b’valur ta’ 61 miljun ewro; 3) Protezzjoni u ażil: 99 inizjattiva b’valur ta’ 837 miljun ewro; 4) Il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u tal-iffaċilitar tagħha, u tat-traffikar tal-bnedmin, u l-ġlieda kontrihom: 77 inizjattiva b’valur ta’ 465 miljun ewro; 5) Ir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid: 63 inizjattiva b’valur ta’ 307 miljun ewro. - Inizjattivi trasversali: 65 inizjattiva b’valur ta’ 1.05 biljun ewro. Dan huwa suġġett li għandu rilevanza kbira, b’mod speċjali għal pajjiżna, li jinstab fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran, fin-nofs tar-rotta tal-migrazzjoni mill-pajjiżi tan-nofsinhar għal dawk tat-tramuntana. L-isfida tagħna tibqa’ li, flimkien mal-pajjiżi sħabna, inkomplu naħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Valletta Joint Action Plan u tal-ħames pilastri tiegħu.

Commonwealth – diskussjoni fuq Brexit u l-impatt fuq il-membri tal-Commonwealth

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-ambitu tal-Commonwealth ġietx diskussa Brexit u l-impatt ta’ dan anke fuq il-membri tal-Commonwealth u r-rilevanza tal-istess Commonwealth fis-snin li ġejjin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-suġġett ta’ Brexit u l-effetti li potenzjalment jista’ jkollu fuq l-pajjiżi tal-Commonwealth qed jiġu diskussa u fil-fatt ġew ċirkolati diġà diversi studji ta’ esperti dwar implikazjonijiet possibli b’mod speċjali għal dawk il-pajjiżi tal-Commonwealth li huma żgħar u vulnerabbli. Filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet fl-Unjoni Erwopea dwar Brexit li ma nixtieqx nidħol fihom bħalissa minħabba n-natura tad-domanda tiegħek, huwa opportun li nagħmel referenza għall-preparamenti intensivi għall-organiżżazjoni taċ-CHOGM 2018 li ser jiltaqa' f’April li ġej u li fost is-suġġetti ewlenija mistenni jkollu taħdidiet dwar il-proposta li tinsab fuq il-mejda msejħa il-“Commonwealth Connectivity Agenda for Trade and Investment”. Huwa ovvju li l-effetti ta’ Brexit, għalkemm mhumiex magħrufa fi sħiħ, jistgħu jħallu effetti kunsiderevoli fuq il-pajjiżi tal- Commonwealth minħabba tibdiliet inevitabli fil-politika dwar il-kummerċ tar-Renju Unit li taffettwa; lir-Renju Unit u r-Relazzjoni tiegħu mall-pajjiżi Ewropej, kif ukoll dawk il-pajjiżi li bħalissa għad-għandhom aċċess favoribli lejn is-suq tal–Unjoni Ewropea. Ċerti membri tal-Commonwealth jiddependu ħafna fuq is-suq tar-Renju Unit għall-esportazzjoni ta’ diversi prodotti agrikoli kif ukoll minerali. Barra minn hekk, possibilità ta’ Sterlina iktar dgħajfa f’xenarju ta' post Brexit, jista' jkollu effett negattiv ukoll fuq dawn il-pajjiżi. Kif diġà semmejt kollox jiddependi mill-mod ta’ kif ir-Renju Unit jinnegozja l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk huwa importanti li nkomplu nħeġġu li jsiru diskussjonijiet u studji mirati kollha meħtieġa ħalli kemm jista’ jkunu jistgħu jiġu indirizzati dawk l-effetti negattivi filwaqt li fl-istess ħin inkomplu nimbuttaw sabiex jiżdied il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-Commonwealth li nfakkar, jirrappreżenta suq ta’ iktar minn 2.4 biljun persuna. Sadanittant, qed naħdmu fil-qrib mal-pajjiżi sieħba biex nippreparaw il-Laqgħa tal-Commonwealth tal-Kapijiet tal-Gvern (CHOGM) f’April li ġej, għall-Summit li għalih hemm aspettativa partikolari, kemm minħabba l-kwestjoni ta’ Brexit kif ukoll, kif semma tajjeb l-Onor. Interpellant, biex inkomplu niżguraw ir-relevanza tal-Commonwealth għas-snin li ġejjin. Tajjeb ngħidu li Malta ħadmet bis-sħiħ f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, bħala Chair in Office tal-organiżżazjoni, biex tippromwovi l-valuri tal-Commonwealth. Insemmi biss ir-rilevanza kbira tal-Commonwealth billi nfakkar il-qbil li sar f’Malta minn 52 Kapijiet preżenti fiċ-CHOGM tal-2015 favur il-Climate Action session, liema Ftehim kien importanti ħafna sabiex ftit ġimgħat wara jiġi maqbul it-Trattat ta’ Pariġi dwar il-Klima jiġifieri f’Diċembru 2015. Ninsab konvint li r-Renju Unit ser ikomplu fuq il-passi tagħna sabiex din il-familja tkompli tissaħħaħ dejjem iktar kemm f’dik li hija rilevanza kif ukoll fl-effikaċċja tax-xogħol tagħha kemm favur il-membri tagħha kif ukoll għal kontribuzzjoni f’livell dinji.

National Emergency Plans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex a national emergency plan bħal pereżempju f’każ ta’ diżastru naturali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu pjan Nazzjonali ta’ Emerġenza li kien ġie approvat mill-Kabinett fl-1996. Fl-2016 kien tlesta National Risk Assessment kif implikat minn direttiva tal-UE. Mill-1996 sa llum saru wkoll pjanijiet esterni f’diversi lokazzjonijiet imsejħa COMAH. Fil-preżent, il-pjan Nazzjonali ta’ Emerġenza qed jiġi rivedut biex ikun ikopri dawn il-pjanijiet esterni u jkun kompattibli man-National Risk Assessment.

Suldati Maltin involuti barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx suldati Maltin involuti barra minn Malta f’taħriġ u jekk hemm, jista’ jagħti informazzjoni dettaljata dwar dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa hemm 26 membru tal-FAM fuq taħriġ barra mill-pajjiż. Hemm 19 qegħdin jattendu korsijiet ta’ formazzjoni tal-uffiċċjali fl-Irlanda u fir-Renju Unit, 4 qegħdin jattendu korsijiet ta’ formazzjoni tal-uffiċċjal navali fl-Italja u fir-Renju Unit, 1 qed jattendi kors ta’ formazzjoni tal-uffiċjali tal-avjazzjoni fir-Renju Unit, 1 qed jattendi kors ta’ instructor fir-Republika Ċeka u 1 fuq munizzjon fir-Renju Unit.

Suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet barra minn Malta ta’ paċi u jekk hemm, jista’ jagħti informazzjoni dettaljata dwar dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa ma hemmx suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet ta’ żamma ta’ paċi barra minn Malta.
Leg 13 PQ #3820 Sitting 80 2018-02-07 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Il-Mitħna tax-Xewkija — restawr

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proġett li se jwassal biex tiġi restawrata l-Mitħna tax-Xewkija? Tista’ tgħid meta huwa maħsub li dan ir-restawr jitlesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li bħalissa għaddej il-proċess tal-procurement fejn qed jkomplu jiġu ppubblikati u aġġudikati s-sejħiet għall-offerti u quotations għall-provvista ta' għodda, materjal u tagħmir għall-bini tal-mekkaniżmu tal-Mitħna. Ix-xogħol tar-riabilitazzjoni tal-Mitħna kollu hu mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena 2019.
Leg 13 PQ #3821 Sitting 80 2018-02-07 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

EkoGħawdex – restawr ta’ postijiet storiċi Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tispjega kif qed titħaddem l-inizjattiva ta’ restawr ta’ postijiet storiċi fil-lokalitajiet Għawdxin permezz tal-istrateġija EkoGħawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema Restoration Works Scheme for Gozitan Local Councils 2017 infetħet għall-Kunsilli Lokali kollha Għawdxin bejn it-30 ta’ Ottubru 2017 u l-1 ta’ Diċembru 2017. Bord maħtur apposta qed jevalwa s-sottommissjonijiet li tressqu quddiemu. Ir-riżultat tal-għażla ser ikun imħabbar lill-applikanti. Infakkar lill-Onor Interpellant li din hi l-ewwel darba li qed titnieda skema simili f’Ghawdex li minnha ser jibbenefikaw diversi lokalitajiet Għawdxin.

Mellieħa – Triq Għar u Casa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir ix-xogħol fuq Triq Għar u Casa fil-Mellieħa peress li l-ilma tax-xita qiegħed jiskula minn din it-triq u jmur fuq wara ta’ blokok ta’ appartamenti li jinsabu fi Triq il-Wied ta' Ruman il-Mellieħa? Peress li din it-triq (Triq Għar u Casa) hi ffurmata minn tafal, jista’ jara li din it-triq ma tkomplix iċċedi u tkompli toħloq ħsarat strutturali fil-blokok tal-appartamenti msemmija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Periti ta' Transport Malta se jkunu qed jagħmlu spezzjoni fit-triq imsemmija fil-ġranet li ġejjin

Civic Amenity Sites – tipi ta’ materjal akkumulat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jagħti separatament x’tunnellaġġ u x’tip ta’ materjal hemm akkumulat preżentament fis-Civic Amenity Sites? (Għall-fini tat-tweġiba, wieħed għandu jieħu d-data ta’ meta saret din il-mistoqsija parlamentari.)

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Kera – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha pensjoni ta’ €600 fix-xahar u tħallas kera ta’ €600 fis-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kera hija maħduma skont il-policies tal-kera soċjali preżenti. Il-kuntratt tal-kera ġie ffirmat fl-24 ta’ Jannar 2014.

Applikazzjoni għall-post – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li applikat għall-post fl-1992 u tilfet xi karti u issa jidher li hemm xi misunderstandings?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-persuna li għaliha qiegħda ssir referenza, applikat taħt l-iskema ta’ Sir Sid Darek fl-2013 sabiex tixtri r-residenza tagħha mikrija mill-Gvern. L-applikazzjoni ġiet proċessata u s-sinjura ngħatat il-prezz tal-appartament kif ukoll ingħatat l-għażla li tikri jew tixtri s-soil area li għandha għall-użu esklussiv tagħha. Din is-soil area tammonta għal ċirka ta’ 97.4 metri kwadri. Jidher illi din is-sinjura, la trid tixtri u lanqas tikri din is-soil area u għalhekk l-Awtortia` tad-Djar qiegħda tesplora l-possibilita` li telimina l-użu ta’ din l-art mingħand is-sinjura biex b’hekk hija tkun tista tixtri l-appartament mingħajr l-art ta’ madwaru.

Applikazzjoni ta’ bdil ta’ post – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni għall-bidla tal-post?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-Sur Falzon għandu applikazzjoni għal tpartit, sabiex ibiddel il-post illi ilu jirrisjedi fih għal diversi snin wara li kien ġie rikonoxxut fl-2001. Ir-raġuni hi li l-post huwa kbir għalih peress li jgħix waħdu. Huwa jixtieq post iżgħar fl-inħawi tal-Msida jew tas-Sliema.
Leg 13 PQ #525 Sitting 79 2018-02-06 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn id-direct orders ingħataw skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku.
Leg 13 PQ #526 Sitting 79 2018-02-06 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MIZZI, KONRAD)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn id-direct orders ingħataw skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-unika entita’ li taqa’ taħt dan il-Ministeru, l-AWAS (Agency for the Wellbeing of Asylum Seekers) ma tat l-ebda direct order fil-perjodu msemmi.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet - direct orders

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 528.