Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett “Kif Jgħid il-Malti”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ippropona l-proġett ‘Kif Jgħid il-Malti”, jekk kienx hemm sejħa għall-proposti u għall-proġetti b’din it-tema, min ingħata l-inkarigu sabiex iwettaq dan il-proġett, min kienu l-artisti involuti f’dan il-proġett u kemm sewa dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ta’ Kandja – Shooting Range — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mistenni tkun l-ispiża annwali biex jitmexxa l-kumpless tax-shooting range f’Ta’ Kandja? Jista’ jgħid ukoll jekk it-tmexxija hijiex se tingħata lill-privat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, infurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-shooting range ser tiġi amministrata mill-Gvern bil-kollaborazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u tal-Akkademja għall-Forzi tad-Dixxiplina u SportMalta.

Skola Primarja tas-Siġġiewi — pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jara għalfejn il-pixxina fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi mhijiex tinżamm imsaħħna matul dawn iż-żminijiet xitwin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi skont l-aħħar reġistrazzjoni tad-data f’Jannar, temperatura ta’ bejn 27 u 30 gradi Celsius qiegħda tinżamm kostanti. Din it-temperatura tal-pixxina hija konformi mar-rekwiżiti fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 465.02. Tajjeb li nsemmi wkoll li mhuwiex permess li żżid it-temperatura aktar minn 30 gradi Celsius minħabba issues ta’ iġjene.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm għandu ħaddiema fil-Ministeru? X’inhuma l-gradi tagħhom u x’perkaċċi għandhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi kif ukoll l-gradi u l-perkaċċi tagħhom huma skont l-guidelines tas-Segretarjati.

Ex imħallef – ħidma f’bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-eks Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux qiegħed fuq xi bord li jaqa’ taħt l-istess Ministeru? Jekk iva, f’liema bord/bordijiet u xi ħlas għandu inkluż mobile, karozza jew allowance oħra jekk hu l-każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-eks Imħallef li d-dettajli dwaru inagħtaw separatament mhux qiegħed fuq xi bord li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħi.

Ex Imħallef — inkjesti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm ilu li rtira l-eks Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kemm-il inkjesta ġie maħtur biex jagħmel? Liema huma dawn l-inkjesti? Xi ħlas ingħata f’kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsilli Lokali – bankini – aċċessibilità għall-anzjani u persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk il-bankini u postijiet fil-lokalitajiet tal-Fgura, Wied il-Għajn u ż-Żejtun li għadhom mhumiex kompletament aċċessibli għall-anzjani u persuni b’diżabilità? F’liema triq huma u x’qed isir biex dawn il-bankini jkunu aktar aċċessibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Artiklu 33(1)(a), tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali, li jiddeskrivi l-funzjonijiet tagħhom jgħid: “( a ) li jipprovdi biex tinżamm fi stat tajjeb u għall-manutenzjoni ta’, jew titjib fi, kull triq jew mogħdija, li ma tkunx proprjetà privata: Iżda l-manutenzjoni għar-rigward ta’ xi triq jew mogħdija tinkludi l-kisi jew l-asfaltar tagħha, iżda ma tinkludix ir-rikostruzzjoni tagħha” Intant, ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, li fil-lokalità hemm tlett toroq li l-bankini tagħhom m’humiex kompletament aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabilità. Dawn huma Triq il-Qadi, Triq l-Isqof Emmanuel Galea u Triq il-Ħaddara. Il-Kunsill qed jieħu ħsieb li jsiru dawk it-toroq li huma l-aktar frekwentati minn persuni b’diżabilità u anzjani, kif ukoll dawk viċin postijiet pubbliċi. Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, li l-bankini fit-toroq tal-lokalità huma kompletament aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabilità u li l-Kunsill fil-proċess li jibda jinstalla techtiles mal-belishia crossings kollha. Min-naħa tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, jien infurmat li l-bankini huma kollha kompletament aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabilità, tant li ma rċieva l-ebda lment ta’ dan it-tip matul is-sena l-oħra. Infurmat mill-istess Kunsill li meta jirċievi xi lment jieħu azzjoni mmedjata sabiex il-problema tkun solvuta.

Sptar Monte Carmeli – persuni b’diżabilità intelletwali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm nies b’diżabilità intelletwali li huma residenti fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 kien hemm 46 persuna b’diżabilità intelletwali li kienu residenti fl-Isptar Monte Carmeli.

Djar tal-Anzjani – ilmenti minn anzjani

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 25399 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ jgħid kemm hemm anzjani li jinsabu residenti f’Dar tal-Anzjani li ressqu xi lmenti? Fuqhiex kienu magħmula dawn l-ilmenti u f’liema dar residenzjali twettqu dawn l-ilmenti? Jista’ jgħid kemm saru lmenti mir-residenti ta’ dawn id-Djar f’din is-sena u x’azzjonijiet ittieħdu biex jieqaf dan l-abbuż?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità rċieva wieħed u tletin ilment minn ġewwa d-djar tal-anzjani tal-Gvern matul s-sena 2017. Dawn l-ilmenti kienu primarjament jikkonċernaw l-ikel u l-manutenzjoni tad-djar residenzjali. L-ilmenti mill-anzjani saru ġewwa d-djar tal-anzjani tal-Mellieħa, Mosta, Mtarfa, u Bormla. Meta d-Dipartiment rċieva dawn l-ilmenti, ttieħdet azzjoni immedjata kemm mill-kuntratturi u kemm mill-istaff partikolari, biex il-kwistjonijiet msemmija jiġu indirizzati. Rigward ilmenti ġewwa djar tal-anzjani privati, dawn jaqgħu taħt ir-responsabiltà tat-tmexxija tad-dar partikolari u għalhekk id-Dipartiment m’għandux din it-tip ta’ informazzjoni iżda kull meta isir awditjar mid-Dipartiment tas-servizzi mogħtija, jiġu investigati l-ilmenti kollha li jinġiebu għall-attenzjoni tad-Dipartiment.

Marsaskala – użu ta’ berġa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1884, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’servizz qed toffri il-berġa ta’ Marsaskala, liema ġranet u ħin qed tkun miftuħa u kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu minn din il-berġa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2017 kien hemm 1,976 persuni li użaw is-servizz ta’ tabib u 1,936 persuna li użat is-servizz tal-infermiera, ġewwa din l-imsemmija berġa. Ninfurmah ukoll illi mit-30 t’ Awissu tal-2016 l-ġranet tal-ftuħ żdiedu b’ġurnata oħra biex b’hekk il-berġa ta’ Marsaskala bdiet tinfetaħ tliet ijiem fil-ġimgħa (It-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa).

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità – persuni reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li huma reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u li jgħixu fil-lokalitajiet tal-Fgura, Wied il-Għajn u ż-Żejtun? Kemm minn dawn il-persuni għandhom diżabilità fiżika, intelletwali jew mentali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kumissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità hija entità indipendenti u awtonoma bil-fakultà ta' regolatur, u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba tista' tinħareġ minn din il-Kumissjoni.

Iż-Żejtun — Żona Industrijali ta’ Bulebel - pjanti tal-estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel fiż-Żejtun? Jista’ jgħid jekk jistax jikkunsidra li ma ssirx din l-estensjoni biex ma jintilifx ir-raba’ maħdum?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tad-design preliminari għadu fil-bidu tiegħu. Il-Malta Industrial Parks se tkun qed twettaq studji li se jieħdu primarjament inkonsiderazzjoni l-aspett soċjali u ambjentali ta’ din l-art, qabel tibda xi forma ta’ proċess mal-Awtorita’ kompetenti biex isir xi forma ta’ żvillup. Tali proċess se jkun wieħed komprensiv li jinkludu konsultazzjoni mal-istakeholders kollha u mhux eskluż li f’dan il-proċess ikunu kkonsidrati alternattivi oħrajn. Dan huwa parti minn ezerċizzju li qiegħed isir minn MIP biex jimmassimizza l-ispazju industrijali f’pajjiżna, fi żmien meta l-Ekonomija Maltija qed tattira livelli ta’ investiment bla preċedent, li jsarfu fost l-oħrajn f’aktar impjiegi ta’ kwalita’. L-art inkwistjoni ilha klassifikata bħala art disponibbli għal żvillup industrijali sa mill-2006 u għaddiet għand Malta Industrial Parks, għal dan l-iskop, lura fl-2009. Il-Policy Map kif ukoll il-legal Notice qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mosta — Triq il-Kbira - Traffic Calming Measures

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3676, jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta, f’ħidma b’risq aktar sigurtà fit-toroq tagħna, jieħu l-passi neċessarji biex jara li dawk ir-road humps li rrefera għalihom fl-istess mistoqsija parlamentari jkunu fit-triq imsemmija, għaliex illum, fi Triq il-Kbira mill-pjazza lejn id-direzzjoni tan-Naxxar ma baqa’ xejn minn dawk il-calming measures?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Rabat Għawdex – bini ta’ skola

Question

B'referenza għall-bini tal-Iskola tal-Primarja ġdida fir-Rabat Għawdex u għall-mistoqsija parlamentari 1484, fejn fit-tweġiba għal din il-mistoqsija ngħad li qed isir ix-xogħol preparatorju fuq dan il-proġett u li qed jiġu evalwati diversi siti għal din l-iskola, possibbilment anke fil-kumpless ta' skejjel fir-Rabat stess, jista' l-Ministru jgħid jekk is-sit fejn se tinbena ġiex identifikat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-sit tal-Iskola Primarja l-ġdida fir-Rabat, Għawdex, jinsab fil-kumpless edukattiv fi Triq Fortunato Mizzi fl-istess lokalità.

Awtorità tal-Artijiet u Awtorità tal-Ippjanar – Direct Orders

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 535, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet u/jew il-kumpaniji għal kull direct order li ngħatat mill-Awtorità tal-Artijiet u mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. (Korrezzjoni : Ara PL 1257 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 86 tat-Tnejn 26 ta' Frar 2018.)

Università ta’ Malta – scholarships għall-Masters jew PhD fis-CERN jew Paul Scherrer Institute

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għal din is-sena, l-Università ta’ Malta hijiex se toħroġ scholarships għall-Masters u/jew PhD fis-CERN jew fil-Paul Scherrer Institute? Jekk le, jista’ jgħid għaliex? Hemm xi forma ta’ appell minn tali deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn żmien għal żmien, akkademiċi tal-Università ta' Malta jirbħu kuntratti għall-proġetti ta' riċerka fis-CERN u l-Istitut Paul Scherrer. Meta l-fondi mirbuħa jippermettu, l-Università tgħarraf bl-opportunitajiet ta' boroż ta' studju, biex studenti kwalifikati jidħlu jagħmlu programm ta' riċerka magħha fil-livell ta' Maġisteru jew Dottorat, bil-parti prattika tkun, parzjalment, fl-imsemmija organizzazzjonijiet. Is-sejħa u s-selezzjoni ssir taħt l-awspiċji tal-Project Support Office (PSO) u, jekk u fejn jidħol impjieg bħala Research Support Officers, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani (HRD). ​Id-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-istudenti jittieħdu minn bordijiet tal-għażla u d-deċiżjonijiet huma appellabbli; fil-każ ta' impjieg billi tintbagħat ittra lid-direttur tar-Riżorsi Umani, fil-ħin stipulat. Billi dawn it-tip ta' boroż ta' studju jinħarġu biss meta jintrebħu l-fondi, m'hemmx garanzija li numru tagħhom joħorġu kull sena. Fl-2017 l-Università ħarget seba' (7) boroż ta' studju ta' dan it-tip. Din is-sena għad m'hemmx il-fondi biex joħorgu boroż ta' studju.

Università ta’ Malta – servizz ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex maħtur sabiex jagħti servizz fl-Università ta’ Malta? Jekk iva, jista’ jgħid jekk kienx hemm sejħa pubblika sabiex jinħatar dan l-individwu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-individwu msemmi mill-Onor. Interpellant ġie kkuntattjat direttament mill-Fakultà tal-Liġi u ġie assenjat dmirijiet bħala Lettur Każwali mad-Dipartiment għal-Liġi Ewropea u Komparattiva għas-sena akkademika 2017/2018.
Leg 13 PQ #4031 Sitting 82 2018-02-14 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Post ta’ Officer-in-charge Minor Staff — ingaġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-uffiċjali pubbliċi li għaddew mill-eżami għall-post ta’ Officer-in-charge Minor Staff, li s-sejħa għalih ħarġet fis-27 ta’ Settembru 2016 u r-riżultat ġie ppubblikat fit-18 ta' Novembru 2016? Jista’ jgħid: a) kemm minn dawk li għaddew ġew appuntati f'dan il-grad; b) jekk fis-Servizz Pubbliku hemmx postijiet vakanti f'dan il-grad u jekk fl-affermattiv meta hu maħsub li se jingħataw dawn l- appointments lil dawk il-persuni li għaddew u għadhom ma ġewx appuntati; c) id-data sa meta hu validu dan ir-riżultat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.