Studenti tal-MCAST Għawdxin – dewmien fuq l-istage għall-tal linja
Question
Studenti tal-MCAST Għawdxin stqarrew miegħi li kull filgħodu jaħlu mill-inqas sagħtejn fuq l-istage biex jistennew xarabank minħabba li xarabanks li jgħaddu, ikunu mimlija daqs bajda u l-passiġġieri jkunu mgħaffġin bħas-sardin. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel sabiex din l-istennija tonqos?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lil Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal liema stage jew stages qiegħed jirreferi sabiex Transport Malta tkun tista’ twettaq l-istħarrig li hemm bżonn fuq is-sitwazzjoni deskritta minnu.
Shangai – diplomatiċi Maltin li ma setgħux jaħdmu iżjed fil-Konsulat Ġenerali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li uffiċjali diplomatiċi Maltin f’Shangai ma setgħux jaħdmu iżjed fil-Konsulat Ġenerali tal-istess belt minħabba diżgwid min-naħa tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ma jirriżultax.
Malta Resources Authority – chairman u membri tal-Bord
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, min kienu ċ-chairman u l-membri tal-Bord tal-Malta Resources Authority (MRA), minn meta din twaqqfet sal-lum? Jista' jgħid kemm kien il-perjodu tal-ħatra ta’ kull membru, u jekk tul il-perjodu tal-ħatra kienx hemm xi membru li rriżenja jew twarrab mill-kariga?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi żewġ Tabelli fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati Assistant Principals mill-eżami li sar fl-2017? Kemm fadal persuni li għaddew mill-eżami iżda għadhom ma ġewx ingaġġati fil-grad ta' Assistant Principal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ ta’ Assistant Principals għaddej skont l-ordni tal-mertu tar-riżultat u li s’issa ġew ingaġġati 290. Il-kumplament jidħlu skont l-esiġenżi tas-servizz pubbliku.
Ministeru għal Għawdex – kumitat jew bord — membri
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ membri ta’ kull kumitat jew bord li nħatru minn Marzu tal-2013 ‘l hawn fil-Ministeru għal Għawdex jew xi entità li taqa' taħt l-istess Ministeru? Tista' tindika kemm kienet ir-remunerazzjoni ta' kull membru fis-sena f'kull kumitat jew bord fejn dawn ma kenux bla ħlas?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar – tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex – ħruġ ta’ permess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) biex isir it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex ħariġx? Jekk le, meta saret l-applikazzjoni quddiem il-PA? Ġiet ippublikata din l-applikazzjoni u meta? Meta hu ppjanat li joħroġ il-permess? Jista’ jgħid jekk it-triq li tagħti għal Għajn Tuffieħa ġewwa l-Imġarr Malta li reċentement ġiet asfaltata, hux ser ikollha titqatta’ mill-ġdid biex tiġi mgħoddija t-trinka ta' dan it-tieni fibre optic cable?
Response (BORG, IAN)
L-Awtorita ta’ l-Ippjanar għandha quddiema applikazzjoni bin-numru PA8209/17 – “Submarine Fibre Optic Cable from Xewkija to Il-Fessej to Golden Bay to Iż-Żebbiegħ including POP room at Xewkija, laying of cable in walk-through tunnel, laying of PVC ducts in trench with regular manholes, construction of beach manhole at il-Fessej, lining of existing disused drainage outflow including HDD, laying of submarine cable to Golden Bay, construction of beach manhole at Golden Bay car park, laying of PVC ducts in trench with regular manholes to iż-Żebbiegħ, demolition of existing toilets and construction of POP room and new toilets and bus shelter at iż-Żebbiegħ”.
Din l-applikazzjoni sarilha l-proċess ta’ l-is
creening
u bħalissa l-applikazzjoni qiegħdha fil-proċess biex tiġi vvalidata.
Id-deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni għandha toħroġ fi żmien mitt ġurnata mid-data tal-validazzjoni.
Il-
cable
għandha tgħaddi mit-triq imsemmija. Il-permess meħtieg għat-
trenching
tat-triq għandu jiġi pproċessat minn Tranport Malta u ma jifformax parti mill-applikazzjoni PA8209/17. Id-Direttorat tal-Ippjanar huwa nfurmat illi t-trinka meħtieġa ġo din it-triq għandha issir fil-ġenb, mingħajr ma jkun maqluh it-tarmac ġdid u il-wiċċ tat-trinka ser jingħalaq bil-konkrit.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3000 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt meta se tiftaħ, peress li l-aħħar darba li nfetħet din l-iskema, kien taħt Gvern Nazzjonalista fl-2013?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema għal fidi ta’ ċens temporanju ser tiġi fis-seħħ fi ftit gimgħat oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm diplomatiċi/uffiċjali għolja b’esperjenza estensiva f’Palazzo Parisio u f’bini anċillari ieħor tal-istess ministeru, li minn Jannar 2014 ma kellhom qatt duty abroad u jagħti r-raġunijiet għal dan?
Response (ABELA, CARMELO)
Nixtieq nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika u jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżodu tal-viżita taċ-Chief Information Officer (CIO) tal-istess Ministeru fil-Brażil bejn l-14 u d-19 ta’ April 2014 fejn hemm indikat Sight Visit to Purchase Property in San Paolo? Jista’ jitpoġġa r-rapport ta’ din il-viżita fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dak il-perjodu kien hemm proġett minn fondi tal-Unjoni Ewropea fuq ftuħ ta’ konsulati ġodda. Sao Paolo ġewwa l-Brażil kien wieħed minn dawn is-siti li kien qed ikun kunsidrat.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3148, jista' l-Ministru jgħid x’ġara minnhom ir-rekords kollha tal-Bord ta’ Appelli dwar ir-Riżorsi? Jista' jgħid fejn qed jinżammu dawn illum u min hu responsabbli minnhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ntqal fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 3148, il-Bord tal-Appelli dwar ir-Riżorsi kien entità separata u distinta mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżosi u kien iżomm ir-rekords tiegħu. Dawn ir-rekords qatt ma setgħu jiġu mgħoddija lill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
Jiena nfurmat li t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva li jisma’ l-appelli, jżomm l-informazzjoni min-naħa tat-Tribunal fl-arkivji tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ambaxxaturi b'kollox li jirrapreżentaw lil Malta? Kemm minn dawn huma residenti u kemm huma mhux residenti? Fost l-ambaxxaturi residenti, jista' jgħid kemm minnhom huma minn Għawdex u f’liema pajjiżi jirrapreżentaw lil pajjiżna? Jista' jgħid kemm minn dawk mhux residenti huma minn Għawdex?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 51 ambaxxatur, li minn dawn, 25 huma ambaxxaturi residenti u 26 huma ambaxxaturi mhux residenti.L-Ambaxxaturi jirrapreżentaw lil Malta li skont il-kostituzzjoni tinkludi wkoll lil Għawdex.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm minn l-IVFs li welldu fis-snin 2015, 2016 u 2017 spiċċaw in-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU), kull sena separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar tal-2015 u Ottubru tal-2017 ġew irreġistrati 297 tarbija li twieldu lill-ommijiet li kellhom IVF. Minn dawn 21% ġew ammessi n-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU).
It-tabella ta’ hawn taħt turi l-informazzjoni sena b’sena.
2015
2016
Jan – Oct 2017
Total
Total IVF births
80
122
95
297
% admitted to NPICU
18 %
22%
22%
21%
Din l-informazzjoni tkopri t-twelid kollu f'Malta u Għawdex għal ommijiet li kellhom it-trabi tagħhom permezz tal-IVF, kemm f'Malta kif ukoll barra mill-pajjiż.
NPICU – dewmien għall-kura ta’ tarbija mwielda bl-IVF
Question
Hu fatt li tarbija li titwieled riżultat ta’ IVF jista’ jkollha bżonn in-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU) għax titwieled qabel iż-żmien minħabba li t-tqala titħares bħala precious pregnancy, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid tarbija li titwieled minn IVF, kemm iddum ġimgħat għall-kura fl-NPICU? Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti medja għas-snin 2015, 2016 u 2017 għal kull sena separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2015 u l-2017 il-medja ta’ trabi li twieldu permezz tal-IVF li kellhom bżonn il-kura mill-NPICU kienet ta’ 18 il-ġurnata.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3429, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-medja tan-nurse to baby ratio għas-snin 2015, 2016 u 2017 għal kull sena separatament (esklużi l-qwiebel li jmorru għal hands on training)? Jista’ jgħid ma’ liema standard internazzjonali qed iqabbel iċ-ċifri tiegħu d-dipartiment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nurse to baby ratios stabbilita għas-snin msemmija kienet dejjem l-istess, kif indikata fit-tabella hawn taħt:
Trabi fi bżonn ta’ kura intensiva
1:1
Trabi fi bżonn ta’ kura kritika
1:2
Trabi fi bżonn ta’ kura speċjali
1:4
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet it-turnover tal-infermiera fis-snin 2015, 2016 u 2017 għal kull sena separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika li kull sena kien hemm żieda fir-reklutaġġ tal-infermiera.
Nurses
2017
2016
2015
Newly recruited
Terminated
Newly recruited
Terminated
Newly recruited
Terminated
198
117
179
112
197
132
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3563 fejn il-kwistjoni ilha għaddejja għal ferm aktar minn sena u d-deċiżjoni ilha li ttieħdet, jista’ l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija u ċjoè: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3409 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien il-ftehim li sar mal-bejjiegħa tal-monti li kienu jarmaw fit-Tokk Għawdex fi Pjazza Indipendenza, wara li dan l-ispazju tteħdilhom u minflokhom qed jarmaw l-imwejjed tal-ħwienet u r-ristoranti? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm ftehim mal-bejjiegħa kollha u jekk iva x'kien dan il-ftehim u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar ma għamel l-ebda ftehim mal-bejjiegħa tal-monti li kienu jarmaw fit-Tokk Għawdex, fi Pjazza Indipendenza.
FIAU – rapporti lill-Pulizija ta’ money laundering
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3564 dwar ir-rapporti tal-pulizija ta’ Money Laundering, jista’ l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2735 li ngħatat mill-Ministru għall-Finanzi, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-rapporti tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li ġew mgħoddija lill-pulizija, u fil-fatt ġew investigati mill-pulizija? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawk ir-rapporti nvestigati ġew konklużi u mressqa l-Qorti għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jitkompla x-xogħol ta' lift fil-kondominju li fih jgħix dan l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minħabba li x-xogħol beda, iżda waqaf b'mod immedjat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-istess domanda saret f’mistoqsija parlamentari numru 3661 u kif diġa’ ingħad huwa pjanat li jitkompla x-xogħol wara l-1 ta’ Marzu 2018.