Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #3684 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema li joqogħdu Għawdex u jaħdmu Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li joqogħdu f'Għawdex u li qed jaħdmu f'Malta fis-Servizz Pubbliku jew ma’ xi Awtorità, entità jew korporazzjoni governattiva jew fejn il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma? Ma’ liema dipartimenti, awtorità jew korporazzjonijiet jaħdmu dawn il-ħaddiema?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ ħaddiema li joqogħdu f’Għawdex u li jaħdmu fid-Dipartimenti jew fl-Awtoritajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa ta’ 32. Infurmat illi skont proċedura stabbilita introdotta fil-leġislatura li għaddiet, kull sitt xhur is-Servizz Pubbliku jaġġorna l-lista ta’ ħaddiema Għawdxin fi gradi klerikali u amministrattivi li jaħdmu f’Malta wara li l-uffiċċjali Għawdxin jigu mistoqsija jekk humiex interessati li jitilgħu jaħdmu Għawdex.

Parole – persuni li gawdew mis-sistema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni gawdew mis-sistema tal-parole, kull sena, fis-snin 2015, 2016 u 2017? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni bdew igawdu mill-parole eżatt f'nofs is-sentenza tagħhom u kemm minnhom aktar tard min-nofs is-sentenza? X'kienet ir-raġuni għalfejn persuni ngħataw il-parole wara li kienu skontaw iżjed min-nofs is-sentenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li : fl-2015, 24 persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole fl-2016, 23 persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole fl-2017, 18-il persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole B’referenza għal Artiklu 11 (2) u 11 (5) tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi : Fl-2015, 8 persuni gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 2 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. ‘Il-bqija bbenefikaw minn subartikli oħra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Fl-2016, 14-il persuna gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 3 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. ‘Il-bqija bbenefikaw minn subartikli oħra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Fl-2017, 8 persuni gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 4 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. Il-bqija bbenefikaw minn subartikli ohra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. B’referenza għal Artiklu 11 (3) ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fejn dan jispjega li ‘Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, id-data ta’eliġibilità għall-parole ta’ priġunier li qed jiskonta kundanna ta’ priġunerija ta’ iktar minn seba’ snin għandha tiġi kkalkolata fuq tmienja u ħamsin fil-mija tat-total taż-żmien ta’ priġunerija tiegħu.’ Għalhekk, skont l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, mhux kull persuna trid tiskonta nofs is-sentenza tagħha biex tkun eliġibbli għall-Parole, bħal kif inhu speċifikat kemm f’Artiklu 11 (1) kif ukoll f’Artiklu 11 (3) ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Ripatariċi. Apparti minn hekk, f’ċerti każijiet, subartikli oħra ta’ l-istess Artiklu huma applikabbli.
Leg 13 PQ #3686 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – allegazzjonijiet ta’ rimi llegali ta’ demel likwidu

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3168, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport irċieva l-Ministeru tagħha u li ġie mgħoddi lill-Pulizija dwar rimi llegali ta' demel likwidu f'diversi żoni f'Għawdex? Tista' tagħti d-dati meta l-Ministeru għadda dawn ir-rapporti lill-Pulizija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li s-sena l-oħra saru tlett rapporti dwar żbroff ta' demel. Dawn ġew irrappurtati fit-2 ta' Settembru 2017, fis-7 ta' Settembru 2017 u fit-22 ta' Settembru 2017 fl-Għassa tal-Pulizija tar- Rabat, Għawdex.
Leg 13 PQ #3687 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Post ċentrali fejn jinġabar demel likwidu tal-baqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid li peress li f'Għawdex mhemmx post ċentrali fejn jinġabar demel likwidu tal-baqar: a) x'qed isir bħalissa minn dan id-demel likwidu; u b) jekk hemmx pjani mill-Ministeru għal Għawdex li jindirizzaw din il-problema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jieħu sehem f’diskussjonijiet għal soluzzjonijiet fit-tul fuq bażi nazzjonali.

Enemed Co. Ltd – provvista ta’ petrol għas-suq lokali – sejħa għall-offerti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra liema kumpanija rebħet is-sejħa għall-offerti maħruġa fl-10 ta’ Jannar 2018 mill-Enemed Co. Ltd. u li għalqet fl-24 ta’ Jannar 2018, għall-provvista ta’ petrol għas-suq lokali bejn Marzu u Awwissu ta’ din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemed Co. Ltd hija Kumpanija kummerċjali li topera f’suq kompettitiv fejn l-offerti għall-provvista ta’ petrol għas-suq lokali huma kkontrollati minn regoli kummerċjali minħabba l-fatt li l-petrol li tixtri huwa biss parti mill-prodott finali li jinbiegħ fuq is-suq. L-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali u sensittiv għal Enemed Co. Ltd. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.

Kwalità u l-marka tal-petrol li qed jinxtara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-konsumatur Malti qed jinżamm fl-għama dwar il-kwalità u l-marka (brand) tal-petrol li qed jinxtara hawn Malta? Il-Kummissjoni Ewropea taċċetah dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal kuntrarju ta’ dak li qiegħed jiġi mistqarr minnu, il-konsumatur Malti mhux qed jinżamm fl-għama dwar il-kwalità u l-marka (brand) tal-petrol li jinxtara hawn Malta. Fil-fatt, fejn għandu x’jaqsam mal-kwalità, il-petrol tal-Enemed huwa skont l-istandards internazzjonali tal-EN228 (European Norm 228 – Automotive Fuels – Unleaded Petrol) li jistabilixxi l-kwalita’ tal-petrol li jista’ jinbiegħ fuq is-suq. Il-Kumpanija Enemed, permezz ta’ stickers fuq il-pompi tal- petrol tinforma lill-pubbliku ukoll ir-RON tal-prodott, li fil-każ tal- petrol normali huwa RON95. Fir-rigward tal-marka ( brand ) tal-prodott, l-Enemed għandha l-marka tagħha ( brand ) u tbiegħ il-prodott taħt il- ‘’brand name’’ ta’ E-Unleaded għal- petrol b’RON95 u E-Power għas- ‘’super petrol’’ li għandu RON ta’ 98.

Enemed Co. Ltd. – sejħiet għall-provvista tal-petrol fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għalfejn l-Enemed Co. Ltd. ma tħabbarx is-sejħiet tagħha għall-provvista tal-petrol fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea ted.europea.eu – Tenders electronic daily, bħal ma jagħmlu kumpaniji oħra fl-iStati tal-Unjoni Ewropea?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemed Co. Ltd tuża l-procurement process tagħha għax-xiri tal-fjuwils li hu approvat kemm mill-awdituri tagħha kif ukoll mill-Awditur Ġenerali. Kull kumpanija li tkun interessata li tipparteċipa kull ma trid tagħmel hu li tikkuntatja lill-Enemed u din tiġi nkluża fil-lista tal-kumpaniji li jintbgħatilhom it-tender document meta jkun il-każ.

Provvista tal-petrol — ethanol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk il-kumpanija li rebħet l-offerta għall-provvista tal-petrol ta’ din is-sena hijiex sejra tipprovdi petrol imħallat b’5% ta’ ethanol kif jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet fit-talba għall-offerti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba n-natura ‘’igroskopika’’ (hygroscopic) li tfisser li l-ethanol jassorbi l-ilma, l-petrol qatt ma jiġi mħallat fir-raffinerija qabel ma jitgħabba fuq il-vapur, imma dan il-proċess isir biss qabel ma jinbiegħ il-prodott fuq is-suq. L-ispeċifikazjonijiet fit-talba għall-offerti jikkwotaw estratt mill-istandard EN228 fejn jispeċifika li l-kwantità tal-ethanol li jista’ jkollu prodott hu minn 0% sa 5%. EN228 jispeċifika il-kwalità tal-prodott aċċettabli biex jinbiegħ lill-konsumatur u mhux il-bejgħ tal-prodott waqt il-parti tas-‘’supply chain’’. Fil-fatt din il-klawsola mhix mandatorja.

Aġenti lokali tal-kumpaniji taż-żejt – faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern biħsiebu joffri aktar faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol lill-aġenti lokali tal-kumpaniji taż-żejt barranin biex dawn ukoll ikunu jistgħu jimpurtaw, jaħżnu u jbiegħu petrol għas-suq lokali u jispiċċa l-monopolju li għandha l-Enemed bi ksur ta’ Artikolu 37 tat-Trattat dwar il-Funzjament tal-Unjoni Ewropea?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fuq dan il-każ kienet saret petizzjoni lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet Ewropej minn ċittadin Malti fejn fit-tweġiba li ġiet ikkomunikata lill-membri kollha, il-Kummissjoni kienet qalet ċar u tond li fil-każ ta’ Malta (jiġifieri l-Enemed) ma hemm l-ebda ksur ta’ Artikolu 37 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Djar tal-Anzjani — kundizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sorveljanza u x’monitoraġġ isir biex l-istandards skont il-kategoriji tad-Djar tal-Anzjani, jinżammu? Fir-rigward ta’ recreational facilities, menu tal-ikel u kumditajiet bħal lifts u airconditioning, hemm numru ta’ djar li hu mistenni ferm aħjar mill-amministrazzjoni tagħhom, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex dawn iżommu mal-obbligi tal-kuntratti li jagħti l-Gvern? Jista’ jgħid ukoll kif jitħarsu d-drittijiet ta’ dawk l-anzjani li qegħdin f’dar residenzjali u jħallsu minn buthom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-liċenzjar tad-djar tal-anzjani skont l-istandards għall-ħarsien tal-kura tal-anzjani jsir mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa.

Birżebbuga – Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel – xogħol ta’ surfacing

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel f’Birżebbuġa humiex se jsirulhom xogħol ta’ surfacing minn Transport Malta matul is-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

B’refeneza ghal Mistoqsija Parlamentari 3961, Triq tal-Papa u Triq tal-Ġebel – xogħol ta’ surfacing - xogħol ta' għoti ta' tarmak, nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Birżebbuġa Triq Mons Spir Penza u Triq it-22 ta’ Frar – xogħol ta’ surfacing

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Triq Mons. Spir Penza u Triq it-22 ta’ Frar f'Birżebbuġa, humiex se jsirilhom xogħol ta’ surfacing?

Response (BORG, IAN)

B’refeneza għall-mistoqsija parlamentari 3962, Triq Mons Spir Penza u Triq it-22 ta’ Frar – xogħol ta’ surfacing - xogħol ta' għoti ta' tarmak, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Leg 13 PQ #3967 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpaniji li għandhom ishma f'idejn kumpaniji fejn hemm involut Chief of Staff

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kumpaniji li b’xi mod għandhom xi ishma f’idejn kumpaniji li fihom hemm involut iċ-Chief of Staff tiegħu u/jew il-konjuġi tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija aċċessibbli pubblikament.

Single parent unemployment benefit

Question

Jista’ l-Ministru jinforma kemm hawn nisa jirċievu s-Single Parent Unemployment Benefit?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Unemployment Benefit jitħallas biss jekk persuna tkun ħadmet u ħallset il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u tkun qiegħda tirreġistra għax-xogħol, fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Jobsplus, filwaqt illi tkun tissodisfa l-kriterji, kif stabbiliti fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali (Kap 318). Jista’ l-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu, peress illi ma jeżisti l-ebda Unemployment Benefit illi jitħallas speċifikament għal single parents?
Leg 13 PQ #3994 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Konnessjoni ma’ kumpanija reġistrata f’Dubai

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rabta jew konnessjoni kwalunkwe, kemm diretta kif ukoll indiretta, mal-kumpanija reġistrati f’Dubai, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dikjarazzjoni tal-assi tiegħi.

Pulizija – regolamenti fuq kummenti fuq mezzi ta’ media soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regolamenti, gwida jew protokoll li jgħodd għall-uffiċjali tal-pulizija dwar l-użu ta’ facebook u/jew applikazzjonijiet oħra tal-media soċjali b’mod partikolari jekk pulizija jistgħux itellgħu kummenti ta’ natura politika fuq il-mezzi tal-media soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif diġà ġie relevat fi tweġibiet oħra fuq l-istess suġġett, il-gwidi għall-uffiċjali tal-Pulizija dwar użu ta' siti ta' media soċjali fosthom il-facebook, hu regolat permezz ta' ċirkularijiet interni. Dawn kienu mehmuża ma’ tweġibiet oħra. Fost il-kontenut dawn jagħmlu referenza għal reati dixxiplinarji relatati, meta jkun hemm ksur ta’ dak il-kontenut fihom, inkluż opinjonijiet ta' natura politika.
Leg 13 PQ #4023 Sitting 83 2018-02-19 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Ittra ta’ awtorizzazzjoni

Question

In segwitu għall-mistoqsija parlamentari 3872, jista’ l-Ministru tat-Turiżmu jwieġeb għat-talba oriġinali u ċjoè jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra u/jew dokument li biha ta awtorizzazzjoni sabiex il-Vitals Global Healthcare (VGH) tkun tista’ tgħaddi l-interess tagħha fit-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Vitals Global Healthcare mhix mistennija tgħaddi l-interess tagħha fit-tlett sptarijiet pubbliċi, iżda kienet u għadha l-konċessjonarja tas-servizzi tas-saħħa msemmija, anke bl-akkwist tal-ishma minn Steward Healthcare.

Liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern għandu l-ħsieb li jdaħħal fis-seħħ il-liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika li għaddiet mill-Parlament sena ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fid-domanda parlamentari 3071.

Trailer tal-ħelu – permessi neċessarji – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk trailer tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qed jarma bl-affarijiet tal-ħelu għandux il-permessi neċessarji?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu ndikat għandu liċenzja kummerċjali Numru 58/387, biex jaġixxi bħala bejjiegħ tat-triq.