Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żona Industrijali Bulebel – site plan – żona għall-iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan bil-konfini taż-Żona Industrijali f’Bulebel li se tingħata għall-iżvilupp?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-policy map tal-Awtorita tal-Ippjanar datata Lulju 2006 li juru biċ-ċar l-estensjonijiet tas-sit, dan filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 4006. L-art inkwistjoni ilha klassifikata bħala art disponibbli għal żvillup industrijali sa mill-2006 u għaddiet għand il-Malta Industrial Parks mid-dipartiment ta’ l-artijiet għal dan l-iskop lura fl-2009, dak iż-żmien meta dan id-dipartiment kien jaqa’ taħt r-responsabbilità tas-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi.

Tiswijiet ta’ saqaf ta’ kamra tal-banju – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara kif dan l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bidlulu s-saqaf tal-kamra tal-banju u fil-proċess kissrulu s-sett tal-banju u ma jridux jagħmlulu t-tiswijiet tas-sett għax kienu tawh xi sussidju għaxar snin ilu? Jista’ jara kif mhux talli ma ssewwewx il-ħsara li għamlulu meta bidlulu s-saqaf, imma talli wkoll bagħtulu kont ta’ €105 ewro għar-riċerki?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar dwar il-każ imsemmi, is-saqaf tal-kamra tal-banju ma kienx ġie mibdul imma ġie msewwi u intrifed permezz ta’ travu. Il-kuntrattur imqabbad mill-Awtorita’ tad-Djar m’għamel l-ebda ħsara fis-sett tal-banju kif qed jiġi allegat. Fil-fatt l-inkwilin kien diġa’ ssottometta l-applikazzjoni biex jibdel il-kamra tal-banju qabel ma l-kuntrattur beda x-xogħol fuq it-tiswija tas-saqaf. Skont il-kundizzjonijiet tal-iskema, jekk jinstab li l-applikant kien diġa’ bbenefika mill-istess xogħlijiet fi skemi preċedenti hu ma jkunx intitolat jerġa’ jibbenefika fuq l-istess xogħol. Għaldaqstant l-applikazzjoni tal-persuna msemmija biex jerġa’ jingħata sussidju sabiex jibdel il-kamra tal-banju ma setgħetx tiġi approvata.

Skejjel primarji – twaqqif ta’ kolazzjon ta’ frott u ħaxix

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-għoti ta’ kolazzjon ta’ frott u ħaxix li kien jingħata lill-istudenti tal-iskejjel primarji u li kien iservi bħala mezz ta’ edukazzjoni dwar dieta aktar b’saħħitha, twaqqaf ħesrem? Huwa minnu li l-Gvern waqqaf din l-iskema għaliex ma sabx fondi għal dan il-programm edukattiv?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li għalkemm din l-iskema m’għadhiex taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi, ninsab infurmat li l-iskema l-ġdida, magħrufa bħala n-'New School Scheme' kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3725, ma bdietx għax għadha fit-tendering process. Nassigura lill-Onor. Interpellant li fondi għal din l-iskema hemm biżżejjed biex ikopru l-istudenti tal-Primarji kollha ta' Malta u Għawdex.

Ħal Qormi – Ċimiterju tar-Reżurezzjoni – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta mistenni jibda x-xogħol bżonnjuż ta’ manutenzjoni fiċ-Ċimiterju tar-Reżurezzjoni f’Ħal Qormi (fil-parti ta’ San Sebastjan) hekk kif hemm problema kbira ta’ ilma li qed iżomm fil-passaġġi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi ppreparat rapport minn persuna teknika biex wieħed jara kif l-imsemmija problema tista’ tissolva.
Leg 13 PQ #4326 Sitting 84 2018-02-20 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Assistant Principals ingaġġati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3515, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-ingaġġ tal-assistant principals ma saritx bħalma saru tal-clerks u tal-executive officers?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat li l-proċess kien ugwali.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba li tirrigwarda l-entitajiet li jien responsabbli ghalihom.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern lokali u Komunitajiet - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18 - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18 jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 605.

Ministeru għas-Saħħa — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: Numru ta' ħaddiema fl-1 ta' Diċembru 2016- full time Numru ta' ħaddiema fl-1 ta' Diċembru 2016- part time Numru ta' ħaddiema fl-1 ta' Mejju 2017- full time Numru ta' ħaddiema fl-1 ta' Mejju 2017- part time Numru ta' ħaddiema fit-3 ta' Ġunju 2017- full time Numru ta' ħaddiema fit-3 ta' Ġunju 2017- part time 8117 52 7941 52 8367 50

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – CIO – viżiti fil-Kuwajt

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżodu taż-żewġ viżiti taċ-Chief Information Officer (CIO) fil-Kuwajt bejn it-2 u s-6 ta’ Diċembru 2014 u bejn it-18 u t-22 ta’ Jannar 2015 intitolata Kuwait project? Jista’ jitpoġġa r-rapport ta’ din il-viżita fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

B’referenza għal din il-mistoqsija, ma nistax nifhem ‘x’eżodu’ jista' jkun hemm.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – CIO – viżiti f’Saint Petersburg

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li ċ-Chief Information Officer (CIO) attenda High Level Meeting f’Saint Petersburg bejn id-19 u l-21 ta’ Jannar 2017? Jista’ jitpoġġa r-rapport ta’ din il-viżita fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żjara taċ-Chief Information Officer (CIO) bejn id-19 u l-21 ta’ Jannar 2017 kienet żjara relatata mas-sistema elettronika tal-Visa.

Direttur Ġenerali tal-Politika, Affarjiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra – international dialogue on migration 2014

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur Ġenerali tal-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra tal-laqgħa International Dialogue on Migration 2014 li attendiet bejn it-23 u s-26 ta’ Marzu 2014 f’Ġinevra, l-Iżvizzera?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf, dawn ir-rapporti huma għall-użu intern tal-Ministeru.

Direttur għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji – Swearing-in Ceremony of the Iranian President

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji dwar l-attendenza tiegħu għas-Swearing-in Ceremony of the Iranian President bejn l-4 u s-6 ta’ November 2017 f’Tehran l-Iran?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm żjarat fl-Iran fid-dati msemmija fil-mistoqsija parlamentari.

Direttur Affarijiet Ewropej – delegazzjoni għand is-SMOM f’Ruma

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur Affarijiet Ewropej li kienet tifforma parti mid-delegazzjoni li marret għand is-SMOM bejn is-17 u t-18 ta’ Frar 2015 f’Ruma l-Italja?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 3595.

Direttur Affarijiet Ewropej – attendenza għall-Official Opening of the Embassy f’Ankara, it-Turkija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur Affarijiet Ewropej dwar l-attendenza tagħha fl-Official Opening of the Embassy bejn it-13 u l-14 ta’ Diċembru 2017 f’Ankara, it-Turkija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 3595.

Il-Mosta — Crash Barriers fit-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li jsiru crash barriers fuq naħa waħda tat-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija fil-Mosta għaliex f'din il-parti ta' triq hemm perikolu li karozzi jistgħu jaqgħu l-isfel fil-livell tal-għelieqi? (Din it-triq tibda minn Ta' Żejfa, limiti tal-Mosta u twassal sa Triq Sir Temi Zammit li tieħu lejn l-Imġarr u minnha li fiha perikolu li bil-crash barriers jista' jitnaqqas, qed jgħaddu ħafna ġenituri li jkunu qed jieħdu lill-uliedhom fl-iskola San Andrea, limiti tal-Imġarr.)

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta diġa spezzjonaw dan is-sit u fil-ġranet li ġejjin se jkunu qed u jagħmlu l-proposti dwar l-aħjar interventi li jistgħu isiru u li jkunu addattati għal din iż-żona.

Għawdex – Marsalforn – Triq il-Lifurna, Triq il-Wied u Triq il-Munġbell – tneħħija ta’ karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitneħħew tliet karozzi abbandunati li hemm fi Triq Liforna, fi Triq il-Wied u fi Triq il-Munġbell f'Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-tliet karozzi abbandunati li kien hemm fi Triq Liforna, fi Triq il-Wied u fi Triq il-Munġbell f'Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex, tneħħew mill-Pulizija.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – ħaddiema mħallsa mill-Gvern

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm ħaddiema li huma mħallsa mill-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn huma tobba, kemm nurses u kemm ħaddiema oħra fi gradi oħra? Kemm kienet l-ispiża tal-pagi għall-Gvern, għall-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. illi l-medja fis-sena ta’ ħaddiema li taw servizz fl-isptar Ġenerali t’Għawdex bejn l-2014 u l-2017 kienet 795.