Kunsill Nazzjonali tas-settur Volontarju – twaqqif ta’ Bord ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-bord il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tas-settur Volontarju (Malta Council for the Voluntary Sector)? Jekk iva, meta twaqqaf u min huma l-membri? Jekk le meta se jitwaqqaf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-bord il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tas-Settur Volontarju (Malta Council for the Voluntary Sector) skadilu t-terminu tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2017. Sussegwentement inbeda l-proċess għal sejħa għan-nominazzjonijiet li għalaq fid-9 ta’ Frar 2018. Il-proċess jinsab fl-istadju li jkunu evalwati n-nominazzjonijiet fejn wara jkun konsultat il-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali tal-Parlament qabel ikunu konfermati l-membri l-ġodda. Dan il-proċess għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Marzu 2018.
Pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn – somma li għandu jiġbor il-Gvern
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi s-somma totali li l-Gvern għandu jiġbor għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Pazjenti bil-Hepatitis C li qed jieħdu l-kura f’pajjiżna
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3578, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-fatt kemm hemm pazjenti bil-Hepatitis C li qed jieħdu l-kura f’pajjiżna?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’Malta għandna madwar 1000 persuna bl-Epatite C. Nfakkarha illi nhar l-Erbgħa 14 ta’ Frar id-dipartiment tas-Saħħa ippubblika l-istrateġija Nazzjonali għall-eradikazzjoni tal-Epatite C. Il-konsultazzjoni ser tkun miftuha għal 30 jum.
Dan il-gvern għandu pjan kif jipprevedi milli din il-marda tkompli tinfirex filfatt il-pjan hu li sal-2025 dan il-
virus
ikun eradikat minn pajjiżna.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3577, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-prezz tal-oqbra tela’ minn €5,000 għall-€8,000?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-prezz ta’ qabar huwa ta’ €8,000 skont ir-regolamenti tal-Avviż Legali 425 tal-2016.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3576, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-proċess tal-evalwazzjoni tal-BAFO (Best and Final Offer) tal-privatizzazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata ġietx konkluża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumitat responsabbli mill-evalwazzjoni għaddej bix-xogħol tiegħu wara li kellu jitlob numru ta’ kjarifiki qabel ma jasal għall-konklużjoni.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3575, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, kif kienet imqassma n-nefqa msemmija fit-tabella annessa mar-risposta? Jista’ jgħid ukoll fuq liema riċerka ntefqu l-flus?
Response (FEARNE, CHRIS)
Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa ndikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3575 tikkonċerna d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka, ninfurmaha ukoll illi l-għan prinċipali ta' dan id-Direttorat huwa li tinżamm statistika akkurata fuq is-sistema tas-saħħa Maltija - kemm fis-settur privat u anke dak pubbliku, b'sistema ta' reġistri u stħarriġ regolari li issa huma stabbiliti sew. Id-Direttorat jipprovdi l-istatistika kollha meħtieġa fis-settur tas-saħħa lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika. Huwa wkoll meqjus bħala istituzzjoni nazzjonali tal-istatistika mill-EUROSTAT u jaqdi obbligi legali li għandha Malta lejn l-Unjoni Ewropeja f'dan ir-rigward, kif ukoll obbligi oħra ta' rapportaġġ lill-entitajiet internazzjonali oħra bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-OECD. Sadanittant l-informazzjoni tinżamm b'mod flessibli biżżejjed biex tkun tista' tgħin lill-partijiet diversi tal-Ministeru bl-informazzjoni li jkollhom bżonn biex ifasslu pjanijiet għal investimenti jew politiċi ġodda fis-settur. Bħala parti minn dan il-mandat, id-DHIR huwa responsabbli minn stħarriġ ewlieni fil-qasam tas-saħħa fl-UE (European Health Interview Survey) li jsir perjodikament b’obbligu legali mal-UE kollha. L-istħarriġ li jmiss ser isir fl-2019. Dan l-istħarriġ jirrikjedi vot finanzarju ddedikat għaliex l-ispejjeż involuti huma sostanzjali. Id-DHIR, flimkien mad-Direttorat għall-Prevenzjoni tas-Saħħa, jikkoordina wkoll l-istħarriġ Health Behaviour in Schoolchildren li wkoll isir perjodikament f’numru ta’ pajjiżi.
Madankollu, id-Direttorat għaraf il-potenzjal li għandha l-informazzjoni miġbura għal aktar riċerka, speċjalment epidemjoloġika għaldaqstant joffri aċċess għal din l-informazzjoni b'mod sikur u li jipproteġi l-identita' tal-pazjenti nvoluti għal riċerkaturi li jkunu jixtiequ jinvestigaw aktar xi kundizzjoni partikolari jew xi aspett partikolari tas-sistema tas-saħħa tagħna. Dawn il-kollaboraturi jvarjaw minn studenti u akkademiċi lokali, għal konsorzji ta' riċerka internazzjonali u saħansitra ministeri oħra. Id-Direttorat joffri wkoll għajnuna u pariri lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jkunu jixtiequ jibdew riċerka dwar kif jippjanaw ir-riċerka tagħhom u anke bl-analiżi tal-informazzjoni li jkunu ġabru. Dan tal-aħħar huwa servizz li ilu offrut dawn l-aħħar 15-il sena u huma bosta dawk il-professjonisti li għamlu użu minnu.
Id-Direttorat ilu diversi snin involut f'diversi proġetti u networks internazzjonali, mhux biss Ewropej, li jfittxu l-informazzjoni u d-data Maltija biex tiġi analizzata flimkien ma' dik ta' pajjiżi oħra f'riċerki ġodda. Il-Ministeru jifhem li bħala pajjiż żgħir, speċjalment f'mard anqas komuni, id-data tagħna tista' tiġġenera aktar valur meta miżjuda ma' dik ta' pajjiżi oħra f'riċerka f'livell internazzjonali mmexxija minn istituzzjonijiet ta' riċerka ewlenin fl-Ewropa jew mondjali. Sadanittant, il-kwalita' tad-data Maltija, li tmur lura aktar minn għoxrin sena, hija mfittxija ferm minn dawn l-istituzzjonijiet msemmija għar-riċerka tagħhom. Id-DHIR irnexxielu jġib ħafna aktar fondi minn dawk msemmija grazzi għall-proġetti li ħa sehem fihom.
Apparti mill-istatistika li pproduċa dan id-Direttorat matul is-snin, ir-riċerka li għaliha kkontribwixxa d-DHIR wassal għal ħafna pubblikazzjonijiet f’ġurnali xjentifiċi - xejn anqas minn 123 pubblikazzjoni mill-2013, ħafna drabi b’kollaborazzjoni mal-partners internazzjonali fil-qasam tar-riċerka li d-Direttorat ġema matul is-snin. Ma dan wieħed irid iżid ukoll illi
n-nefqa tal-Università ta' Malta fuq ir-riċerka fis-saħħa, sena b’sena minn Jannar tal-2013 sa Diċembru tal-2017 (stima) huwa kif ġej hawn taħt:
2013 - EUR 5,045,585
2014 - EUR 4,598,462
2015 - EUR 5,136,744
2016 - EUR 4,753,158
2017 - EUR 4,883,487 (stima)
Aġenzija Identità Malta – każijiet ta’ dixxiplina ta’ ħaddiema
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid, xahar b'xahar, kemm kien hemm każijiet ta' dixxiplina fil-konfront ta' ħaddiema u uffiċjali tal-Aġenzija Identità Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti l-grad tal-persuni li fil-konfront tagħhom ittieħdu dawn il-passi dixxiplinari? Jista' jgħid x'kien l-eżitu tal-passi dixxiplinari?
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Aġenzija Identità Malta — direct orders
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 516, jista' l-Prim Ministru jgħid lil liema persuni jew kumpaniji ngħataw id-direct orders mill-Aġenzija Identità Malta u li ġew indikati fl-istess tweġiba?
Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat mill-Aġenzija Identità Malta, inkluż id-data, il-valur u l-isem tal-persuna u tal-kumpaniji li lilha ngħatat, mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kellha jew għandha impjegati magħha l-Aġenzija Identità Malta sena b'sena mit-twaqqif tagħha fis-sena 2013? Jista' jagħti l-kariga ta' kull impjegat u d-data ta' meta beda l-impjieg tiegħu mal-Aġenzija Identità Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn meta Identity Malta ġiet uffiċjalment fis-seħħ fl-Lulju2013, kien hemm perjodu ta’ tranżizzjoni sal-aħħar tal-2014. F’Jannar 2015 sar id-detailing tal-ħaddiema u Identity Malta setgħet taħdem waħedha bħala Aġenzija. L-informazzjoni li qiegħda tingħata tirrigwardja l-perjodu 2015-2018 (sad-data tal-lum).
In-numru ta’ impjegati mal-Agenzija Identity Malta mill-2015 sal-lum huwa kif ġej:
· 2015 331
· 2016 331
· 2017 Jan – Jun: 281
Jul – Dec: 275
· 2018 266
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif bil-karigi kollha u d-data tal-impjieg. Nixtieq niġbed l-attenzjoni għal żewġ punti:
1. Dawk imniżżla li ġew ingaġġati fl-1 ta’ Jannar 2015 huma dawk l-impjegati li kienu jaħdmu f’dipartimenti differenti qabel ma ġew amalgamati taħt aġenzija waħda.
L-informazzjoni marbuta mal-2017 hija maqsuma fi tnejn, għaliex minn Lulju 2017 id-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet ma baqax jagħmel parti minn Identity Malta u l-ħaddiema f’dak id-dipartiment ma baqgħux jirrapurtaw lill-istess Aġenzija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il person of trust hemm jew kien hemm fl-Aġenzija Identità Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti l-kariga ta' kull person of trust u d-data ta' meta beda jaħdem mal-Aġenzija Identità Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt nformat li ma hemm l-ebda persuna fi ħdan Identity Malta li ġiet ngaġġata bħala person of trust.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il position of trust hemm jew kien hemm fl-Aġenzija Identità Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti deskrizzjoni ta' kull position of trust u d-data ta' meta l-persuni li jokkupawhom bdew jaħdmu mal-Aġenzija Identità Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat li fl-Agenzija Identita Malta hemm position of trust wieħed bil-kariga ta’ driver/security li beda jaħdem mal-Agenzija Identita Malta fil-21 ta’April 2014.
Korp tal-Pulizija – membri ta’ eta bejn is-26 u l-44 sena
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li għandhom età bejn is-26 u l-44 sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija hemm elf, mitejn u tlieta u sittin (1,263) membru li għandhom l-età tagħhom bejn is-26 sena u l-44 sena. Minn dawn hemm sitt (6) Kuntistabbli ta' Riserva.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew salvati refuġjati mill-Baħar Mediterran mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fis-sena 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2017, il-Forzi Armati ta’ Malta salvat 689 immigrant irregolari fil-Mediterran taħt l-Operazzjoni Triton tal-Frontex u assistenza lill-Maritime Rescue Co-ordination Centre ta’ Ruma. Minn dawn, 23 ġew żbarkati f'Malta minħabba emerġenzi mediċi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’nefqa totali kellha l-kumpanija tat-trasport pubbliku s-sena l-oħra (2017)?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tikkonċerna direttament lill-Malta Public Transport Services Ltd li hija kumpanija privata. Għaldaqstant din l-informazzjoni mhux disponibbli li tingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid x’nefqa kellha l-kumpanija tat-trasport pubbliku f’pagi s-sena l-oħra (2017)?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tikkonċerna direttament lill-Malta Public Transport Services Ltd li hija kumpanija privata. Għaldaqstant din l-informazzjoni mhux disponibbli li tingħata.