Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta — Triq il-Piżatur u l-Industrial Estate tal-madwar ta' Triq il-Fortizza - ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk munzell skart fi Triq il-Piżatur u l-Industrial Estate tal-madwar fi Triq il-Fortizza fil-Mosta, għandux jinġabar mill-Kunsill Lokali jew mill-MIP, peress li t-tnejn li huma qed jitfgħu r-responsabilità fuq xulxin (kif jidher fid-dettalji li qed jidhru separatament), b'detriment lejn ir-residenti ta' Triq il-Fortizza u l-madwar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Islet Cell Transplantation — policies

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hiex se tkun policy fil-futur jew għandux intenzjoni il-Gvern jintroduċi t-terapija tal-Islet Cell Transplantation għall-pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni kronaka tad-dijabete tip 1?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-riżultati ta’ trattament bl-Islet Cell Transplantation f’ċentri speċjalizzati barranin qed jiġu studjati bil-għan li tiġi mistħarġa l-vijabbilita’ li jibda jingħata dan it-trattament.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 42 u ċjoè: Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 714.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għal Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 43 u ċjoè: Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari numru 714.

Forzi Armati ta’ Malta — promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 121 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid, mill-promozzjonijiet kollha li ngħataw fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-2017, kemm ġew ordnati li jitħallsu kumpens ta’ arretrati ta’ pagi/danni eċċ. f’kull waħda minn dawn il-promozzjonijiet li ngħataw (speċjalment dawk backdated), u jista’ jagħti wkoll id-dati ta’ meta dawn il-promozzjonijiet u l-kumpens ordnat ġew mogħtija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta dwar l-ammont tal-kumpens imsemmi ngħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1600. Il-promozzjonijiet regolari kif ukoll dawk b’konnessjoni mal-Kummissjoini dwar l-Inġustizzji sad-data tal-mistoqsija 730, ġew mogħtija u ngħata l-kumpens relatat fid-dati kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma– ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 124 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jelenka d-data ta’ ingaġġ ta’ kull ħaddiem ġdid li ġie ingaġġat mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017, u jgħid x’inhi n-natura ta’ xogħol li għalih ġie ingaġġat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ingaġġ ta’ dawn il-ħaddiema kien konformi ma’ Ċirkulari Numru 8/2017 maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni.

ARMS Ltd – tnaqqis fil-kont dovut ta’ arretrati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 127 u jgħid kemm kienu l-każijiet li fihom l-ARMS Ltd naqset il-kont dovut ta’ arretrati bejn l-1 ta’ April 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (MIZZI, JOE)

M’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li diġa kont tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 127.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti – pjanijiet ta’ emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali li għandhom pjanijiet ta’ emerġenza (emergency plans)? Liema huma dawk li m’għandhomx? Dawk li m’għandhomx, meta beħsiebhom ifasslu l-pjanijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 26 li għandhom u 10 li s’issa għad m’għandhomx fejn f’numru minnhom qed isiru l-pjani neċessarji.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti – files

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa liema sena, l-ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali jżommu l-files uffiċċjali fil-premises tagħhom? Il-files li m’għadhomx jintużaw x’isir minnhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-files uffiċjali jinżammu skont l-Att Dwar Arkivji Nazzjonali (Kap 477) u bħallissa il-prassi hi li il-files jibqgħu jinżammu fil-premises jew ġo post ta' ħażna adegwat qrib l-ambaxxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali. Fil-kas ta’ files ta’ uffiċjali li jaħdmu mal-ambaxxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti dawn jiġu miżmumha skont il-Public Service Management Code (PSMC), sezzjoni 6.3.2 Retention Policy For HR Documents. Fejn hu permess, meta jiskadi il-perjodu li jinżammu kif indikat fil-PSMC, dawn jitneħħew billi jiġu mqatta’ (shredded) b’apparat ta’ livell sigur.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti – kuntatt dirett mad-diplomatic police/officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali għandhom kuntatt dirett u istantanju (kemm tagħfas buttuna f’każ t’emerġenza) mad-diplomatic police/officers lokali inkarigati mis-sigurtà tal-korpi diplomatiċi tal-pajjiżi rispettivi? Normalment, kemm hu r-response time mid-diplomatic police/officers f’kull ambaxxata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura sensittiva u li tista’ tkun tfisser nuqqas ta’ sigurta għad-diplomatiċi u għall-persuni li jaħdmu fl-istess binjiet, ma jkunx responsabbli li tinħareġ din l-informazzjoni li hija ikklassifikata bħala kunfidenzjali.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti, konsli ġenerali u s-Segretjat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – spejjeż ta’ mobiles

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-ispejjeż tal-mobiles kollha użati mill-ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti, konsli ġenerali u mis-segretarjat tal-Ministru kull sena mill-2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – senior programme officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Senior Programme Officers ġew ingaġġati mill-Ministeru u f'liema direttorati ġew assenjati dawn l-uffiċjali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda fit-tabella hawn taħt. Numru Direttorat Tnejn (2) Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji Tnejn (2) Direttorat Għall-Iżvilupp Internazzjonali, Affarijiet Ekonomiċi u Istituzzjonijiet Ewropej Wieħed (1) Kummisjoni Għolja ta’ Malta f’Canberra Wieħed (1) Ambaxxata ta 'Malta fi Vienna

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – laqgħat fuq traffikar taż-żejt mil-Libja għall-Italja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru tiegħu saritx laqgħa fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar 2016 bejn uffiċjali għolja tal-Ministeru, membri tas-Segretarjat tal-istess Ministeru u l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar it-traffikar taż-żejt mil-Libja għall-Italja? Jista’ jpoġġi l-minuti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-inkjesta li saret dan ma jirriżultax. Mir-rekords tal-Ministeru jirriżulta li l-individwu inkwistjoni kellu x’jaqsam mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sal-2004 meta, taħt amministrazzjoni mmexxija mill-Partit li jagħmel parti minnu l-istess Onorevoli interpellant, dan kien jaħdem bħala person of trust fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, Joe Borg.
Leg 13 PQ #3757 Sitting 85 2018-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi – baga biex jorbtu magħha l-Cruise Liners

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul is-sena kurrenti (2018) hux ser tkun lesta l-baga fix-Xlendi biex jorbtu magħha l-cruise liners? Tista' tgħid meta huwa maħsub li jibdew jorbtu cruise liners fix-Xlendi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3228.
Leg 13 PQ #3758 Sitting 85 2018-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korsijiet tal-Institute for Public Service – għajnuna monetarja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2694 u jgħid x'tip ta' għajnuna monetarja jew x’tip ta' għajnuna oħra qed jingħataw dawk l-uffiċjali pubbliċi li jkunu obbligati jagħmlu korsijiet fl-Institute for Public Service? Jista’ jgħid kemm-il kors organizza dan l-Istitut ġewwa Għawdex, kemm ilu mwaqqaf? Meta saru dawn il-korsijiet u kemm attendew għal kull kors kif ukoll min seta' japplika għal kull kors li sar f'Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċjali pubbliċi li jattendu korsijiet fl-Institute for the Public Services (IPS) ma jingħatawx għajnuna monitarja jew xi tip ta’ għajnuna oħra. F’kas li l-korsijiet organizzati mill-IPS ikunu mandatorji jsir kull sforz biex dawn isiru Għawdex għall-parteċipanti Għawdxin. Il-korsijiet tal-IPS huma miftuha għal kull uffiċjal pubbliku. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm ilu mwaqqaf l-IPS, ġew organizzati hames korsijiet f’Għawdex kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-IPS ġie mwaqqaf f’Ottubru tal-2016 u għandu bħala msieħba strategiċi l-Universitá ta’ Malta u l-MCAST

Salini Salt Pens – produzzjoni tal-melħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie prodott melħ, xahar b’xahar, minn meta nfetħu s-Salini Salt Pens li jinsabu bejn Kennedy Grove u Triq il-Kosta f'San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid kemm sar profitt minn din il-produzzjoni? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-preżent fuq il-produzzjoni tal-melħ f' dan is-sit u f’liema grad qegħdin u jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħlu iktar ħaddiema jaħdmu ġewwa s-Salt Pens?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-llum il-ġurnata s-Salini Salt Pens jaqaw taħt il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali iżda fil-ġejjini qrib ser jiġi mgħoddi lill-Ministeru tiegħi. Għal dan is-sit ġie ffirmat Heads of Agreement mal-Bird Life Malta. Ninsab infurmat mill-istess Ministeru li r-restawr tas-salini tal-melħ fil-Bajja tas-Salina kien iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 u tlesta f’Diċembru 2015. Dawn is-salini għandhom il-potenzjal li jipproduċu melħ iktar mill-produzzjoni tas-salini l-oħra kollha fil-gżejjer Maltin. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 ma jippermetix li l-fondi jintużaw għall-ħolqien ta’ bejjiegħ dominanti tal-melħ lokali fis-suq; liema obbligu jibqa’ jgħodd sas-sena 2020. Il-melħ ma nġabarx fis-sena 2016. Madwar 20 tunnellata melħ inġabru fl-2017 minn 2 salini biss; liema melħ jinsab kollu maħżun f’maħżen fis-Salina. Ninsab infurmat ukoll li hemm żewġ ħaddiema fil-grad t’Assistant Salt Worker jaħdmu fuq il-produzzjoni tal-melħ apparti xogħol ieħor ta’ manteniment tal-post. Hemm post vakant fil-grad t’Assistant Salt Worker.
Leg 13 PQ #3760 Sitting 85 2018-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Dwejra Għawdex — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema tal-kuntratturi li jagħmlu xogħol ġewwa d-Dwejra Għawdex fuq inkarigu tal-Gvern? Tista' tgħid dawn il-ħaddiema x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu u kif ġew magħżula l-kuntratturi biex jipprovdu servizz ta' dawn il-ħaddiema? Kemm kienet l-ispiża, sena b’sena, mis-sena 2013 sal-lum ta’ dawn il-ħaddiema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-kuntrattur għandu jipprovdi tliet ħaddiema kuljum mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija. Dawn il-ħaddiema qed jipprovdu servizz ta’ sorveljanza tad-Dwejra Conservation Area, skont ftehim li sar bejn il-Ministeru Għal Għawdex, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil Fil-Klima. Dan is-servizz ingħata b’Direct Order. L-ispiża minn Marzu 2017 mill-Ministeru għal Għawdex kienet dik ta’ €40,919.65 (VAT inkluż).

Għawdex – proġetti ta’ afforestazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġett ta’ afforestazzjoni sar ġewwa Għawdex mit-8 ta Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'dawn il-proġetti ta' afforestazzjoni kemm-il siġra ġiet imħawwla? Jista’ l-Ministru jgħid fejn hu ppjanat li jsiru proġetti ta’ afforestazzjoni matul is-sena 2018 f'Għawdex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi qiegħed f’diskussjoniet mal-Ministeru t’Ghawdex sabiex jsiru proġetti t’afforestazzjoni f’Għawdex. Nikkonferma wkoll li l-Ministeru tiegħi beda x-xogħol tal-proġett t’afforestazzjoni ġewwa Kemmuna. Għal dak li jirrigwarda l-iskema ‘Tħaddir tal-Komunitajiet’ ibbenifikaw 4 Kunsilli Lokali Għawdxin, fejn ħadu s-somma ta’ €104,570 kif ukoll hemm Kunsill Lokali Għawdxi li għadu kif ġie allokat €30,000. Dawn il-fondi ntefqu u ser jintefqu sabiex jiżdiedu aktar siġar u arbuxelli f’dawn il-lokalitajiet.

Aġenzija għat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-Aġenzija għat-Toroq li kienet imwiegħda? Meta ser tiġi kostitwita u jekk din hux ser titwaqqaf b'liġi li trid tgħaddi minn dan il-Parlament? Peress li l-Ministru kien qal li fis-seba' snin li ġejjin, il-Ministeru tiegħu se jkun qed jonfoq mal-mitt miljun ewro fis-sena f'xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq proġettati li jsiru, sena b'sena, f'Għawdex fis-seba snin li ġejjin? Fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Jista’ jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali huwa impenjat li jwettaq il-pjan tal-Gvern li jnaqqas id-diffikultajiet tat-trasport fuq l-art permezz tal-iżvilupp ta’ modi sostenibbli ta’ vjaġġar flimkien ma’ investiment multi-miljunarju fit-tiġdid u t-tisħiħ tas-sistema tat-toroq u ta’ infrastruttura oħra relatata. Bħala parti minn din il-viżjoni, il-Gvern qed iwaqqaf entità ġdida sabiex tmexxi u twettaq dan l-investiment bla preċedent fl-infrastruttura ta’ Malta. Din l-entità ser iżżid l-effiċjenza fl-operat tal-bini u l-manutenzjoni tat-toroq, tistabbilixxi standards ġodda ta’ kwalità għaż-żamma tal-infrastruttura tat-toroq waqt li gradwalment ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport fuq l-art f’pajjiżna. Ser tħaddan prinċipji ta’ kontabilità, kwalità u effiċjenza fil-governanza, waqt li tniedi proċessi ta’ analiżi u manutenzjoni kontinwa li jiżguraw l-aħjar valur fit-tul għal dan l-investiment tal-Gvern fl-infrastruttura. Fiż-żmien li ġej, il-Ministru ser iressaq għad-diskussjoni quddiem il-Parlament abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu titwaqqaf din l-entità ġdida. Il-pjanijiet ta’ ħidma ta’ din l-entità jitħabbru u jibdew jiġu mwettqa malli ntemmu dawn il-proċeduri parlamentari u legali flimkien mal-konsultazzjonijiet ma’ dawk kollha konċernati. Sadanittant, sakemm tibda topera din l-aġenzija, il-Gvern, permezz tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura, xorta waħda għaddej b’investiment kbir biex ikompli jtejjeb il-kwalità tat-toroq arterjali u residenzjali. Fil-fatt, fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet u fix-xhur li ġejjin, dan id-Direttorat wettaq xogħlijiet ta’ titjib ta’ diversi junctions ewlenin tas-sistema tat-toroq, waqt li beda wkoll ħidmiet biex jibni mill-ġdid toroq oħra li kellhom bżonn titjib sostanzjali. Dalwaqt ser jibda wkoll ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq residenzjali. Nista’ niżgura li, bħal ma diġa għamilna fix-xhur u s-snin li għaddew, ser nibqgħu nagħmlu dak kollu meħtieġ sabiex niksbu l-infrasruttura ta’ kwalità li verament jixirqilna.