Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti u konsli ġenerali – talbiet ta’ informazzjoni dwar kummerċ, konsulari u turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti, konsli ġenerali rċevew talbiet ta’ informazzjoni dwar kummerċ, konsulari u dwar turiżmu kull sena minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’rabta ma’ l-oqsma kollha li ssemmew,talbiet isiru b’mod regolari.
Peress li l-uffiċjal diplomatiku li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie mwaqqaf ħesrem mill-posting tiegħu u ġie ordnat lura Malta mingħajr ebda raġuni valida, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li ġara dan, fil-Kummissjoni Għolja fl-Indja marx xi uffiċjal għoli ieħor mis-16 ta’ Lulju li għadda sal-lum? Jekk iva, min hu jew hi dan l-uffiċjal u kemm ser ikun it-terminu tiegħu fl-Indja?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif dejjem kienet il-prassi, tibdil fil-Missjonijiet Maltin isiru minn żmien għal żmien.Inżid ngħid li ġie mibgħut uffiċjal ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm uffiċjali/diplomatiċi tal-istess Ministeru ħadmu mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-lum u llum m’għadhomx? X’kienu r-raġunijiet li m’għadhomx jaħdmu magħha u kemm każijiet spiċċaw quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC)? Kemm uffiċjali ngħataw warnings bil-miktub u/jew charges ta’ kull tip? Kemm infetħu każijiet il-qorti minn dawn il-ħaddiema?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nixtieq nippreċiża li r-riposta ser tingħata fil-rigward tal-perjodu li jibda Ottubru 2014 minn meta l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inħatret Direttur fi ħdan il-Ministeru, sal-lum.
Kien hemm erbatax-il persuna li kienu jaħdmu taħt id-direzzjoni tagħha u li llum m’ghandhomx għar-ragunijiet li ġejjin: Tnejn (2) ħadu pożizzjoni għola f’Ministeri oħrajn; wieħed (1) intbgħat jistudja iżda reġa lura fl-istess Direttorat; wieħed (1) laħaq Ambaxxatur; wieħed (1) laħaq Direttur; tnejn (2) ġew rilokati għall-doveri ġodda fil-Ministeru; erbgħa (4) ħadu posting f’Ambaxxati Maltin barra minn Malta; tnejn (2) ħarġu bil-Maternity Leave; u wieħed (1) sfortunatament ħalliena. Ma kien hemm l-ebda każ li spiċċa quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. L-ebda uffiċjal ma ngħata warning bil-miktub jew charge ta’ kull tip. Ma nfetaħ l-ebda każ il-qorti minn l-ebda ħaddiem.
Ministeru għall-Affarjiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ u ambaxxati – żamma ta’ files
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jinżammu l-files ta’ kull tip (personali, tal-accounts, eċċ.) li ma jintużawx iżjed kemm tal-Ministeru kif ukoll tal-Ambaxxati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-files li ma jintużawx iżjed jinżammu fil-binja tal-Ministeru ġewwa Palazzo Parisio; fil-binja tad-Direttorat Servizzi Korporattivi; u ġo mħażen oħra li jintużaw għal dan l-iskop mill-Ministeru. L-Ambaxxatti iżommu l-files fil-binja taċ-Chancery.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-Terms of Reference fuq x’tip ta' interventi għandhom isiru fi Triq l-Imġarr ġewwa n-Nadur u dan peress li skont ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija numru 2790 dawn kellhom jitlestew sal-aħħar tas-sena 2017?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-abbozz tat-Terms of Reference tlesta u qed ikun finalizzat mal-istakeholders ewlenin fosthom mal-Korporazzjoni tal-Ilma, l-Enemalta u l-kumpaniji li jipprovdu servizzi importanti oħra. Din l-informazzjoni ser tintuża meta jkun qed jiġi ppreparat d-dokument tal-offerta li hu mistenni li jinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin. L-Onor. Interpellant japprezza li din l-informazzjoni, għalhekk, hija ta’ natura sensittiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema mal-Malta Libraries minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid fejn ħarġet is-sejħa biex ġew ingaġġati dawn il-ħaddiema u jpoġġi kopja tas-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid f’kull każ x’tip ta’ sejħiet ta’ xogħol kienu? Xi kwalifiċi u/jew esperjenza ġiet mitluba? X'etajiet għandhom dawk li ġew magħżula u kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jikkonferma jekk dawn li ġew ingaġġati llum humiex qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati jew qed jagħmlu xogħol ieħor u jekk qed jagħmlu xogħol ieħor x’inhu dan ix-xogħol? Mil-liema lokalitajiet huma l-ħaddiema li ġew ingaġġati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat minn Malta Libraries li minn Marzu 2013 ‘l hawn ġew ingaġġati dawn il-persuni: 12 Library Assistants (1 part-time), 1 Deputy Librarian, 2 Library Attendants, 1 Manager Projects u 1 Administrative Officer. Is-sejħiet ħarġu jew public call jew minn Jobsplus u kienu għal Part-time Library Assistant, Library Assistant, Deputy Librarian, Library Attendant, Manager Projects u Administrative Officer. Il-kwalifiċi meħtieġa, barra kompetenzi oħra, kienu NQF level 1 għal-Library Assistants u Library Attendants, u NQF level 6 għal Deputy Librarian, Manager Projects u Administrative Officer. L-etajiet ivarjaw bejn 19 u 53 sena. Dawk kollha li ġew ingaġġati mill-Jobsplus kienu jirreġistraw jew f’part 1 jew part 3.
Infurmat li dawn il-persuni qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati.
Dawn il-ħaddiema huma mil-lokalitajiet li ġejjin: Sliema, Fgura, Għaxaq, Birkirkara, Gżira, Pietà, Mellieħa, Sannat u Rabat Għawdex.
Xewkija Għawdex — Triq tal-Baqqari c/w Triq tal-Ħamrija u Triq L-Ibisku – bini ta’ warehouses/garages
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex jinbnew warehouses/garages ġewwa Triq tal-Baqqari c/w Triq tal-Ħamrija, Triq l-Ibisku fix-Xewkija? Kemm-il garage/warehouse mistenni jkun hemm? Tista’ tgħid hux ser ikun hemm parkeġġ tal-karozzi f'dan il-proġett u jekk iva kemm se jkun jesa’ karozzi? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett hux ser ikun żviluppat jiġifieri mibni mill-privat jew jekk inkella hux il-Ministeru ser joħroġ tender biex isir ix-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett? Kemm hu stmat li jiġi jiswa’ dan il-proġett, u huwa possibbli l-Ministru tgħid meta mistenni joħorġu t-tenders u meta mistenni li jibda x-xogħol infrastrutturali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li bħalissa għaddej il-proċess tal-applikazzjoni għall-permessi meħtieġa mal-Awtorità tal-Ippjanar. Hu ppjanat li jkun hemm 31 garage/warehouse u 31 parkeġġ għall-karozzi. Il-proġett hu stmat li se jkun jiswa €2,565,000 (VAT eskluż).
Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm ħaddiema fil-Community Work Scheme ġewwa Malta u kemm hemm ħaddiema fl-istess skema ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid għal kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema kemm ilhom jaħdmu ma’ din l-iskema u x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x’ħinijiet u ġranet qed jaħdmu dawn il-ħaddiema u jgħid kemm hemm minnhom jaħdmu b’shift u x’tip ta’ shift qed jaħdmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-għadd ta’ ħaddiema fil-Community Work Scheme, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, kienu sa Jannar 2018 kif ġej:
Diċ-16
Diċ-17
Jan-18
Malta
419
499
503
Għawdex
132
168
336
Total
551
667
839
Ix-xogħlijiet imwettqa minn dawn il-ħaddiema ivarjaw minn xogħol klerikali, għal dak ta’ manutenzjoni u upkeep, ħarsien ta’ postijiet u tindif ġenerali.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, infurmat li 833 ħaddiem jaħdmu ħinijiet ta’ matul il-jum, ħamsa (5) day-in day-out u wieħed (1) shift ta’ bil-lejl.
Jista' l-Ministru jgħid minn mindu twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kemm kellu laqgħat il-Board of Governors sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-laqgħat kienu preżenti l-membri kollha u jekk tul dawn il-laqgħat qattx ittieħed vot u jekk iva kemm-il darba u dwar xiex ittieħed vot, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Board of Governors tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) iltaqa’ 73 darba minn Mejju 2011 sa Jannar 2018, hekk kif qiegħed jidher hawn taħt. Intant nfurmat ukoll li ttieħdu żewġ voti b’kollox fis-73 seduta li saru. Wieħed minnhom fl-2014 fil-konfront ta’ selezzjoni għal pożizzjoni ta’ Direttur ġenerali u l-ieħor fl-2016 fil-konfront ta’ selezzjoni għal pożizzjoni ta’ Direttur.
Sena
Numru ta’ laqghat
Numru ta’ laqghat li fihom kien hemm il-Membri
Kollha
Preż
enti
2011
9
2
2012
8
4
2013
13
3
2014
12
1
2015
12
4
2016
10
0
2017
8
0
2018
1
0
Totali
73
14
Jista’ l-Ministru jgħid fil-każ tal-Arbitru għas-Servizz Finanzjarji, jekk ġiex ikkunsidrat li jiġi appuntat arbitru ieħor sakemm almenu jonqos il-backlog ta’ każijiet pendenti? Jekk le, għalfejn?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-Liġi tal-Uffiċju tal-Arbitru għas-Servizzi Fnanzjarji, hemm stipulat li jkun appuntat Arbitru sostitut f’każijiet fejn jista’ jkun hemm kunflitt ta’ nteress jew fejn l-Arbitru ikun indispost għal żmien fit-tul.
Meta kienet qed tiġi diskussa din il-Liġi, kien ġie deċiż, sabiex ikun hemm uniformità fid-deċiżjonijiet li jingħataw, għandu jkun hemm Arbitru wieħed.
Irrid inserraħ ras l-Onor. Interpellant li hemm attività qawwija fl-Uffiċċju tal-Arbitru u l-hekk imsejħa kawżi ta’
backlog
qed tiġi indirizzata.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3575, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk din in-nefqa tinkludix is-salarju tal-ispeċjalisti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u li jagħmlu r-riċerka tagħhom waqt li qed jagħtu servizz lill-pazjenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-salarji tal-ispeċjalisti li jaħdmu Mater Dei huma separati minn nefqa fuq ir-riċerka msemmija fil-mistoqsija parlamentari numru 3575.
Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali – Rapport Annwali 2016
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn dan ir-rapport tpoġġa lejliet li twieġbet l-istess mistoqsija, jiġifieri fis-seduta numru 71 tat-22 ta’ Jannar 2018 (PL 1063) u dan bi ksur ċar tal-liġi tas-Saħħa Mentali, meta l-imsemmi rapport huwa datat l-10 ta’ Novembru 2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal liema ksur ta’ liġi qed tirreferi għalih.
Rapport tal-Uffiċċju għall-Kummissarju għas-Saħħa Mentali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jkun lest, u meta se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għas-sena 2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għadu ma ppreżentax ir-rapport għas-sena 2017.
Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema rakkomandazzjonijiet bdew jiġu implimentati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Monte Carmeli żdied in-numru ta’ sodod fil-Female DDU. Għalhekk dawn il-pazjenti nisa li għandhom l-intenzjoni li jsegwu programm ta’ riabilitazzjoni tad-droga m’għandhomx iktar kuntatt mar-revolving door patients. Is-sala 8B issa ġiet stazzjonata għal sala oħra sabiex b’hekk tjieb ukoll l-ambjent għal dawn il-pazjenti.
Ninfurmaha ukoll illi bis-saħħa tat-tibdil strutturali ser ikun hemm titjib fis-servizz lill-persuni li huma
drug addicts
minħabba l-fatt li ser ikun hemm tkabbir fiż-żona ddedikata għal dawn il-pazjenti.
Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru tas-Saħħa bediex jiddiskuti l-problema tad-droga mal-Ministeru tal-Politika Soċjali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa ddiskuta din il-problema tad-droga mal-Ministeru tal-Politika Soċjali. It-taħdidiet bejn iż-żewġ partijiet għadhom għaddejjin. Qed isiru diskussjonijiet dwar kif iż-żewġ ministeri rispettivi, jistaw jikkontribwixxu sabiex is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u effettivi.
Filfatt minn naħa tad-dipartiment għas-Saħħa żied ukoll sessjoni minn psikjatra ġewwa l-aġenzija Sedqa.
Qed jiġi diskuss ukoll kif nistaw nagħtu servizzi aħjar lis
-stimulants addicts
peress li l-programm eżistenti huwa iktar indirizzat għal
heroin addicts
.
Titjib tas-servizzi fl-immaniġjar ta’ persuni taħt l-influwenza ta’ sustanzi psikoattivi
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir biex jitjiebu s-servizzi fl-immanġġar ta’ persuni taħt l-influwenza ta’ sustanzi psikoattivi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hekk kif jiġi ammess pazjent li jkun ġie kkonfermat li qiegħed taħt influwenza ta’ sustanzi psikoattivi, tiġi mfassla care plan personalizzata għal dak il-pazjent partikolari, bil-għan li dan il-pazjent tingħatalu l-kura meħtieġa minn tim multidixxiplinarju u bi qbil bejn il-pazjent u l-konsulent tiegħu. Il-pazjent jiġi riabilitat bl-aktar mod effettiv lura fis-soċjeta’. L-Isptar Monte Carmeli jżomm kuntatt kontinwu ma’ aġenziji mhux governattivi li jistgħu joffru servizzi ta’ riabilitazzjoni.
Aġenzija Identità Malta – kopja ta’ ftehim dwar l-operat tal-Aġenzija
Question
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim tal-Aġenzija li abbażi tiegħu jitwettaq l-operat tal-Aġenzija Identità Malta skont dak li jipprovdi l-artikolu 7 tal-Ordni li jwaqqaf l-Aġenzija Identità Malta (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 497.07) u l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant, kif mgħoddi lili mill-Aġenzija Identità Malta.
Ninsab informat illi dan il-ftehim qiegħed fil-proċess li jiġi rivedut biex jirrifletti tibdil li se jsir fl-operat tal-Aġenzija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid, kemm-il karta tal-identità baqgħet mhux imġedda sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?