Inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex – Malta Industrial Parks – parir mid-Dipartiment tal-Kuntratti
Question
Peress li bħalissa hemm xogħlijiet li qed isiru fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dan il-każ il-Malta Industrial Parks ħaditx parir mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ħadet din id-deċiżjoni?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 3895 u għall-istqarrijiet maħruġa mid-dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru 180190 u 180210.
Inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex – ħruġ ta’ proċess kompetittiv
Question
Peress li bħalissa hemm xogħlijiet li qed isiru fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn f’dan il-każ partikolari ma nħariġx proċess kompetittiv fuq xi ħaġa ta’ valur daqshekk kbir?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-diskors tal-Budget tal-2010, fejn intqal li “Fl-2010 se ninvestu ’l fuq minn 16-il miljun ewro fiż-żoni industrijali ta’ Kordin, Ħal-Far, Bulebel, il-Mosta u x-Xewkija, filwaqt li bi sħubija mas-settur privat intelqu ż-żewġ micro-enterprise parks ġewwa l-Mellieħa u x-Xewkija Għawdex.”
Effettivament, kif ġara f’diversi oqsma oħra, kellu jkun dan il-Gvern li jwettaq dawn il-proġetti, li f’dan il-kaz għandu jkomplu jistabilixu l-Għawdex bħala Ċentru ta’ attivita’ ekonomika f’diversi setturi u jkompli jkattar aktar impjiegi ta’ kwalita’.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenti
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2793, jista’ l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom (iżidhom fit-tabella li diġà tana) ta’ kull konsulent u l-iskop għal xiex inħatar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Programm Designated Dual Diagnosis Therapeutic Programme Capacity
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jiġi estiż il-programm imsejjaħ Designated Dual Diagnosis Therapeutic Programme Capacity?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħala parti mid-Designated Dual Diagnosis Therapeutic Programme Capacity, ġiet identifikata binja fl-isptar Monte Carmeli biex tiġi żviluppata f’ċentru speċjalizzat għall-kura ta’ pazjenti bi problemi ta’ sustanzi psikoattivi. Bħalissa, din il-binja qiegħda tintuża temporanjament bħala transit ward sakemm jitlesta xogħol urġenti ta’ strutturar fi swali oħra f’dan l-isptar. Hekk kif jitlesta dan ix-xogħol, jissokta l-pjan biex jitwaqqaf dan iċ-ċentru speċjalizzat li ser ikun jista’ jilqa’ fih numru akbar ta’ pazjenti bi problemi psikoattivi.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex jimplimenta r-rakkomandazzjoni 3(b) (f’paġna 158) sabiex titneħħa Ward 8 u jinħolqu units separati għal gruppi bi bżonnijiet differenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjan huwa li tingħalaq Ward 8 u minflok jiġi mwaqqaf ċentru speċjalizzat għall-persuni bi problemi ta’ sustanzi psikoattivi. Dan iċ-ċentru ser ikun maqsum fi tliet taqsimiet:
- Taqsima għall-pazjenti rġiel
- Taqsima għall-pazjenti nisa
- Taqsima għall-pazjenti li għalkemm isegwu programm ta’ kura fl-isptar, jirrifjutaw li jagħmlu kull xorta ta’ programm ta’ riabilitazzjoni
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir għal dawk il-persuni li għandhom bżonn programm terapewtiku imma ma jistgħux jidħlu għall-kura għax id-Dual Diagnosis Unit (DDU) huwa full up?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jkollhom bżonn programm terapewtiku minħabba psychoactive substance misuse preferenzjalment jingħata din il-kura fid-Dual Diagnosis Unit (DDU). Fejn dan ma jkunx possibbli, l-pazjenti jiġu ammessi f’sala oħra fejn xorta waħda tingħatalhom il-kura kollha meħtieġa. Hawnhekk, xorta waħda jinbeda l-programm ta’ riabilitazzjoni minn tim multidixxiplinarju.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx ħsieb li jinħoloq servizz ġdid bħal dak irrakkomandat tad-Drop In Shelters?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddejjin diskussjonijiet flimkien ma aġenziji u NGO’s li huma responsabbli mill-qasam tal-addictions.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li jinħolqu sober living homes kif irrakkomandat f’para. 3d (pg 159)?
Aġenzija Identità Malta – Chairperson Eżekuttiv — bord konsultattiv
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk, ħatarx bord konsultattiv biex jgħin liċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta skont dak li jipprovdi l-artikolu 42 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid min kienu u min huma l-membri tal-bord konsultattiv tal-Aġenzija Identità Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat mill-Aġenzija Identità Malta li sa issa ma inħatarx bord bhal dak li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant.
Aġenzija Identità Malta – kontijiet verifikati u rapporti dwar l-operat tal-Aġenzija
Question
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kontijiet verifikati flimkien mar-rapport dwar l-operat tal-Aġenzija Identità Malta matul is-sena 2016? Jista' jgħid għalfejn il-kontijiet verifikati flimkien mar-rapport, għadhom ma ġewx imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra bi ksur ta' dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta) u ċjoè li dawn kellhom jiġu ppreżentati lill-Ministru responsabbli mill-Aġenzija permezz tas-Segretarju Permanenti mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tmiem tas-sena finanzjarja 2016 u l-Ministru responsabbli għall-Aġenzija Identità Malta kellu jqegħidhom fuq il-Mejda tal-Kamra mhux iktar tard minn sitt ġimgħat minn meta jkun irċevihom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-operat tal-Aġenzija Identità Malta li jkopri s-sena 2016, skont dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta), kif ipprovdut lilli mill-istess agenzija.
Aġenzija Identità Malta – Segretarju Parlamentari – preżentazzjoni tal-kontijiet verifikati u rapporti dwar l-operat tal-Aġenzija
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti d-data ta’ meta rċieva kopja tal-kontijiet verifikati flimkien mar-rapport dwar l-operat tal-Aġenzija Identità Malta matul is-sena 2017 u dan skont dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta) u ċjoè li dawn għandhom jiġu ppreżentati lilu bħala l-Ministru responsabbli mill-Aġenzija permezz tas-Segretarju Permanenti mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tmiem tas-sena finanzjarja 2017?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġejt informat minn Identity Malta li r-rapport dwar l-operat ta’ din l-istess Aġenzija li jkopri s-sena 2017, skont dak li jipprovdi l-artikolu 41 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497 tal-Liġijiet ta' Malta), se jiġi ppublikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Aġenzija Identità Malta – kawżi preżentati kontra l-Aġenzija
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kawżi ġew ippreżentati kontra l-Aġenzija Identità Malta fil-qrati u t-tribunali ta' Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'inhu l-okkju ta' kull kawża u f'liema stadju waslet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Aġenzija Identità Malta – kawżi preżentati fil-Qrati u tribunali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kawżi ppreżentat l-Aġenzija Identità Malta fil-qrati u t-tribunali ta' Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'inhu l-okkju ta' kull kawża u f'liema stadju waslet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Aġenzija Identità Malta – protesti ġudizzjarji kontra l-Aġenzija
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'protesti ġudizzjarji ġew ippreżentati kontra l-Aġenzija Identità Malta fil-qrati ta' Malta mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid jekk l-Aġenzija Identità Malta ppreżentatx kontro-protest ġudizzjarju għal kull protest ġudizzjarju li ġie ppreżentat kontra l-istess Aġenzija? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-protesti ġudizzjarji u l-kontro-protesti ġudizzjarji?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Persuni mressqa l-Qorti fuq akkużi li kienu fil-pajjiż illegalment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu l-Qorti mill-Pulizija akkużati li kienu fil-pajjiż illegalment fis-sena 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002, wara tibdil fil-Liġi tal-Immigrazzjoni, ma baqax reat li persuni ta' pajjiżi terzi jkunu Malta illegalment u allura dawn ma jitressqux il-Qorti. Madankollu dawn jintbagħtu lura pajjiżhom wara proċess amministrattiv fejn tinħareġ Deciżjoni ta' Ritorn mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni. Matul is-sena 2017 kien hemm mija u disgħin (190) persuna minn pajjiżi terzi li nstabu illegalment Malta u ħarġitilhom id-Deciżjoni ta' Ritorn imsemmija. Ma’ dawn kien hemm ukoll mitejn u tnejn u tmenin (282) persuna minn pajjiżi terzi li nstabu li kienu wkoll fil-pajjiż illegalment meta kienu ser jitilqu minn dawn il-Gżejjer għal pajjiżi barra miż-żona Schengen, u għalhekk dawn ukoll ħarġitilhom l-istess deciżjoni qabel it-tluq.
Depot tal-Pulizija – persuni li huma nkarigati mit-tindif
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min isir it-tindif ġewwa d-Depot tal-Pulizija? Jista’ jgħid kemm hemm persuni li huma inkarigati u impjegati biex jagħmlu dan it-tindif u x’inhuma l-ħinijiet u r-rosters tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi waqt li huwa d-dmir ta’ kull membru tal-Korp li jżomm il-post tax-xogħol tiegħu nadif u dan jinkludi d-Depot tal-Pulizija, f'dan il-lokal hemm ukoll sitt persuni li huma membri tal-Korp li minħabba l-kobor tal-post u s-sezzjonjiet diversi, jagħmlu xogħol ta' tindif. Dwar ħinijiet, erbgħa (4) minnhom jaħdmu bejn is-6.30 am u t-3.30 pm mit-Tnejn sal-Ġimgha. Persuna li hija riservista taħdem mis-6.00 am sa nofsinhar u riservista ieħor jaħdem mis-7.00 am sas-siegħa ta' wara nofsinhar.
Qed tiġi evalwata bidla f’diversi setturi tal-Korp tal-Pulizija biex ċertu xogħol jibda jsir minn
civilians.
Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li għandhom xufier magħhom — qadi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk l-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li għandhom xufier, jekk huwiex permess li dawn ix-xufiera jagħmlu l-qadi privat tal-uffiċjal li miegħu jkunu assenjati bħal xiri u twassil ta’ membri tal-familja minn post għall-ieħor?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi xufiera li huma assenjati ma’ uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija, jagħmlu dak ix-xogħol skont l-esiġenzi tas-servizz, kif assenjat mill-istess Uffiċjal.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera ta’ uffiċjali tal-Pulizija humiex obbligati li jidħlu għax-xogħol mal-istess uffiċjal anke meta l-istess uffiċjal ikun frank?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi kif dejjem kienet il-prassi, ix-xufiera ta’ uffiċjali tal-Pulizija jaħdmu xift li hu differenti minn dak tal-fizzjali li jkunu magħhom. Għaldaqstant huma obbligati li jidħlu għax-xogħol meta l-istess uffiċjali jkunu franki, prinċipalment għax ikun jum tax-xogħol normali tagħhom u anke peress illi uffiċjali obbligati li jidħlu xogħol fil-frank, jekk iċ-ċirkustanzi ta' xogħolhom hekk jitolbu.
Korp tal-Pulizija – membri li jgħallmu fl-Akkademja tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li jgħallmu fl-Akkademja tal-Pulizija? Jista’ jippreżenta lista ta’ dawn il-persuni u s-suġġetti li jgħallmu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi hemm tmienja u ħamsin (58) membru tal-Korp tal-Pulizija li għallmu fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati matul is-sena 2017.
Korp tal-Pulizija – membri li jgħallmu fl-Akkademja tal-Pulizija — ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Korp tal-Pulziija li jgħallmu fl-Akkademja jitħallsux extra għal tali tagħlim li jgħallmu? Jista’ jgħid kemm tħallas kull uffiċjali li jgħallem fl-Akkademja fis-sena 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li jgħallmu fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati, jitħallsu extra għat-tagħlim li jgħallmu.
Ir-Rata tal-ħlas għal lectures li jsiru matul il-ħinijiet normali tax-xogħol hija ta’ € 8.74 kull siegħa, filwaqt li għal lectures li jsiru barra l-ħin normali tax-xogħol hija ta’ € 16.00 kull siegħa.