Skejjel tal-Gvern – tfal li jużaw it-trasport b’xejn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tfal fl-iskejjel tal-Gvern jużaw it-trasport b’xejn imħallas mill-Gvern u kemm jiġi dan f’perċentwal mit-total ta’ studenti li jattendu dawn l-iskejjel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal fl-iskejjel tal-Gvern li jużaw it-trasport b’xejn imħallas mill-Gvern huwa ta’ 12,000. Dan jiġi 34.7% mit-total ta’ studenti li jattendu dawn l-iskejjel.
Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura – gaġeġ tat-tonn
Question
B’referenza għall-gaġeġ tat-tonn li jinsabu f’post transitorju fejn qed jiġi xjentifikament studjat mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura u fejn bħalha fatt il-gaġeġ żdiedu minn 9 gaġeġ għal 21 gaġġa, u għalkemm fil-Parlament, il-Ministru kien qal li l-gaġeġ iż-żejda tneħħew, imma sal-lum il-ġurnata, dawn il-gaġeġ jew il-frames tagħhom għadhom hemm ankrati, jaf il-Ministru li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) daħlet pre-screening application biex minn 12-il gaġġa jiżdiedu għal 24 gaġġa? Ma jaħsibx il-Ministru u/jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhom jirrikmandaw li joħroġ enforcement notice la l-PA ma għamlitx hekk? Dan mhux l-istess bħal meta wieħed iħaffer għal pedamenti f’art waqt pre-screening jew proċess ta’ applikazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jaċċetta dan il-ksur ta’ regoli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura bħalissa l-farm ikkonċernat għandu sitt (6) gaġeġ bil-ħut mit-tnax (12) li huma permessi. Il-proċess tal-akkwakultura tat-tonn jinvolvi l-preparazzjoni tal-collars tal-gaġeġ li la jkunu ankrati mal-qiegħ u lanqas ma jkun fihom xbiek. F’dan iż-żmien tas-sena dawn ikunu qed jiġu armati biex fl-istaġun jinġibdu għal ġewwa ż-żona tas-sajd meta ssir il-qabda tat-tonn. Ladarba fix-xibka tas-sajd ikun hemm it-tonn, titwaħħal xibka ma dawn il-collars, biex b’hekk il-ħut jiġi trasferit mix-xibka tas-sajd għal ġox-xibka tal-gaġġa. F’dan l-istadju il-gaġġa bit-tonn tibda tinġibed lura lejn Malta. Dawn il-gaġeġ bit-tonn jistgħu jiġu ankrati biss f’żona identifikata għall-akkwakultura tat-tonn.
Għaldaqstant ma jidhirx li hemm il-ħtiega ta’ nfurzar.
Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura – gaġeġ tat-tonn
Question
Nirreferi għall-gaġeġ tat-tonn li jinsabu f’post transitorju fejn qed jiġi xjentifikament studjat mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura u fejn bħalha fatt il-gaġeġ żdiedu minn 9 gaġeg għal 21 gaġġa, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx pre-screening application lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) biex minn 12 il-gaġġa jiżdiedu għal 24 gaġġa? Ma jaħsibx il-Ministru li l-PA għandha toħroġ enforcement notice? Dan mhux l-istess bħal meta wieħed iħaffer għal pedamenti f’art pre-screening jew proċess ta’ applikazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li dan il-ksur ta’ regoli qed imur kontra r-regoli tal-Ministeru?
Response (BORG, IAN)
L-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiema applikazzjoni bir-referenza TRK201624 fejn qed jiġi mitlub li jiżdiedu 12 il-gaġġa ma’ fish farm eżistenti. Din l-applikazzjoni għada fi stadju ta’ vetting fejn l-Awtorità għadha qed tistenna aktar informazzjoni biex ikun jista’ jibda il-proċess ta’ screening.
Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija - “
Ma jaħsibx il-Ministru li l-PA għandha toħroġ enforcement notice? Dan mhux l-istess bħal meta wieħed iħaffer għal pedamenti f’art pre-screening jew proċess ta’ applikazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li dan il-ksur ta’ regoli qed imur kontra r-regoli tal-Ministeru?”
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jara t-tweġiba li ngħatatlu fid-domanda parlamentari 3882 f’Seduta 81.
Skejjel Indipendenti u tal-Knisja — Trasport b’xejn lil studenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' implimentazzjoni qiegħed l-impenn elettorali tal-Gvern li jipprovdi trasport b'xejn anke għal tfal li jmorru fi skejjel Independenti u tal-Knisja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-Tnejn 26 ta’ Frar 2018 ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika li ser iddum miftuħa għal xahar. Kopja tad-dokument jinstab fuq il-link http://newsbreak.edu.mt/2018/02/26/all-you-need-to-know-about-the-free-supervised-school-transport-initiative/
Skejjel tal-Knisja u Indipendenti – spiża ta’ trasport għat-tfal
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tiswa l-ispiża fis-sena biex jiġi provdut trasport b'xejn lit-tfal fi skejjel tal-Knisja u Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-ispiża sabiex jiġi provdut trasport b’xejn lit-tfal fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hi stmata li se tlaħħaq €10 miljun għal sena.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il kunsill lokali jew reġjuni bħalissa qed joperaw b’segretarju eżekuttiv li qed jaqdi dan l-irwol f’kunsill jew reġjun ta’ kunsill lokali ieħor? F’kull każ, liema huma l-kunsilli/reġjuni involuti? Fejn hemm segretarju eżekuttiv li qed jaqdi dawn l-irwoli, f’liema kunsilli jew reġjuni qed jaqdi dan id-dmir f’kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm Kumitat Reġjonali wieħed u tlett Kunsilli Lokali li qed joperaw b’Segretarju Eżekuttiv ta’ Kunsill Lokali ieħor.
Dawn huma:
1. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li qed isservi wkoll bħala Aġent Segretarju Eżekuttiv fil-Kumitat Reġjonali tax-Xlokk; u
2. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li qed iservi wkoll bħala Aġent Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali tal-Gudja kif ukoll bħala Aġent Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żabbar.
Intant hemm ukoll:
3. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem li qed iservi wkoll bħala Deputat Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz.
Informazzjoni f’format ta' tabella:
Is-SE tal-Kunsill Lokali ta’... qed iservi wkoll bħala
Ħal TarxienAġent SE fil-Kumitat Reġjonali Xlokk
Ix-XgħajraAġent SE fil-KL Gudja u
Aġent SE fil-KL Ħaż-Żabbar
Ta’ KerċemDeputat SE fil-KL San Lawrenz
Total: 3Total: 4
Kunsilli Lokali jew reġjuni – segretarju eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il kunsill lokali jew reġjun kienu qegħdin joperaw b’segretarju eżekuttiv li qed jaqdi dan l-irwol f’kunsill jew reġjun ta’ kunsill lokali ieħor sal-aħħar ta’ Ottubru 2017? F’kull każ liema huma l-kunsilli/reġjuni involuti? Fejn hemm segretarju eżekuttiv li kien qed jaqdi dawn l-irwoli f’liema kunsilli jew reġjuni f’kull każ kien qed jaqdi dan id-dmir?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa Ottubru 2017 kien hemm Kumitat Reġjonali wieħed u tlett Kunsilli Lokali li qed joperaw b’Segretarju Eżekuttiv ta’ Kunsill Lokali ieħor.
Dawn kienu:
1. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li kienet qed isservi wkoll bħala Aġent Segretarju Eżekuttiv fil-Kumitat Reġjonali tax-Xlokk; u
2. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li kien qed iservi wkoll bħala Aġent Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali tal-Gudja kif ukoll bħala Aġent Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żabbar.
Intant kien hemm ukoll:
3. Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kumitat Reġjonali tat-Tramuntana li kien qed iservi wkoll bħala Deputat Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Informazzjoni f’format ta' tabella:
Is-SE tal-... kien qed iservi wkoll bħala
KL Ħal TarxienAġent SE fil-KR Xlokk
KL XgħajraAġent SE fil-KL Gudja u
Aġent SE fil-KL Ħaż-Żabbar
KR TramuntanaDeputat SE fil-KL San Pawl il-Baħar
Total: 3Total: 4
Kunsilli Lokali jew reġjuni — aġent segretarju eżekuttiv / deputat segretarju eżekuttiv / aġent deputat segretarju eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali jew reġjuni li qegħdin joperaw b’aġent segretarju eżekuttiv/deputat segretarju eżekuttiv/aġent deputat segretarju eżekuttiv? F’kull każ jista’ jgħid f’liema rwol ieħor huma impjegati mal-Gvern jew aġenziji tal-Gvern, dawn l-istess uffiċjali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ Kumitati Reġjonali u ħames Kunsilli Lokali – total ta’ sebgħa, li qed joperaw b’Aġent Segretarju Eżekuttiv, Deputat Segretarju Eżekuttiv jew Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv. Tali ħatriet saru skont il-provedimenti tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Qed nannessa Tabella bid-dettalji ta’ dawn il-każi.
Entità Gvern Lokali:Attwalment għandha:Li l-irwol prinċipali tiegħu/tagħha huwa:
Kumitat Reġjonali XlokkAġent Segretarju EżekuttivSegretarju Eżekuttiv mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien
Kunsill Lokali Ħaż-ŻabbarAġent Segretarju EżekuttivSegretarju Eżekuttiv mal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra
Kumitat Reġjonali NofsinharAġent Segretarju EżekuttivDirettur mal-LESA
Kunsill Lokali Il-GudjaAġent Segretarju EżekuttivSegretarju Eżekuttiv mal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra
Kunsill Lokali Ħal SafiDeputat Segretarju EżekuttivAssistent Prinċipal fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi stess
Kunsill Lokali San LawrenzDeputat Segretarju EżekuttivSegretarju Eżekuttiv mal-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem
Kunsill Lokali San Pawl il-BaħarAġent Deputat Segretarju EżekuttivAssesur mad-Dipartiment għall-Istandards tal-Ħarsien Soċjali
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Korsa tal-Marsa? Min huma l-persuni esperti li qegħdin jinnegozjaw f’isem il-Gvern Malti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati dwar l-għotja ta’ art f’konċessjoni għal ħamsa u sittin sena (65) tal-kumpless tal-Korsa tal-Marsa waslu fi stadju avvanzat ħafna u l-uffiċjali tal-Privatisation Unit assistiti minn konsulenti legali u tekniċi qegħdin iħarsu u jsostnu l-interessi tal-Gvern Malti għal din il-konċessjoni. Ta’ min wieħed jirrimarka illi l-Gvern mhux qed jinnegozja fi spirtu ta’ privatizzazzjoni imma qed jikkonkludi ftehim ta’ konċessjoni fejn l-iżvilupp kollu li jkun sar fil- kumpless tal-Korsa tal-Marsa jirritorna lura għand il-Gvern Malti fi tmiem il-konċessjoni. Dan kollu fi spirtu tar-Request for Proposal maħruġ mill-Gvern fl-2015.
Bordijiet sportivi – persuni li qed jokkupaw ħatra ta’ tmexxija/diretturi/kumitati
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li attwalment qegħdin jokkupaw pożizzjoni ta’ ħatra ta’ tmexxija/diretturi/kumitati fil-bordijiet sportivi kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-isport? Jista’ jgħid x’tip ta’ ħlas jew perkaċċi qed jingħataw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-assistenza ta’ SportMalta
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-assistenza ta’ SportMalta u mid-diversi skemi tagħha mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-għotja finanzjarja, materjalità jew ta’ natura oħra, għal kull wieħed u għal liema skop?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għas-snin 2014 - 2017 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Filwaqt li jien naqbel mal-pet therapy, jista’ l-Ministru jinforma kemm qed jitħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li qed jipprovdi pet therapy f’San Vinċenz? Kemm-il siegħa ta’ pet therapy qed jipprovdi u x’inhu l-ħlas li qed jingħata?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ma sar l-ebda ftehim mal-individwu li kien imsemmi.
Ta’ Xbiex – rotot ta’ devjazzjoni minħabba l-proġett tal-Kappara Junction
Question
Jista’ l-Ministru jindika meta r-rotot ta’ devjazzjoni li saru f’Ta’ Xbiex minħabba l-proġett tal-Kappara Junction, se jerġgħu lura għan-normal issa li l-proġett tlesta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq ir-rotot ta’ devjazzoni relatati mal-proġett tal-Kappara mistennija jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għal kif kienu qabel it-toroq ta’ San Ġwann bis-saħħa tal-Kappara Junction, jista’ l-Ministru jara li anke t-toroq tal-lokalità ta’ Ta’ Xbiex jerġgħu jiġi lura kif kienu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq ir-rotot ta’ devjazzoni relatati mal-proġett tal-Kappara mistennija jkunu lesti fil-ġimghat li ġejjin.
Transport Malta — Ħ’Attard sa taħt ir-Rabat – rotta alternattiva
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir minn Transport Malta u mill-Ministeru tiegħu biex tinstab rotta alternattiva għal triq li s’issa qed tgħaddi mir-raba’ minn Ħ’Attard sa taħt ir-Rabat?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiet tiġi offruta l-iskema ta’ għajnuna għall-bdiewa Agri-Environment Climate Measures (AECM)? Jista’ jgħid għaliex sat-22 ta’ Frar 2018 ma kien hemm l-ebda informazzjoni dwar din l-iskema online? Kemm hemm u min huma l-konsulenti li d-dipartiment konċernat qed ipoġġi għad-disponibbilità tal-bdiewa biex mingħandhom ikunu jistgħu jixtru l-konsulenza li mingħajrha ma tistax tapplika għal din l-iskema? Jista’ jgħid din il-konsulenza fiex tikkonsisti u kemm tiswa lill-bdiewa jekk pereżempju bidwi jkun irid japplika għal żewġ tomniet ta’ raba’?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’segwitu għat-tħejjija tal-miżura, talbiet mill-bdiewa għall-għajnuna taħt l-iskema AECM 5 (Miżura għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan għall-Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija fuq ħbula ta’ art) intlaqgħu bejn id-29 ta’ Jannar u t-23 ta’ Frar 2018. Il-ftuħ ta’ din l-iskema ta’ għajnuna volontarja ġie komunikat lill-bdiewa reġistrati permezz ta’ SMS, bħalma kienet dejjem il-prassi anki taħt il-programm 2007-2013.
Kif indikat fil-linji gwida rilevanti li jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità ta’ Ġestjoni, il-lista ta’ konsulenti li wrew interess jiġu rikonoxxuti sabiex joffru dan is-servizz ġiet ippubblikata fuq is-sit tad-Dipartiment għall-Protezzjoni tal-Pjanti, u qed tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-konsulenza offruta tikkonċerna t-tfassil tal-pjan għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija b’mod xjentifiku, li jsir abbażi tal-ittestjar fil-laboratorju tal-livell ta’ materja organika li tinsab fil-ħamrija tal-bidwi kkonċernat. Dan il-pjan irid jiġi mplimentat mill-bdiewa li qed jieħdu l-għajnuna taħt din l-iskema. L-istess bħal f’kull qasam ieħor, l-awtoritajiet ma għandhomx jedd jirregolaw il-prezz tas-servizz offrut mill-konsulenti.
Għal aktar informazzjoni fuq l-iskema l-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-
Managing Authority
fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza.
Żoni Industrijali – ħidma ta’ manutenzjoni u ndafa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma ta’ manutenzjoni u ta’ indafa saret fiż-Żoni Industrijali:
(a) tal-Mosta fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Tarġa Gap,
(b) tal-Ħandaq; u
(c) l-Imrieħel, li dawn huma żoni industrijali li oriġinarjament kienu privati, iżda issa huma pubbliċi?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tat-toroq kollha li Transport Malta qed tapplika għall-awtorizzazzjoni meħtieġa, biex dawn it-toroq jitwessgħu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.