Legislature:
Category:
Reset
Active:

Majjistral ta’ Malta – fish farms

Question

Peress li bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika dwar fish farms li jinsabu fil-majjistral ta’ Malta, fejn din se tagħlaq fil-11 ta’ Marzu u r-rapport għaliha ser ikun lest f’Mejju,ma jidhirlux il-Ministru li din il-konsultazzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hi fażul u bħala Ministru hux qed jaċċetta li jħalli 11-il gaġġa (jew il-frames tagħhom) żejda, fuq post li qed jiġi studjat xjentifikament, meta dawn ma għandhomx permess ikunu f’dan il-post? Jista’ jgħid jekk id-deċiżjoni hijiex diġà meħuda u li dan il-post mhux ser jibqa’ wieħed transitorju la dawn sfaċċatament ma tneħħewx? Jista’ l-Ministru jwieġeb u jagħti spjegazzjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 4505 li fiha ġie spjegat li l-proċess tal-akkwakultura tat-tonn jinvolvi l-preparazzjoni tal-collars tal-gaġeġ li la jkunu ankrati mal-qiegħ u lanqas ma jkun fihom xbieki. Mill-investigazzjonijiet li għamlet l-ERA rriżulta li fid-data tal-ispezzjoni fuq il-baħar ma rriżultax li hemm gaġeġ żejda fiż-żona ndikata, iżda hemm ċrieki (id-dawra ta’ fuq li żżomm f’wiċċ l-ilma) li jintużaw f’dan is-settur li qed jinżammu fis-sit.

Importazzjoni ta’ Frame ta’ gaġġa ankrata — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk biex tankra frame ta’ gaġġa tal-fish farms timporta ħafna flus, u jekk din in-nefqa tal-intrapriża privata hijiex issussidjata mill-Gvern?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura ma jissussidja l-ebda intrapriża fis-settur tal-akkwakultura tat-tonn.

Ministeru għall-Eduakzzjoni u Xogħol – promozzjoni tal-lingwa Maltija

Question

Peress li qegħdin ngħixu f’soċjetà multikulturali fejn hawn persentaġġ kbir tal-popolazzjoni li ma jifhmux bil-Malti u l-integrazzjoni ta’ ċertu komunitajiet hi importanti b’mod partikolari dawk li għandhom ċittadinanza Maltija, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Ministeru biex jippromwovi l-lingwa Maltija ma’ din is-sezzjoni tal-popolazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija ta’ min jgħid illi bħalissa Malta mhix tesperjenza migrazzjoni sinifikanti minn nies li għandhom ċittadinanza Maltija imma minn pajjiżi li huma membri tal-UE jew pajjiżi terzi. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa impenjat primarjament f’diversi modi bl-inklużjoni ta’ studenti ta’ età ta’ edukazzjoni obligatorja li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni. Il-programmi u servizzi li jingħataw lil dawn l-istudenti huma: a) Għal studenti li la jifhmu bil-Malti u lanqas bl-Ingliż, il-Migrant Learners’ Unit (MLU) fi ħdan il-Ministeru toffri programm ta’ induzzjoni li jħejji lit-tfal biex jikkomunikaw bl-Ingliz u l-Malti waqt li xorta jsir tagħlim tas-suġġetti li normalment isiru fl-iskejjel bħal Matematika, Studji Soċjali u Xjenza. Bħalissa l-MLU qegħda tuża s-servizz ta’ 40 għalliem f’25 skola u f’dawn il-klassijiet hemm 576 student. b) Wara li dawn it-tfal jiġu meqjusa li jistgħu ikampaw fil-klassijiet ikkunsidrati mainstream, jidħlu mal-bqija tal-popolazzjoni skolastika. Fejn dan seta’ jsir, l-MLU ipprovdiet għalliema li jagħtu post induction support. c) Fl-iskejjel sekondarji ukoll qed isiru gruppi ta’ tagħlim li jiffukaw fuq il-Malti bħala Lingwa Barranija. Iżda hawnhekk qed jiġu segwiti formoli differenti skont deċizjonijiet meħuda mill-iskola. Tħejjew riżorsi diġitali għall-għalliema li jkunu qegħdin jgħallmu dan is-suġġett. d) Importanti wieħed jifhem li għad jonqos x’isir minħabba li n-nuqqas ta’ għalliema impatta ukoll is-servizz illi jeħtieġ jingħata. Biżżejjed ngħidu li l-Unit li bdiet erba’ snin ilu bi tliet għalliema llum qed tħaddem kważi ħamsin u dan għadu mhux biżżejjed. e) Għal dawn l-aħħar sentejn konsekuttivi ġew organizzati klassijiet ta’ tagħlim intensiv matul is-sajf kemm fil-Malti kif ukoll fl-Ingliż għal dawk l-istudenti li jkunu jew waslu tard fis-sena skolastika jew ma jkunux meqjusa li qegħdin ilaħħqu biżżejjed mal-livell meħtieġ. Matul is-sajf tal-2016 ħadu dan is-servizz 23 student filwaqt li matul is-sajf li għadda n-numru tela’ għal 224. It-tagħlim tħallas minn fondi tal-Ministeru u s-sena li għaddiet ġibed ukoll fondi mill-UE. f) Sabiex dawn l-istudenti li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni jkunu jistgħu jiġu ċertifikati u jibqgħu mixjin bl-edukazzjoni tagħhom, bħalissa qiegħed jiġi żviluppat l-eżami tal-ħames sena sekondarja (SEC) fil-Malti bħala Lingwa Barranija. g) Il- Migrant Learners’ Unit ġiet allokata finanzjament mill-fond AMIF tal-UE. Parti minn dan il-finanzjament se jintuża sabiex tinħoloq għodda onlajn li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jitgħallem il-Malti. Huwa maħsub illi dan il-materjal ikun jista’ jintuża kemm fi klassijiet konvenzjonali kif ukoll f’mod awtonomu. h) L-istess fondi ewropej se jservu sabiex il-Migrant Learners’ Unit tniedi sensiela ta’ inizjattivi illi permezz tagħhom tfal li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni ikunu jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw ma’ tfal Maltin fi “klabbs” organizzati wara l-ħin tal-iskola. Ta’ min isemmi li “Malti għal Barranin” qed jiġi mgħallem ukoll f’livell post-sekondarju fl-MCAST. Sadanittant, id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja joffri regolarment korsijiet ta’ tagħlim tal-Malti għall-adulti. Ta’ min jirreferi wkoll għall-Istrateġija tal-Integrazzjoni tal-Migranti li ġiet imnedija mill-Unit tal-Integrazzjoni tal-MEAE. Il-MEDE qiegħed jikkollabora ma’ dan il-Unit sabiex jiġi żgurat il-proviżjon tal-klassijiet tal-lingwa Maltija lill-adulti fil-qafas tal-politika tal-integrazzjoni.

Stazzjonijiet tax-xandir nazzjonali – programmi bl-Ingliż li jippromwovu dak li hu Malti

Question

Peress li qed ngħixu f’soċjetà multikulturali, fejn persentaġġ kbir tal-popolazzjoni ma jifhmux bil-Malti u fejn l-integrazzjoni ta’ ċertu komunitajiet hi importanti b’mod partikolari dawk li għandhom ċittadinanza Maltija u fejn il-komunikazzjoni bejnietna qed issir bil-lingwa Ingliża biss, jista’ l-Ministru jgħid xi ħsieb hemm biex fl-istazzjonijiet tax-xandir nazzjonali jkun hemm programmi bl-Ingliż li jippromwovu dak li hu Malti u dak li jkun qed iseħħ f’pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Tajjeb li l-Onorevoli Farrugia jkun mgħarraf li fuq l-istazzjonijiet pubbliċi (PBS) jixxandar kuljum l-aħbarijiet fil-qosor bl-Ingliż u dan diġà qed ikun ta’ servizz għall-popolazzjoni li mhijiex Maltija imma li qed tiġi integrata f’ċerti kommunitajiet. Għaldaqstant dawn il-kommunitajiet jistgħu jkunu mgħarrfa b’dak li jkun qed iseħħ f’pajjiżna permezz ta’ dan is-servizz tal-aħbarijiet. Rigward kontenut internazzjonali, uħud mill-istazzjonijiet tar-radju fosthom l-istazzjon pubbliku jxandar għadd ta’ servizzi ta’ aħbarijiet mill-BBC u b’hekk il-kommunitajiet ikunu mgħarrfa wkoll b’dak li qed jiġi mix-xena internazzjonali. Min-naħa l-oħra rigward programmar edukattivi partikolarment kulturali, tajjeb li l-Onorevoli Farrugia jkun mgħarraf bil-proġett Kultura TV li s’issa qed jippromwovi dak li hu Malti imma jista’ jkun li fis-snin li ġejjin wieħed ukoll jitlob minn dawn il-produtturi li jsiru xi forma ta’ subtitles u b’hekk ikunu aċċessibli għal dawn il-kommunitajiet. Però tajjeb ukoll li wieħed jara x-xandir fil-kuntest kollu u filwaqt li ix-xandir lineari għandu ħafna kontenut Malti u bil-lingwa Maltija, wieħed ma jistax iħalli barra l-media l-oħra, dawk on line u n-news portals li fil-maġġoranza huma bl-Ingliż. Dawn il-portals ixandru kemm rapport ta’ ġrajjiet kurrenti kif ukoll artikli kulturali u edukattivi dwar il-kultura u l-istorja Maltija fost l-oħrajn. Wieħed irid jifhem wkoll li deċiżjoni li tinkludi programmi b’lingwa Ingliża speċifikament għall-kommunitajiet li qed jintegraw f’Malta tista’ tħalli wkoll impatt fuq it-tip ta’ investiment li jrid isir fuq l-istazzjonijiet tax-xandir u hemm ukoll spejjeż li jinvolvu produzzjonijiet ta’ dan it-tip.

L-Imtarfa – ħolqien ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex fil-lokalità tal-Imtarfa, Transport Malta tara kif toħloq aktar spazju ta’ parkeġġ għar-residenti tal-Imtarfa għaliex qed jitranġaw numru ta’ binjiet u allura l-garaxxijiet mhumiex aċċessibbli għall-karozzi, u f’dawn il-ġranet marru l-wardens u weħlu ċitazzjoni mal-vetturi pparkjati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali talbiet jiġu mressqa mill-Kunsill Lokali wara li jkollu talbiet mill-individwi li ma jkollhomx aċċess għall-garaxxijiet. Il-Kunsilli Lokali ġieli jorganizzaw il-parkeġġ billi japplikaw għal sistema ta’ parking bays skont in-neċessità taż-żona fejn ikun hemm parkeġġ disorganizzat.
Leg 13 PQ #4548 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Malta Ltd – CEO – kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-CEO ta’ Projects Malta Ltd, inkluż salarju u perkaċċi oħra marbuta mal-ingaġġ tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta’ impjieg tal-persuna msemmija huwa soġġett għal kundizzjoni li torbot lill-partijiet b’obbligu ta’ kunfidenzjalità reċiproka.
Leg 13 PQ #4549 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Malta Ltd – CEO – kuntratt ta’ ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ tas-CEO ta’ Projects Malta Ltd?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Plus Ltd hija mmexxija minn Executive Chairman ta’ Projects Malta.
Leg 13 PQ #4550 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Malta Ltd – lista ta’ proġetti mwettqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti li wettqet jew ħadmet fuqhom Projects Malta Ltd minn mindu twaqqfet sal-ġurnata ta’ din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-era ta’ tkabbir ekonomiku li pajjiżna għaddej minnu bħalissa, Projects Malta għaddejja b’diversi xogħlijiet fuq proġetti varji f’setturi differenti bħal: · ITS · Mtarfa International School · Bajjiet · Car Parks · Transport Links · Riġenerazzjoni ta’ M’Xlokk · Gozo & St Luke’s Healthcare Concession
Leg 13 PQ #4551 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Plus Ltd — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jmexxu l-entità pubblika Projects Plus Ltd? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-ingaġġ tagħhom, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4548 u 4549.
Leg 13 PQ #4552 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Plus Ltd – CEO – kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-CEO ta’ Projects Plus Ltd li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, inkluż salarju u perkaċċi oħra marbuta mal-ingaġġ tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta’ mpjieg tal-persuna msemmija huwa soġġett għal kundizzjoni li torbot lill-partijiet b’obbligu ta’ kunfidenzjalità reċiproka.
Leg 13 PQ #4553 Sitting 90 2018-03-06 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Plus Ltd – CEO – kuntratt ta’ ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ tas-CEO ta’ Projects Plus Ltd li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4552.

Reserved Parkings

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra bil-kriterji li huma meħtieġa biex persuna jkollha reserved parking (kaxxa safra) quddiem jew viċin ir-residenza ta’ fejn tgħix?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna tkun intitolata li jkollha parkeġġ riservat quddiem ir-residenza tagħha jekk jirrizulta li għandha problemi severi ta’ mobilta’ u tkun sewwieq. Dan jigi determinat minn Bord li jinkludi tabib, rappreżentant tas-CRPD u uffiċċjal minn Transport Malta. F’ kull każ, il-persuna trid tkun ikkwalifikat minn qabel għall-Blue Badge. Il-parkeġġi għal persuni b’diżabbiltà m’humiex personalizzati u jintu¿aw minn dawk kollha li għandhom Blue Badg e . Dawk il-persuni li għandhom il- Blue Badge jikkwalifaw għal reserved parking space suġġett għal kundizzjonijiet oħrajn. Hemm każi eċċezzjonali oħra fejn l-Awtorità tat-Trasport tintalab tapprova parkeġġi riservati permezz ta’ kaxxi sofor għal persuni li jikkwalifikaw minħabba materja ta’ sigurtà. F’dawn il- każi t-talba tiġi minn għand il-Qorti jew il-Kummissarju tal-Pulizija.

Ħal Lija – Triq Preziosi – parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jokkupa żewġ car parking spaces (kaxxi bojod) illegalment fi Triq Merino, kantuniera ma’ Triq Preziosi f’Ħal Lija? Billi l-kaxxi ta’ dawn il-parking bays huma bojod, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir abbuż minn dawn il-parking bays għad-detriment tar-residenti li jgħixu fl-inħawi u li lmentaw fuq social media fuq dan l-abbuż? Jista’ jgħid x’passi jistgħu jittieħdu fil-konfront ta’ min qiegħed jabbuża?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li dan huwa każ relatat ma’ sigurta li tinvolvi l-ħidma wkoll tal-Korp tal-Pulizija u għaldaqstant m’għandix aktar dettalji.

Il-Mosta – Triq il-Kultellaz – pjanijiet ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ żvilupp speċifiku jista’ jsir skont il-pjan ta’ żvilupp fi Triq il-Kultellaz il-Mosta u fi Triq bla isem fl-istess Triq il-Kultellaz il-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Skont il-Pjan Lokali tal-Mosta approvat fl-2006, dawn iż-żewg toroq huma zoned bħalha Residential Area (żona residenzjali) u huma koperti bil-policy CG07 li tinkludi lista ta użi permissibbli bħal abitazzjonijijet, użi kummerċjali u soċjali (sptarijiet, skejjel, djar tax-xjuħ) fuq skala żgħira u użi ndustrijali taħt ċertu kundizzjonijiet.

Il-Mosta – Triq il-Kultellaz – avviżi ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx avviżi ta’ infurzar mill-Awtorità għall-Ippjanar fi Triq il-Kultellaz il-Mosta? Kemm hemm avviżi ta’ infurzar mill-Awtorità għall-Ippjanar fl-imsemmija triq? X’tip ta’ avviżi ta’ infurzar hemm mill-Awtorità għall-Ippjannar fl-imsemmija triq? Jista’ jgħid x’tip ta’ azzjoni ttieħdet mill-Awtorità għall-Ippjanar fuq dawn l-avviżi ta’ infurzar?

Response (BORG, IAN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-triq imsemmija hemm sitt (6) avviżi ta’ Infurzar li kollha huma tat-tip “Biex Tieqaf u ta’ Twettiq”. Hemm tlieta referuti għall-azzjoni diretta, wieħed qiegħed fi stadju ta’ Appell, u tnejn għandhom applikazzjoni pendenti biex tissanzjona l-illegalita.

San Ġwann – Triq il-Balal – provvista ta’ dawl

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq il-Balal, San Ġwann, li hi waħda mill-aktar traffikużi, tingħatalha aktar provvista ta’ dawl?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li id-dwal ġodda fit-toroq isiru mill-kunsill lokali kkonċernat, Transport Malta jew mill-entità responsabbli mill-inħawi. Meta d-dwal ġodda jitwaħħlu, Enemalta tintalab tqabbadhom mas-sistema tal-elettriku biex ikollhom provvista u jinxtegħlu. Sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-kontabilità fit-toroq tagħna, il-Ministeru dalwaqt ser iwaqqaf aġenzija ġdida li tieħu ħsieb il-bżonnijiet infrastrutturali kollha meħtieġa fit-toroq, inkluż installazzjoni u manutenzjoni tas-sistemi tad-dwal. Dan il-pass mistenni jkompli jtejjeb il-kwalità u s-sigurtà tat-toroq madwar il-pajjiż.

Ta’ Xbiex – pompi tal-ilma li jibagħtu l-ilma għall-ġibjuni tal-Gżira

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-pompi tal-ilma li jibagħtu l-ilma minn Ta’ Xbiex għal ġibjuni tal-Gżira, (skont in-National Flood Relief Project) għadu mhuwiex jaħdem?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li d-Dipartiment tax-Xogħijiet u l-Infrastruttura qed jistenna li jinħareġ compliance certificate biex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni għas-servizz tal-elettriku. Dan il-compliance certificate ikun jista’ joħroġ ladarba tiġi approvata applikazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tiġi ssanzjonata emenda fuq parti zgħira mill-Proġett għat-Taffija tal-Għargħar.

Ta’ Xbiex – walter culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru water culverts matul il-bankina tal-Ġnien, in-naħa ta’ Ta’ Xbiex, peress li meta tagħmel ħafna xita qed ikun hemm il-flooding?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ta’ Xbiex – stallazzjoni ta’ latrina fix-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jilqa’ t-talba li għamillu l-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex sabiex tiġi stallata latrina fix-Xatt, Ta’ Xbiex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex li hemm qbil li ssir latrina mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, bħala parti mill-Flood Relief Project,bħala kumpens lir-residenti tal-inkonvenjent relatat max-xogħlijiet relatati u anke wara pressjoni li saret mir-residenti.