Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – inizjattivi tad-diplomazija kulturali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3118, jista’ l-Ministru jgħid x’kriterji ntużaw? Minn min kien kompost il-Bord tal-Għażla għal kull avveniment? Fuq liema bażi ntgħażlu l-artisti mniżżla fir-risposta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kriterji li fuqhom ntagħŻlu l-applikazzjonijiet fejn Missjonijiet applikaw għal fondi tad-diplomazija kulturali, kienu dawn li Ġejjin:
1. Il-kapaċità sabiex ikun reklamat il-proġett propost inkluż il-pjan għall-promozzjoni (5 %)
2. Ċarezza tal-proposta (5 %)
3. Kapaċità tal-proġett propost sabiex jindirizza l-oġġetivi tal-fond għad-diplomazija kulturali (40 %)
4. Jekk hemmx sors ieħor ta’ fondi jew
sponsor
għall-proġett (20 %)
5. Kemm hu prattiku li jiġi mwettaq il-proġett fil-ħin. (25 %)
6. L-element ta’ innovazzjoni fil-proġett propost (5 %)
Il-Bord ta’ l-Għażla kien kompost minn ufiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, uffiċċjal mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll uffiċċjal mill-Arts Council Malta.
Il-proġetti ntagħżlu abbażi tal-kriterji msemmija hawn fuq.
Rappreżentanza ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York — Deputat Rappreżentant Permanenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3124, jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Fuq liema bażi ntgħażel l-individwu? Jista’ jgħid x’esperjenza għandu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV ta’ dan l-individwu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċjal li qed jagħmel referenza għalih għandu salarju massimu ta’ Skala 7 kif approvat lill-ħaddiema tal-Gvern. L-uffiċjal jirċievi wkoll Post Adjustment Allowance ta’ €71,660 fis-sena. L-uffiċjal intgħażel skont l-esperjenza u l-kompetenza li għandu. Inżid ngħid li mhix il-prassi li tiġi mpoġġija is-CV ta’ individwu fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba l-protezzjoni tad-data.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Ambaxxati u Konsulati – rigali fi żmien il-Milied
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3104, jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-‘kollegi l-oħra’ u jekk dawn il-‘kollegi l-oħra’ humiex is-Segretarju Permanenti, xi Direttur Ġenerali, Diretturi u/jew membri tas-Segretarjat tal-Ministru?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Senior Management jinkludi l-iSegretarju Permanenti, id-Diretturi Ġenerali, Diretturi, l-Assistenti Diretturi u ċ-Chief Information Officer, u għaldaqstant il-kollegi l-oħra huma dawk li jaħdmu u jiltaqgħu magħhom fil-Ministeru u mhux huma stess. Rigward it-talba għal lista ta’ dawn il-kollegi l-oħra, jista' l-Onor. Interpellant jindika jekk hux qed jirreferi għal kull min seta’ ħa xi biċċa qagħqa tal-għasel jew xi tamal jew xi ħaga oħra tal-ikel li tqassmu bejn l-istaff minn dawk it-token gifts fiż-żmien tal-Milied bħala turija ta’ kolleġjalità bejn il-ħaddiema?
Inċident Stradali — Digriet mogħti mill-Qorti dwar Ambaxxatur
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2928, jista’ l-Ministru jgħid kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, (illum Ambaxxatur) dakinhar li ġara l-każ f’Lulju 2013, meta kien Segretarju Permanenti, ma ġiex sospiż wara li nħareġ digriet mogħti mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ Malta fil-31 ta’ Ottubru 2017 (Gazzetta tal-Gvern numru 19,899, paġni 12,505 u 12,506 u li kopja tagħha tinsab fil-mistoqsija parlamentari 2928) li jirreferi għall-inċident serju stradali bil-karozza uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mgħandiex aktar xi nżid mat-tweġibiet li diġà tajt.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – Uffiċjali diplomatiċi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3116, jista’ l-Ministru jgħid jekk bil-ħatra tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bħala Ambaxxatriċi fuq skala 3 fl-4 ta’ Diċembru 2017 jekk il-Gvern huwiex iwarrab ir-regola li kien hemm s’issa, li jkunu biss tliet Ambaxxaturi fuq l-imsemmija skala at any given time?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kapitlu 497 tal-Liġijiet ta’ Malta u ċjoè l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u senjatament It-Tielet Skeda, jindika li Ambaxxatur għandu jkun fi grad ta’ Skala 3.
Transport Malta – fondi allokati għal toroq f’Għawdex
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3406 fejn il-Ministru għat-Trasport ġie mistoqsi biex jgħid kemm allokat fondi Transport Malta biex isiru toroq f'Għawdex matul is-sena 2017, fejn saru dawn it-toroq, kemm inġabu fondi tal-Unjoni Ewropea tramite Transport Malta matul l-2017 biex isiru toroq f'Għawdex u liema toroq inġabu dawn il-flus, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli minn Transport Malta peress li t-tweġiba għal dik il-mistoqsija kienet li talab li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat?
Response (BORG, IAN)
Waqt li nirringrazzja l-Onor. Interpellant tal-Mistoqsija tieghu, u iva nikkonfermalu li s-sottoskrit huwa l-Ministru politikament responsabbli minn Transport Malta, huwa jaf sal-lum kif dejjem ħadmu l-entitajiet Governattivi u l-Ministeru t’Għawdex f’dan ir-rigward.
Għaldaqsant sabiex niżgura ruħi li nkun weġibt il-mistoqsija tiegħu, ninforma lill-istess Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Ġestjoni responsabbli mill-Fondi Ewropej li jistgħu jiffinanzjaw toroq minn network magħruf bħalha Ten-T, ma aġġudikat ebda sejħa relatata ma’ progetti ta’ toroq fis-sena msemmija – la fil-gżira ta’ Malta u lanqas fil-gżira Għawdxija.
Nutar Prinċipali tal-Gvern – applikazzjonijiet irċevuti għal revoki ta’ prokuri ġenerali
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il applikazzjoni rċieva n-Nutar Prinċipali tal-Gvern sabiex jiġu revokati prokuri ġenerali bejn persuni fiżiċi mis-sena 2016 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati u ddaħħlu fir-reġistru elettroniku? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ma' ġewx aċċettati u x'kienu r-raġunijiet mogħtija?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 4138.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ir-riċerka għar-revoka ta' mandati/prokuri aċċessibbli mis-sit fl-indirizz https://justice.gov.mt/en/ntg/Pages/Revocation.aspx tista' ssir biss billi l-persuna li trid tagħmel riċerka ddaħħal kemm il-kunjom kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-persuna li dwarha trid issir ir-riċerka meta s-subartikolu (2) tal-artikolu 4 tar-Regolamenti dwar Reġistru Elettroniku (Terminazzjoni tal-Mandati) (Leġislazzjoni Sussidjarja 16.14) jipprovdi li "Wieħed jista’ jfittex fir-reġistru elettroniku billi jdaħħal l-isem u l-kunjom ta’ persuna fiżika jew billi jdaħħal in-numru tal-karta tal-identità"?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li huwa minnu li artiklu 4 tar-regolamenti dwar Reġistru Elettroniku (Terminazzjoni tal-Mandati) (Leġislazzjoni Sussidjarja 16.14) jipprovdi li ‘Wieħed jista’ jfittex fir-reġistru elettroniku billi jdaħħal l-isem u l-kunjom ta’ persuna fiżika jew billi jdaħħal in-numru tal-karta tal-identita’’, In-Nutar Prinċipali tal-Gvern wara konsultazzjoni mal- Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ġie kkjarifikat li jekk is-sistema ser tkun miftuħa għall-pubbliku in ġenerali (u mhux għan-Nutara biss), din tista’ ssir bilfors billi jiddaħħal l-isem jew il-kunjom (jew it-tnejn) tal-applikant u l-karta tal-identita’ jew Numru tal-Passaport. Għalhekk l-iktar mod prattiku sabiex is-sistema tiffunzjoni kien li wieħed jfittex bil-kunjom u l-karta tal-identita’ jew passaport tal-applikant.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – talba għall-informazzjoni lid-Dipartiment tat-Taxxi – ħlas ta’ taxxi tard
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) talab informazzjoni lid-Dipartiment tat-Taxxi dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas tat-taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom, xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ai termini tal-Artikolu 34 tal-Att Kontra Money Laundering, in-natura tal-informazzjoni li qiegħda tiġi mitluba hija kunfidenzjali u ma tistax tiġi pprovduta.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – pulizija – nutara li ħallsu taxxa tard
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) informa lill-Pulizija dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas ta’ taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra jkunu wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istatistika li qiegħda tintalab tant hija speċifika illi fl-opinjoni tal-FIAU, din kapaċi twassal għall-identifikazzjoni ta’ xi persuni partikolari, u għaldaqstant ma tista’ tiġi mgħoddija lill-Ministru, ai termini tal-Artikolu 34(1)(d) tal-Att Kontra Money Laundering.
Madanakollu, statistika ta’ natura ġenerika u kkonsolidata, li tinkludi wkoll statistika tan-numru ta’ kazijiet li l-FIAU ghaddiet lill-Pulizija għal investigazzjoni, u s-suspett tar-reat sottostanti, fejn dan ta’ l-aħħar ikun mgaħruf lill-FIAU, tinstab fir-rapport annwali tal-FIAU.
Dipartiment tat-Taxxi – Pulizija – ħlas tard ta’ taxxi min-nutara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li d-Dipartiment tat-Taxxi nforma lill-Pulizija dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas tat-taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra jkunu wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom, xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Kummisarju tat-Taxxi japprova biss kuntratti li fuqhom titħallas it-taxxa qabel ma dawn ikunu jistgħu jiġu rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku.
Id-Dipartiment tat-Taxxi ma jkollux għarfien dwar kuntratti li ma jiġux ippreżentati lilu, u li għaldaqstant fuqhom ma tkunx tħallset taxxa, u li bħala kosegwenza ma jkunux jistgħu jiġu rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – azzjoni dwar rappurtaġġ fil-mezzi tax-xandir u avviżi tal-Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) isegwix u jieħux azzjoni dwar rappurtaġġi fil-mezzi tax-xandir u avviżi tal-Qorti fil-Gazzetta tal-Gvern u deċiżjonijiet u digrieti tal-Qorti ta' Reviżjoni tal-Atti Nutarili dwar Nutara? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kemm-il on-site examination, eżerċizzju ieħor ta’ verifika jew azzjoni oħra wettaq il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja abbażi ta' dik l-informazzjoni xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korp għandu l-poter illi jwettaq on-site examinations u eżerċizzji oħrajn ta’ natura superviżorja ai termini tal-Artikolu 16 tal-Att Kontra Money Laundering, bl-iskop illi tiġi evalwata u żgurata l-konformita ta’ persuni suġġetti mal-obbligi taħt ir-Regolamenti Kontra Money Laundering u Finanzjar ta’ Terroriżmu.
Fil-qadi ta’ dmirijietu il-Korp jieħu in konsiderazzjoni qualsiasi informazzjoni li tiġi a konoxxenza tiegħu. Minn barra element ta’ għażla każwali (random selection) u teħid ta’
cross-section
tas-setturi, l-
onsite examinations
isiru ab bażi ta’ numru ta’ fatturi, fosthom:
· Ir-riskju ta’ money laundering u finanzjar ta’ terroriżmu marbuta kemm ma’ każijiet individwali kif ukoll mas-setturi partikolari;
· Informazzjoni li tkun ġiet fil-pussess tal-FIAU jew ta’ awtoritajiet oħra;
· Informazzjoni oħra li tasal għand l-FIAU tramite mezzi oħrajn fosthom il-mezzi tax-xandir
Dan tal-aħħar m’huwiex l-unika fattur li jittieħed in konsiderazzjoni mill-Korp fil-qadi ta’ dmirijietha u għaldaqstant l-istatistika li qiegħda tintalab m’hijiex possibli li tiġi pprovduta.
Jista' l-Ministru, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3372 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Park and Ride li kien qed jintuża għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex twaqqaf? Kemm kien ġie jiswa sakemm kien qed u baqa’ jiġi pprovdut is-servizz? Jista’ jgħid inħarġux tenders għal Park and Ride jew inkella ngħatawx permezz ta’ direct order?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-raġuni ewlenija li ma kompliex jiġi offrut is-servizz tal-Park and Ride kienet illi ma kienx qed isir użu ta’ din il-faċilita’ mill-pubbliku inġenerali u wisq inqas mill-ħaddiema tal-istess sptar. Is-servizz tat-transport li kien ipprovdut minn u lejn il-Park and Ride kien magħżul wara li saret call for quotes fejn kienet intagħżlet l-orħos offerta (minn tlieta) u li kienet konformi mal-esiġenzi rikjesti għal dan is-servizz mitlub.
Peress li l-Ministru kien qal li fis-seba' snin li ġejjin il-Ministeru tiegħu ser ikun qed jonfoq mal-mitt miljun ewro fis-sena f'xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex, u peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2874 kien qal li Transport Malta qiegħda taħdem fuq lista ta' interventi f'diversi lokalitajiet, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-lista hux lesta u jekk Triq Ħal Far li miż-Żurrieq tagħti għal Birżebbuġa hux ser isirilha wiċċ ġdid tat-tarmak? Jekk fl-affermattiv, meta ser jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din t-triq? Kemm hu proġettat li jiswa dan ix-xogħol?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Bicycle lanes — Spazji f’toroq arterjali u distributorji
Question
Jista’ l-Ministru jara li fit-toroq arterjali u distributorji kollha, jiġu maħluqa spazji adekwati għal bicycle lanes? Jista’ jiżgura li fejn dawn jiġu introdotti jkunu safe għal min jużahom billi jsiru line markings u tabelli apposta? Jista’ jara li fejn hemm diġà bicycle lanes, dawn isirulhom il-line markings u t-tabelli neċessarji skont standards tal-EU?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Hekk kif jafu dawk kollha li jużaw it-toroq ta’ kuljum, cycle lanes jistgħu jsiru f’dawk it-toroq fejn ikun teknikament possibbli li jsiru b’mod sikur, mingħajr ma jpoġġu f’periklu s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq, fosthom is-sewwieqa tar-roti stess. Hemm postijiet fejn id-disinn tat-triq u l-użu tal-ispazju fil-ġnub tagħha ma jippermettux li jsiru cycle lanes. F’dan il-kuntest, ikun aktar prudenti li kull trid tiġi meqjusa skont il-karatteristiċi tagħha ħalli jiġu identifikati l-aħjar faċilitajiet li jistgħu realment jitwettqu b’mod sikur, għal dawk kollha li jużaw it-toroq, milli ninsistu fuq proċedura ġeneriċi mhux meqjusa.
Minkejja dawn l-isfidi tekniċi, qed naħdmu sabiex kull fejn huwa possibbli jkun hemm mhux biss cycle lanes iżda anke faċilitajiet għal dawk kollha li jużaw it-toroq, fosthom dawk li jivvjaġġaw bil-pass, vetturi li jaħdmu bl-elettriku u oħrajn. Qed nikkunsidraw ukoll soluzzjonijiet alternattivi għal dawk it-toroq fejn m’huwiex teknikament possibbli li jsiru cycle lanes.
Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb ta’ introduzzjoni ta’ aktar bicycle lanes ġodda f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jissottometti lista, lokalità lokalità u pjanta li tindika minn fejn sa fejn ser jiġu nklużi bicycle lanes?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4230 tal-istess seduta.
Malta u Għawdex — Tul u wisa’ ta’ kull triq arterjali u distributorja
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tat-tulijiet u l-wisa’ ta’ kull triq arterjali u distributorja li għandna f’Malta u Għawdex, inkluż it-tul tal-bankini, it-tul ta’ bicycle lane li fiha (jekk fiha), minn kemm-il karreġjata hi magħmula u kemm-il lane fiha? Jista’ jissottometti pjanta li tindika fejn tinstab kull triq arterjali u distributorja?
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ bus lanes li jinsabu f’Malta u Għawdex, lokalità b’lokalità? Jista’ jissottometti pjanta li tindika minn fejn sa fejn tinsab kull bus lane?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ bus / priority lanes eżistenti hija kif indikata fit-tabella ta’ hawn taħt. Kopja tal-pjanta tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Priority Lanes
Marsa - Aldo Moro (Northbound)
Marsa - Aldo Moro (Southbound)
Msida – Triq ix-Xatt
Pieta' - Triq Marina shared space
Floriana - Triq Nazzjonali & Triq Sarria
Gzira – Triq ix-Xatt
Sliema Ferries – Triq ix-Xatt
Blata l-Bajda, Bombi – Triq Nazzjonali & Triq l-Indipendenza
Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb ta’ introduzzjoni ta’ aktar bus lanes f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jissottometti lista lokalità b’lokalità u pjanta li tindika minn fejn sa fejn ser jiġu inklużi bus lanes ġodda?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, m’hemmx il-ħsieb li jiġu introdotti bus / priority lanes ġodda.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2266 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid preżentament kemm hu l-ammont ta' kawżi pendenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja f'Għawdex kemm dawk ta' Ġurisdizzjoni Superjuri, kif ukoll dawk tal-Familja, Ġurisdizzjoni Inferjuri, fil-qrati kollha ta' kompetenza kriminali, fit-tribunal tat-talbiet iż-żgħar eċċ?
Response (BONNICI, OWEN)
L-ammont ta' kawżi pendenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja f'Għawdex kemm dawk ta' Ġurisdizzjoni Superjuri, kif ukoll dawk tal-Familja, Ġurisdizzjoni Inferjuri, fil-qrati kollha ta' kompetenza kriminali, fit-tribunal tat-talbiet iż-żgħar eċċ., huwa skont kif muri fit-tabella annessa.
Certament, l-istess tabella tkompli tikkonferma l-impenn ta’ dan il-Gvern li jnaqqas il-kawzi pendenti fil-Qrati Lokali sabiex finalment jibbenefikkaw ic-cittadini. Dawn ir-rizultati jagħtu iktar enerġija lill-Gvern biex ikompli bir-ritmu ta’ riformi sabiex il-proċessi ġudizzjarji jsiru iktar spediti.
Kawżi pendenti fil-Qorti ta' Għawdex sal-31 ta' Jannar 2018
ĊIVILI
kawżi pendenti fil-31/01/2018
kawżi pendenti fil-31/12/2012 **
Differenza mill-31/01/2018 ghall-31/12/2012; figuri negattivi juru tnaqqis mis-sena 2012 għall-31/01/2018
Superjuri Ġenerali
401
460
-59
Superjuri Familja
60
41
19
Ġurisdizzjoni Inferjuri
44
49
-5
Total Qrati ordinarji Ċivili
511
550
-39
Tribunal għal Talbiet Żgħar
36
19
17
Qorti tal-Appell Inferjuri Ċivili
6
17
-11
Bord tal-Kera
14
15
-1
Bord Dwar il-Kontroll tal-Kiri ta' Raba'
10
12
-2
Tribunal ta' Revizjoni Amministrattiva
9
8
1
KRIMINAL
kawżi pendenti fil-31/01/2018
kawżi
pendenti fil-31/12/2012 **
Differenza mill-31/01/2018 ghall-31/12/2012; figuri negattivi juru tnaqqis mis-sena 2012 għall-31/01/2018
Ġudikatura Kriminali
180
360
-180
Istruttorja
62
157
-95
Total Kriminal
242
517
-275
Sors: statistika interna tad-Dipartiment
Appelli Kriminali Inferjuri
16
22
-6