Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – programme officers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ix-xogħol qabel il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u x’rwol għandhom fil-Ministeru l-programme officers il-ġodda?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li kienu jagħmlu il-Programme Officers il-ġodda qabel il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien wieħed varjat.
Il-Mosta — Triq il-Kbira - Traffic Calming Measures
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3676, jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta, f’ħidma b’risq aktar sigurtà fit-toroq tagħna, jieħu l-passi neċessarji biex jara li dawk ir-road humps li rrefera għalihom fl-istess mistoqsija parlamentari jkunu fit-triq imsemmija, għaliex illum, fi Triq il-Kbira mill-pjazza lejn id-direzzjoni tan-Naxxar ma baqa’ xejn minn dawk il-calming measures?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimghat li ġejjin Transport Malta se tkun qed tara l-bżonnijiet tal-inħawi msemmija u għalhekk dawn il-miżuri mistennija jerġgħu jsiru.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – on-site examinations fuq nutara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ on-site examinations jew eżerċizzji oħra ta’ verifika li għamel il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) lil Nutara li f'xi mument jew ieħor ġew sospiżi mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bħala Nutara jew li kellhom il-warrant tagħhom ta' Nutara revokat jew li huma stess għażlu li jirrinunzjaw għalih xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nutar li jkun irrinunzja jew li tkun ittieħditlu l-warrant ma jibqax jipprattika l-professjoni u allura ma jistax jibqa’ jitqies bħala persuna suġġetta. Għaldaqstant, ma jkun għad hemm ebda lok li ssir on-site examination, għaliex persuna li ma twettaqx attivita rilevanti ma titqiesx bħala persuna suġġetta u ma jkolliex obbligi taħt ir-Regolamenti.
Dipartiment tat-Taxxi – Nutara — informazzjoni dwar taxxi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Taxxi għandux informazzjoni dwar l-ammont ta’ taxxi li minkejja li jkunu nġabru min-Nutara, ma jkunux effettivament tħallsu lid-Dipartiment tat-Taxxi u dan minkejja li tkun għaddiet aktar minn sena mill-ġbir tagħhom?
Dipartiment tat-Taxxi — dewmien biex titħallas it-taxxa tal-boll
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Taxxi jikkunsidrax dewmien ta’ snin sabiex titħallas taxxa tal-boll jew income tax miġbura min-Nutara bħala miżapproprjazzjoni?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant biex jirriferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 4143.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – investigazzjoni fuq informazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) jinvestigax kull informazzjoni li tkun waslet għandu mingħand persuni li ma jiffurmawx parti mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interplennat li l-Korp huwa fid-dover illi jagħmel analisi dwar kull rapport dwar operazzjonijiet suspettuzi (suspicious transaction reports) jew informazzjoni oħra li jkun irċieva mingħand persuni suġġetti jew terzi persuni oħrajn, jew informazzjoni oħra li tista’ tiġi fil-pussess tal-Korp b’kull mod ieħor.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja — investigazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) jinvestigax hu stess jew jitlobx li tiġi investigata minn ħaddieħor kull allegazzjoni li ssir minn persuni li ma jiffurmawx parti mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja dwar allegati irregolaritajiet mill-istess Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja? Jekk iva, jista' jgħid minn min u kif issir din l-investigazzjoni? Jista' jgħid ukoll in-numru ta' allegazzjonijiet li saru u x'kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet li saru dwarhom, xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk il-Korp isir jaf b’xi allegazzjonijiet li qed jirriferi għalihom l-Onor. Interpellant, dawn jiġu investigati internament b’mod kunfidenzjali.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – każijiet ta’ ħasil ta’ flus relatati ma’ miżappropjazzjoni ta’ taxxa minn Nutar Pubbliku Malti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' ħasil ta' flus relatati ma' miżapproprjazzjoni ta' taxxa minn Nutar Pubbliku Malti ġie nvestigat mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) minn kemm ilu mwaqqaf l-istess Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja? Jista' jgħid f'liema sena bdiet u ntemmet, jekk ikun il-każ, kull investigazzjoni u x'passi ttieħdu fil-konfront tal-persuna jew persuni nvoluti?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif spejgajt fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4142, kull sena l-FIAU tippubblika rapport dwar l-operazzjonijiet tagħħa matul is-sena, li tinkludi wkoll statistika konsolidata dwar il-kazijiet ta’ suspetti ta’ ħasil ta’ flus li jkunu ġew analizzati f’kull sena rrappurtata, liema statistika tinkludi wkoll informazzjoni dwar is-suspett tat-tip ta’ reat sottostanti.
It-tip ta’ statistika li qiegħda tintalab ma tistax tingħata għaliex fl-opinjoni tal-korp għandha l-potenzjal li twassal għall-identifikazzjoni ta’ individwi speċifiċi. L-izvelar ta’ din in-natura ta’ informazzjoni hija pprojbita ai termini tal-Artikolu 34(1)(d) tal-Att Kontra Money Laundering.
Jista’ l-Ministru jara li tiġi introdotta venda ġdida għat-trasport pubbliku ġo l-Isptar Mater Dei biex dan is-servizz tant importanti jkun aktar organizzat u jitnaqqas il-periklu ta’ ffullar li qed jinħoloq bħalissa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ittieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment, liema suġġeriment ser ikun qed jiġi kkunsidrat aktar il’quddiem.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – transfers lil ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer lil ħaddiema ħareġ mill-entitajiet/dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, kull entità/dipartiment separatament minn Ġunju 2017 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn liema entità/dipartiment għal liema entità/dipartiment sar kull transfer? X’kienet ir-raġuni li sar kull wieħed minn dawn it-transfers?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – aġenziji tal-ivvjaġġar
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' dawk l-aġenziji tal-ivvjaġġar li taw servizz lid-dipartimenti/entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jinkludi s-servizzi li ġew ipprovduti minn kull aġenzija flimkien mal-ammont minfuq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Trasport Pubbliku — Rapporti magħmula minn sewwieqa tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti magħmula minn sewwieqa tat-trasport pubbliku fejn irrapportaw każijiet fejn huma ġew aggrediti, insultati, mhedda u anke msawta?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lil Onor. Interpellant sabiex jispeċifika il-perjodu li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.
Trasport Pubbliku — Rapporti minn persuni li jużaw t-trasport pubbliku fil-konfront ta' sewwieqa tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti magħmula minn persuni li jużaw it-trasport pubbliku fil-konfront ta' sewwieqa tat-trasport pubbliku fejn irrapportaw każijiet fejn huma ġew aggrediti, insultati, mhedda u anke msawta?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lil Onor. Interpellant sabiex jispeċifika il-perjodu li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera kollha tal-kumpanija tat-trasport pubbliku għandhomx tag biex isuqu l-istess vetturi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex persuna tkun tista’ issuq vetturi tat-trasport pubbliku bil-passiġġieri jrid ikollha it-tag maħruga minn Transport Malta. Infurmat ukoll li minn spezzjonijiet li jsiru b’mod regolari minn uffiċjali ta’ Transport Malta ma jirriżultax li qatt kien hemm xi persuna li kienet qed issuq tali vetturi fuq is-servizz mingħajr ma kellha it-tag.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 363 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-Ministeru għal Għawdex jew xi wieħed mid-direttorati u d-dipartimenti li jaqgħu taħt dan il-Ministeru minn Marzu 2013 sa' Ġunju 2017? F’liema kariga u skala ġew impjegati dawn il-ħaddiema? F’kull każ tista’ tgħid jekk is-sejħa nħarġitx wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u jekk le, x'kienet ir-raġuni?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 2789.
Senior Tradesmen ingaġġati mal-Ministeru għal Għawdex
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2499 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati Senior Tradesmen mal-Ministeru għal Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid f'kull każ meta nħarġet is-sejħa u tpoġġi kopja ta' kull sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Xi kwalifiki u/jew esperjenza ried ikollhom l-applikanti? X'etajiet għandhom dawk li ġew magħżula u f'kull każ dawk li kienu jirreġistraw għax-xogħol, kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol? Tista' tikkonferma jekk dawk li ġew ingaġġati llum il-ġurnata, hux qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati jew ġewx mogħtija xogħol ieħor u jekk iva, x’inhu dan ix-xogħol l-ieħor?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-grad ta’ Senior Tradesmen ma jistax jimtela’ minn applikazzjonijiet esterni għaliex skont il-Ftehim Settorali, f’dan il-grad jiġu promossi biss ħaddiema li huma fil-grad ta’ Tradesmen u dan wara għaxar (10) snin fil-grad jew inkella wara ħames (5) snin jekk persuna tkun tipposedi Higher Technician Diploma jew kwalifika ekwivalenti jew Higher Technical qualification. Il-Promozzjoni tiġi effettiva jekk il-performance tal-persuna tkun ta’ livell sodisfaċenti.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2582 u 2784 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma poġġietx fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tal-Perit kif ukoll kopja taċ-ċertifikat tat-testijiet għax-xogħol li sar fuq Triq ta’ Ċenċ, Sannat; Triq il-Fanal, Għasri; Triq Għajn Qasab, Nadur; Triq Għerxija, Sannat u Triq Pompej, Rabat, Għawdex? Dan ifisser li ċ-ċertifikat u testijiet ma sarux?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d dokumentazzjoni relatata ma’ dawn it toroq, bħalissa hija suġetta għall-investigazzjoni, u għalhekk m’għandniex aċċess għaliha
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1796 u 2497 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid sal-aħħar ta’ Frar 2013, kemm kien hemm nies impjegati mas-Settur Pubbliku (inklużi intrapriżi pubbliċi)? Kemm minn dawn kienu impjegati full-time? Kemm minn dawn kienu impjegati fuq bażi part-time? Kemm minn dawn kienu impjegati f’position of trust? U kemm minn dawn kienu impjegati b’kuntratt definit?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pompi tal-petrol f’Għawdex bil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet għall-permessi ta’ pompi tal-petrol ġodda f’Għawdex u jekk iva fejn huma s-siti li saret l-applikazzjoni fuqhom? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw liċenzji u permessi ġodda biex jinbnew pompi tal-petrol f’Għawdex?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4260, L-Awtorità iddeċidiet u approvat tlieta u għoxrin applikazzjoni (23) relatati ma’ pompi tal-petrol fil-gżira ta’ Għawdex minn meta bdiet l-Awtorità tal-Ippjanar fl-1993 sal lum.
Bħalissa l-istess Awtorità għandha quddiema żewġ applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati għal xogħol relatat ma’ pompi tal-petrol, però dawn huma għal alterazzjonijiet jew irrinovar ta’ pompi eżistenti u mhux għal pompi ġodda. L-Awtorità ma tistax tikkometti, f’ dan l-istadju, jekk hux ser jingħata l-permess lill xi waħda minn dawn l-applikazzjonijiet peress li l-Bord tal-Ippjanar jew il-Kummissjoni tal-Ippjanar tkun trid tieħu deċiżjoni finali fuq il-meritu ta’ kull każ separat.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, deċiżi u approvati jew applikazzjonijiet pendenti li ġew ivvalidati jew ippublikati, li huma indikati fl-istess sistema bħala fil-gżira ta’ Għawdex u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti.
· Petrol
· Fuel
. Diesel
Sptar Ġenerali t’Għawdex – bini ta’ Orthopeadic Unit
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm varjazzjonijiet għall-bini ta’ Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mit-tender oriġinali u jekk iva kemm kienet din il-varjazzjoni? Jista’ wkoll jgħid min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol fuq din il-binja u jpoġġi kopja tal-Compliance Certificate?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward ix-xogħol tal-bini tal-Orthopaedic Unit kien hemm varjazzjoni ta’ € 6,096.76. Ix-xogħol ġie iċċertifikat mill-Perit Cornelia Tabone. Il-Compliance (Completion) Certificate ser jiġi mitlub wara li jitlesta ix-xogħol tal-bankina fuq barra.