Jista’ l-Ministru jneħħi bus stop li hemm fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan li jinsab bla shelter peress li hemm bus stop bix-shelter Spinola u bus stop ieħor bix-shelter Pender li lanqas hemm 85 metru bogħod?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Tour Operators (outgoing) Għawdxin liċenzjati? Jista' jgħid min huma dawn it-tour operators u kemm minnhom huma covered mill-Insolvency Fund?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-Awtorità għat-Turiżmu li f’Għawdex għandha 3 tour operators (outgoing) liċenzjati. Minn dawn tnejn huma koperti mill-fond għall-Insolvenza.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti l-aktar riċenti dwar il-billboards u r-reklamar li jintużaw minn Transport Malta biex jagħtu jew jirrifjutaw approvazzjonijiet għall-billboards?
Response (BORG, IAN)
L-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet dwar il-billboards u r-reklamar huwa regolat taħt l-Avviz Legali 36 ta’ 2018 liema regolament qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dar tal-Anzjani taż-Żejtun – bieb li jgħaqqad id-Day Centre mad-Dar tal-Anzjani
Question
Peress li wasluli ħafna lmenti dwar bieb li hemm fid-Dar tal-Anzjani ż-Żejtun u li jgħaqqad id-Day Center mad-Dar tal-Anzjani, jista’ l-Ministru jieħu passi biex dan il-bieb jerġa’ jinfetaħ? Dan għaliex numru ta’ anzjani mid-Day Center qed ikollhom jgħaddu minn barra u jkunu esposti għax-xita, bard u iktar ‘il quddiem għax-xemx biex imorru l-home taż-Żejtun (biex jisimgħu quddies eċċ.) Jiena ġejt infurmat li dan il-bieb ingħalaq minħabba pazjenti li jsofru bl-Alzheimer, għaldaqstant ma jistgħux jittieħdu passi li l-bieb isirulu żewġ switches (kif hemm fis-swali dementia-friendly fir-Residenza San Vinċenz de Paul u Sptar Karen Grech) li allura ma jkunx jista’ jinfetaħ minn pazjenti li jbatu bl-Alzheimer imma jinfetaħ minn oħrajn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jħares u jittratta l-kura għall-anzjani bid-dimensja bħala prijorità. Għaldaqstant il-bieb li hemm fid-dar tal-anzjani taż-Żejtun li jgħati għad-Day Centre ġie magħluq biex tkun tista’ tiġi żviluppata żona sigura li tispeċċjalizza fil-kura tad-dimensja. Minħabba li d-Day Centre għandu bieb prinċipali ieħor, jagħmel sens illi anzjani li jużaw d-Day Centre ma jibqgħux jużaw din iż-żona bħala entratura biex b’hekk l-anzjani residenti f’din il-parti jirċievu l-kura li għandhom bżonn b’dinjità.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3500 u jgħid, taħt l-iskema ta' fidi ta' ċnus temporanji jew perpetwi ta' proprjetà regolata mill-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat tal-1991, kemm kien hemm proprjetajiet residenzjali:
a. miżmuma b'ċens temporanju; u
b. miżmuma b'ċens perpetwu;
li ġew mifdija? Jista jikklassifika l-informazzjoni tal-proprjetà hekk mifdija b'dawk ta':
i. kejl sa 270 metru kwadru ta' spazju abitabbli; u
ii. dawk ta' kejl ta' aktar minn hekk?
Kemm f'dawn il-każijiet kien hemm sidien li fdew aktar minn proprjetà waħda miżmuma minnhom b'dan it-titolu ta' ċens?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għad-daqs sostanzjali ta’ informazzjoni li qeda tigi mitluba, kif ukoll għal raġunijiet li din l-informazzjoni qegħda mifruxa fuq diversi snin u ddokumentata f’serje ta’ arkivji differenti fi ħdan l-Ufficju Konġunt, huwa fil-mument fiżikament impossibli li din tiġi kompilata kollha u provduta kif mitlub.
Qed naħdmu wkoll biex jitkompla u jitlesta eżerċizzju ta’ diġitaliżżazjoni ta’ informazzjoni kemm fi ħdan l-Ufficju Konġunt kif ukoll fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet, li permezz tiegħu se nkunu qegħdin f’pożizzjoni aħjar li nipprovdu dan it-tagħrif.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3501 u jgħid x'kienu u x'inhuma l-policies u/jew skemi li adotta l-Uffiċċju Konġunt minn meta fl-1991 sar il-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat dwar il-Proprjetà tal-Knisja? Jista' jagħti t-titolu ta' kull policy/skema u d-data ta' meta ġiet adottata, u f'kull każ, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni jew l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li permezz tagħhom ġabuhom għall-attenzjoni pubblika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa mit-twaqqif tal-Uffiċċju Konġunt fl-1993 kien hemm erbgħa (4) skemi ta’ fidi ta’ cens/xiri ta’ propjeta’ residenzjali.
Fl-1996 kienet ġiet varata skema ‘Ixtri Darek jew Ifdi ċ-Ċens’, li permezz tagħha inkwilini li kienu joqogħdu f’propjetà amministrata mill-Uffiċċju Konġunt bħala residenza ordinarja setgħu jixtru l-imsemmija propjetà. Taħt l-istess Skema, ċenswalisti ta’ ċens temporanju ta’ aktar minn 30 sena, kif ukoll ċenswalisti ta’ ċens perpetwu fuq proprjetajiet li kienu jintuzaw ukoll bħala r-residenzi ordinarji taċ-ċenswalisti, setgħu wkoll jifdu ċ-ċens tagħhom permezz tal-istess Skema.
Skemi simili kienu ġew varati fl-1998, 2002 u l-2012.
Permezz ta’ Avviz fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta’ Jannar 2008, ċenswalisti ta’ ċens perpetwu rivedibbli fuq propjetatjiet tal-Gvern, setgħu jagħmlu talba lill-Uffiċċju Konġunt sabiex jifdu ċ-ċens fuq il-propjeta’ in kwistjoni.
Stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement – każ ta’ persuna
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4480, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ser tissejjaħ biex tagħmel l-operazzjoni tan-knee replacement?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4481 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li taħt iċ-ċimiterju ta’ Ħal Għargħur, hemm bir, li wara li tagħmel ix-xita, jagħmel l-ilma u jidħol fi blokka appartamenti ġo sqaq il-ħofra, bil-periklu ta’ ilma li jidħol fil-lifts u fil-garaxxijiet u jkun ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti, jista’ l-Ministru jara li dan il-bir jissewwa ġaladarba s-sid ta’ dan il-bir huwa l-Gvern?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikolatura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikolatura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 1088.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament hemm 258 Konsulenti Kliniċi li jagħtu servizzi mediċi fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa u li huma Professuri u Speċjalisti mpjegati mal-Ministeru għas-Saħħa. Fl-2013 kien hemm 207 konsulenti mpjegati mad-Dipartiment għas-Saħħa. Dawn il-konsulenti jagħtu s-servizzi tagħhom lill-pazjenti tagħna f’diversi dipartimenti. Tajjeb li ngħid li matul dawn l-aħħar snin sal-lum kien hemm żieda ta’ 51 konsulent.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhemm l-ebda konsulent ingaġġat mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti li ġew impjegati mal-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru huma kif jidhru fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Suq tal-Proprjetà - konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Suq tal-Proprjetà jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità li għandha taħtha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew impjegati l-ebda konsulenti taħt ebda entita’ li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Għawdex sad-data li fiha qed tiġi mwieġbda din il-Mistoqsija Parlamentari.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3117, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji ta’ telephones, jew li huma żbaljati, jew li ma jirrispondi ħadd qatt, u anke l-ismijiet tal-konsli li ma jsibuhom qatt? Se ssir reviżjoni ta’ minn min dawn il-konsli hemm bżonn insibu min jieħu posthom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull ċirkustanza l-Ministeru jieħu l-azzjoni li tkun tenħtieġ skond il-każ.
Ambaxxaturi/Kummissarji Għolja/Rappreżentanti Permanenti/Konsli Ġenerali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3113, jista’ l-Ministru jgħid, minkejja li fil-31 ta’ Jannar 2018 skada t-terminu tal-Konslu Ġenerali fil-Belt ta’ Sydney, u l-konsulent tal-Prim Ministru, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma ġġedditlux it-terminu minkejja li ntbagħat minn Kastilja u jekk dan tneħħiex minħabba d-diżgwid serju li kellu mal-Kummissarju Għoli ta’ Malta f’Kanberra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-asserzjoni tiegħu hija żbaljata.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ– xogħlijiet fuq is-soqfa tat-tielet sular ta’ Palazzo Parisio
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3108, minkejja r-rakkomandazzjoni tal-periti tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jista’ l-Ministru jgħid meta se tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk isirx saqaf ġdid jew inkella jiżdiedu aktar travi tal-ħadid?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandhiex x’inżid aktar mar-risposta li ngħatat fis-17 ta’ Jannar 2018, għall-mistoqsija parlamentari 3108.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa tal-Ambaxxatur Permanenti f’Ġinevra għall-World Trade Organisation (WTO), magħrufa fil-Qosor bħala HOMs, attenda u rrapporta lill-awtoritajiet kompetenti f’Malta, l-envoy għad-WTO li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mill-bidu tal-ħatra tiegħu sal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat li għalihom attenda l-istess individwu?
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Ambaxxaturi mhux residenti, fejn qed iservu, kemm jitħallsu u meta jiskadi t-terminu tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom huma tal-karriera jew uffiċjali fi ħdan l-istess Ministeru?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.