Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol għas-suq lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol għas-suq lokali li jistgħu jagħmlu użu minnhom l-aġenti lokali tal-kumpaniji barranin taż-żejt? Kemm jesgħu kull waħda minn dawn il-faċilitajiet, u fejn qegħdin? Liema aġenti lokali tal-kumpaniji barranin taż-żejt għamlu użu minn dawn il-faċilitajiet għas-suq lokali f’dawn l-aħħar 5 snin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suq huwa kompletament liberalizzat u m’hemm xejn xi jżomm lil aġenti jew kumpaniji kemm lokali kif ukoll barranin milli jagħmlu l-investimenti neċessarji biex ikollhom il-ħażna tal-petrol u l-bejgħ bħal ma jiġri f’kull investiment ieħor. L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li biex wieħed ikollu ħażna tal-petrol, l-uniku pre-rekwiżit/investiment neċessarju, għad-diffrerenza tal-ħażna tad-diesel, huwa li jrid ikollok ‘’Vapour Recovery Unit’’ addattat għal-volum ta’ ħażna ta’ petrol li wieħed ikollu. Għaldaqstant, kull min bħalissa qed jaħżen id- diesel jista’ faċilment jaqleb is-sistema sabiex isir il-ħażna il- petrol wara li jkun sar l-investiment neċesseraju. Ta’ min jgħid ukoll li l-pompi tal- petrol kollha għandhom dan it-tip ta’ apparat, fejn għaldaqstant joħroġ ċar li jekk wieħed irid jinvesti fil-ħażna tal- petrol , kull ma jrid jagħmel huwa nvestiment fil-bini ta’ tankijiet u l- Vapour Recovery Unit . Ninsab infurmat li lokalment bħalissa hawn żewg kumpaniji fejn attwalment tista’ ssir il-ħażna tal- petrol . Madankollu u kif diġa spjegajt, il-ħażniet kollha li hawn f’Malta għad-diesel, jistgħu jiżdiedu faċilment minħabba l-fatt li dawn jistgħu jiġu konvertiti għal-ħażna tal- petrol . B’hekk, jekk xi ħadd huwa nteressat li jibda jimporta l-petrol, kull ma jrid jagħmel huwa li jinvesti fl-apparat u l-makkinarju neċessarju sabiex dan ikun jista’ jsir.
Leg 13 PQ #4607 Sitting 92 2018-03-12 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Accountants investigati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Accountancy Board hux kostitwit? Jista’ jgħid min huma l-membri? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-accountants li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u li kienu fl-aħbarijiet li rreżenjaw mill-Institute of Accountancy għax kienu nbdew proċeduri dixxiplinarji, ġewx investigati mill-Accountacy Board?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Accountancy huwa kostitwit skont il-liġi u huwa magħmul minn Chairman u sitt membri oħra, li kollha ma jipprattikawx u li għandhom għarfien fl-oqsma rilevanti tal-awditjar statutorju u l-accounting.Il-membri fuq il-Bord huma: Chairman Mr Peter Baldacchino, MPhil (Lough), FCCA, FIA, CPA, CSA Members Mr Benjamin Rizzo, ACMA, FIA, CPA Mr Mario P. Galea, FCCA, FIA, CPA Dr Desiree Cassar, BA, LLD, Dip.Tax Mr Paul Grech, BA (Hons) Accty, FIA, CPA Ms Christine Bartolo Perici, B.Com (Hons) Econ, MA Econ Mr John Sammut, BA (Hons) Accty, MA Fin Serv, ACIB, CPA, FIA Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2188.

Żgħażagħ ta’ 16-il sena – drittijiet għad-dritt tal-vot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi preparamenti qed jitħejjew biex żgħażagħ li jkunu ser jagħlqu 16-il sena jkunu edukati f’materji dwar id-drittijiet tagħhom li jinkludu suġġetti bħad-dritt tal-vot?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel hemm numru ta’ miżuri li ġa qegħdin isiru u oħrajn li se jibdew isiru fis-snin li ġejjin. Ħarġet ċirkulari fejn l-għalliema tal-Form 5 tal-PSCD intalbu jagħtu l-fehma tagħhom mill-Uffiċjali Edukattivi tal-PSCD dwar kif jaħsbu li t-tema tal-‘Vot ta’ 16-il Sena, Dmirijiet u Drittijiet’ għandha tiġi mgħallma fil-klassi. Fil-klassijiet tal-Primarja, fit-3, 4, 5 u 6 sena, fil-PSCD, l-għalliema jiddiskutu s-suġġett tal-elezzjonijiet u l-proċess demokratiku meta l-istudenti jitħejjew għall-elezzjonijiet tal-kunsilli tal-istudenti. L-istudenti jkunu mħeġġa joħorġu bħala kandidati, jippreparaw diskors, jitkellmu quddiem sħabhom fil-klassi jew fil-hall, u jippreparaw posters. L-istudenti jkunu mħeġġa jirriflettu dwar id-dmirijiet bħala votanti, dwar jekk il-kandidati tal-kunsill preżenti għandhomx jerġgħu jiġu eletti jew le. Il-proċess tal-elezzjoni tal-kunsill tal-istudenti jsir permezz ta’ karti tal-vot, kaxxa tal-vot, studenti li jgħoddu l-voti u l-bqija. Il-kunsilli tal-istudenti huma mħeġġa jżommu l-minuti tal-laqgħat tagħhom. F’xi skejjel dan il-kunsill tal-istudenti jiġi amalgamat mal-kunsill tal-istudenti tal-EkoSkola. Fl-iskejjel sekondarji, tiġi diskussa t-tema tal-voluntieri li jersqu ‘l quddiem sabiex jiġu eletti fil-kunsill. Għas-sena skolastika li jmiss, permezz tar-reviżjoni tas-sillabi tal-PSCD u l-Istudji Socjali se jiġi implimentat programm ta' edukazzjoni ċivika. Fl-Istudji Soċjali se jiġu diskussi diversi temi li jispjegaw fuq il-vot. Fil-Forms 1 u 2, tiġi diskussa x'inhi demokrazija, tipi ta' gvern, gvern lokali u gvern ċentrali. Fil-Forms 3, 4 u 5 fl-option tal-Istudji Soċjali, tiġi diskussa t-tema taċ-ċittadin u l-komunità lokali, il-politika u l-Ewropa.
Leg 13 PQ #4609 Sitting 92 2018-03-12 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Bank investigat

Question

Peress li ġie mħabbar li l-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jiġi investigat minn awtoritajiet fil-Lussumburgu minħabba ħasil ta’ flus, jista’ l-Ministru jgħid xi due diligence sar meta ġie aċċettat dan il-bank meta kien magħruf li ċertu pajjiżi Ewropej kienu qed jinvestigaw wieħed mis-sidien tal-bank? Jista’ jgħid meta l-aħħar saret spezzjoni fuq dan il-bank mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u kemm-il darba saret spezzjoni għal kull sena, waħda wara l-oħra, mis-sena 2014?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #4610 Sitting 92 2018-03-12 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU — investigazzjoni

Question

B’referenza għall-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u l-investigazzjoni tagħha wara li rċeviet rapporti mill-FIAU ta’ Lussemburgu, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-FIAU waslitx biex titfa’ rapport investigattiv lill-Korp tal-Pulizija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja m’għandux poteri fil-liġi illi jwettaq investigazzjoni. Madanakolllu, il-Korp huwa fid-dover li jwettaq analisi dwar kull ‘Suspicious Transaction Report’ jew informazzjoni oħra li jkun irċieva mingħand persuni suġġetti jew terzi persuni oħrajn, kif ukoll informazzjoni oħra li tasal għand il-Korp b’kull mod ieħor, fosthom anke ‘Spontaneous Intelligence Reports’ mingħand FIUs oħrajn madwar id-dinja. Biss biss, fis-sena 2017, il-Korp irċieva ‘il fuq minn 150 ‘Spontaneous Intelligence Report’ minn FIUs oħra, u għadd kbir minnhom kienu wkoll mill-FIU ta’ Lussemburgu. Izda n-natura tal-informazzjoni li qiegħda tiġi mitluba ma tistax tiġi pprovduta għaliex din hija ikklassifikata bħala kunfidenzjali ai termini tal-Artikolu 34 tal-Att Kontra Money Laundering, u l-Korp huwa pprojbit milli jizvela din it-tip ta’ informazzjoni ai termini tal-istess Artikolu.

Helen Keller Resource Centre – għalliema tal-art, mużika u sport

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm-il għalliem għall-arti, il-mużika u l-isport hemm fil-Helen Keller Resource Centre u għal kemm-il siegħa dawn ikunu fl-iskola kull ġimgħa? Jista’ wkoll jgħid jekk hemmx il-pjan biex jiżdiedu s-sigħat ta’ dawn l-għalliema f’dan iċ-Ċentru u jekk iva meta se jiżdiedu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ għalliema għall-arti, mużika u sport fil-Helen Keller Resource Centre u kemm-il siegħa jkunu fl-iskola kull ġimgħa, huma kif se nsemmi: Għalliema tal-Arti – 1, Numru ta’ sigħat fil-ġimgha – 3 sigħat u nofs Għalliem tal-Mużika – 1 Numru ta’ sigħat fil-ġimgha – 6 sigħat Għalliem ta’ l-Isport – 1 Numru ta’ sigħat fil-ġimgha – 12-il siegħa Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, iva, il-pjan huwa li jiżdiedu imma dan jiddependi kemm ikollna min japplika u jintgħażel f’dawn is-sejħiet.

San Miguel Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta u fejn se jiċċaqlaq l-operazzjoni ta’ San Miguel Resource Centre? Jista’ jgħid ukoll jekk il-binja mgħamra ta’ San Miguel Resource Centre hijiex se tkun qegħda tintuża bħala Ċentru għal dawk l-istudenti li jkunu għalqu t-22 sena sabiex huma jibqgħu b’dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru ta’ San Miguel jilqa’ fih studenti tal-Primarja. Dan iċ-Ċentru ser ikun rilokat Bulebel, limiti taż-Żejtun. Skont l-action plans tal-FTS din ser isseħħ fis-sena 2019.

Servizzi lill-individwi li jispiċċaw minn Helen Keller Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qegħdin jingħataw lil dawk li jispiċċaw mill-Helen Keller Resource Centre u jekk hemmx il-ħsieb li hekk kif San Miguel Resource Centre jiġi trasferit f’post ieħor, il-fond kif armat bħalissa jintuża għal persuni li jkunu ‘l fuq mill-età biex jattendu f’Resource Centres oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Aġenzija SAPPORT tara li l-klijenti li kienu qed jibbenefikaw mis-servizzi mgħotija miċ-Ċentru ta’ Riżorsi Helen Keller, ikunu eleġibbli għal servizzi oħra mgħotija mill-istess Aġenzija. Servizz importanti li dawn l-klijenti qed ikunu eleġibbli għalih huwa s-Servizz Star 25, illi jikkonsisti f’interventi speċjalizzati għall-ħtiġijiet diversi u differenti tal-persuni b’diżabilità. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, ċ-Ċentru San Miguel ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta’ dan il-Ministeru, u għaldaqshekk ma nistax ngħati l-informazzjoni f’dan ir-rigward.

Visual and Performing Arts School – classical ballet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema sillabu se jiġi segwit u mgħallem għal classical ballet fil-Visual and Performing Arts School, u jgħid ukoll fuq liema sillabu jew metodu ta’ classical ballet se jiġu kkunsidrati dawk l-applikanti li se jipparteċipaw f’auditions għal din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sillabu li ġie adottat huwa msejjes fuq tagħlim u taħriġ migjub minn skejjel internazzjonali bħal Cecchetti, Royal Academy of Dancing, British Organisation, American Ballet Theatre, Vaganova u Russian School of Ballet. Is-sillabu sar b’mod li jgħaqqad oqsma differenti tal-Classical Ballet; taħriġ f’point work, repertoire, anatomija taż-żeffiena, analiżi ta’ teknika, koreografija u analiżi ta’ kompożizzjoni koreografika. Kif ukoll taħriġ ta’ devised theatre u multi disciplinary approached work. L-audition tiġi mqassma fi tliet partijiet: żfin klassiku, modern u kontemporanju kif ukoll intervista. Għall-partijiet prattiċi l-istudenti jkunu ggwidati biex jesebixxu passi li huma l-bażi tal-genre. L-istudenti jiġu rikonoxxuti għall-mod ta’ kif jagħmlu l-eżerċizzji, it-teknika ta’ passi li huma universali, il-fiżika, il-mod ta’ kif jippreżentaw lilhom infushom u l-passjoni li għandom għaż-żfin.

Institute of Education – Memorandum of Understanding

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding iffirmat mill-Institute of Education kemm ma’ entitajiet Maltin kif ukoll ma’ dawk barranin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MOUs iffirmati mill-Institute for Education qed jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Institute of Education — lecturers

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta lista ta’ lecturers li se jkunu qegħdin jgħallmu fid-diversi korsijiet offruti din is-sena mill-Institute of Education u jindika l-kwalifiki tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lecturers tal-Institute għandhom kwalifiki bejn MQF 5 u MQF 8 jiddependi mil-livell tal-kors. Kull kors josserva r-regolamenti u l-istandards tal-akkreditar tal-NCFHE.

Benefiċċji tal-mard

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex jikkunsidra li ladarba persuna, wara li tkun ingħatat (tħallset) il-benefiċċju soċjali tal-mard (fl-ewwel 15-il ġurnata full pay u fit-tieni 15-il ġurnata half pay) tibda terġa’ tirċievi l-għajnuna tal-benefiċċju tal-mard kemm-il darba tkun taħt medical supervision? (Din il-proposta qed issir sabiex dawk il-persuni li jkunu morda b’mard kroniku jew minħabba xi inċident, ma jispiċċawx bla ħlas meta jkunu f’pożizzjoni li minħabba l-mard ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol)

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-benefiċċju tal-mard huwa benefiċċju kontributorju li jitħallas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u jista’ jibqa’ jitħallas sa 156 ġurnata, dejjem jekk il-bord mediku mwaqqaf taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li jeżamina lill-persuna marida f’intervalli determinati minnu, ikun tal-opinjoni li l-persuna għad mhux tajba għax-xogħol. Il-perjodu msemmi jista’ jibqa’ jiġġedded sa massimu ta’ 468 ġurnata fuq perjodu ta’ sentejn. Il-pagamenti tal-benefiċċju tal-mard, joħorġu mid-Dipartiment mir-raba’ ġurnata ta’ mard għal kull perjodu ta’ mard li jista’ jkun ikopri l-perjodu ta’ full jew half pay skont il-każ. Il-pagament ma jieqafx jekk il-persuna jispiċċalha l-half pay imma tkompli titħallas sa dak iż-żmien li jkun irid jaraha l-bord mediku tad-Dipartiment. Ma’ dan inżid li, persuna li tkun għaddejja minn sitwazzjoni kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, minbarra d-dritt għal benefiċċju tal-mard, jista’ jkollha dritt ukoll għall-Għajnuna Soċjali jekk tissodisfa t-test tal-mezzi.

Il-Mosta – Vjal l-Indipendenza — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jara li x-xogħol li kien qed isir minn Transport Malta fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta jitkompla bla dewmien ta’ żmien, peress li jidher li l-kuntrattur telaq minn fuq lant tax-xogħol u hemm ħafna periklu fit-triq li jeħtieġ li jitneħħa fl-inqas żmien possibbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-imsemmija triq se jkunu qed jitkomplew fil-ġranet li ġejjin.

Il-Mosta – Vjal l-Indipendenza salib it-toroq ma’ Triq il-Mitħna – rubber bollards

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta, salib it-toroq ma’ Triq il-Mitħna, jitkomplew jitwaħħlu aktar rubber bollards sabiex ikunu evitati aktar inċidenti, peress li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm kważi inċident kull ġimgħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja bi proġett ta’ titjib u kisi b’asfalt ġdid tat-triq imsemmija. It-tagħmir ta’ saħħa u sigurtà indikat ser jitwaħħal mill-aktar fis, hekk kif jitlesta l-wiċċ ġdid ta’ din it-triq.

Dokument ta’ Konsultazzjoni pubblika għall-Biedja

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika għall-biedja għas-snin 2018-2028 u jara li jsir dibattitu dwaru fil-Parlament, sabiex b’hekk il-Parlament ikollu l-opportunità li jitkellem dwar din il-politika għal biedja?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan id-dokument jinsab online u jista’ jiġi mniżżel minn fuq l-link anness hawn taħt:- http://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MSDEC/Pages/Consultations/PublicconsultationontheNationalAgriculturalPolicyfortheMalteseIslands20182028.aspx (Kopja tad-dokument qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra). Ninfurmah ukoll li dibattitu fil-Parlament hu prematur f’dan l-istadju la darba dan id-dokument għadu fl-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika.
Leg 13 PQ #4623 Sitting 92 2018-03-12 Oral · Final From: GLENN BEDINGFIELD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żgħażagħ ta’ 16-il sena li ser jivvutaw fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali

Question

Billi l-Parlament għadu kif approva tibdil storiku fil-Kostituzzjoni li permezz tiegħu tbaxxiet l-età tal-votazzjoni għal 16-il sena, jista’ l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni dwar kemm se jkun l-għadd ta’ żgħażagħ ta' 16-il sena li ser jivvotaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2019 u fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-istess ġurnata? Jista’ wkoll jagħti indikazzjoni dwar kemm hu stmat li ser ikun l-għadd ta' żgħażagħ ta' 16-il sena li ser jivvotaw fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, jekk wieħed jikkunsidra li jkun sar term sħiħ ta' 5 snin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat mill-Uffiċċju Elettorali li fil-preżent l-għadd ta’ żgħażagħ ta' 16-il sena li ingħataw d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali fl-2019, huwa ta’ 8,213. Ċifra dwar kemm hu stmat li ser ikun l-għadd ta' żgħażagħ ta' 16-il sena li ser jivvotaw fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss tkun magħrufa fix-xhur li ġejjin.

Skejjel post sekondarju tal-Gvern – għalliema mingħajr warrant

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema, f'Malta u Għawdex (separatament), li ma għandhomx warrant u li jgħallmu fi skejjel post-sekondarju tal-Gvern (16 years+) li jinkludu s-Sixth Form, il-Junior College, l-MCAST, l-Università u l-Institute of Tourism Studies? Jista’ jagħti n-numru għal kull istituzzjoni separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Att dwar l-Edukazzjoni (Kap 327 tal-liġijiet ta' Malta), il-ħtieġa ta’ warrant tapplika biss għal min qiegħed jgħallem lill-istudenti fl-età ta’ l-edukazzjoni obbligatorja. Għaldaqstant, il-liġi ma tobbligax li għalliema fi skejjel post-sekondarji bħal Junior College u lecturing staff f’istituzzjonijiet edukattivi ogħla bħal l-Università u l-MCAST, għandhom ikunu fil-pussess ta’ warrant ta’ Għalliem.

Impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ – ilma msoffi mid-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il metru kubu ta’ ilma msoffi mid-drenaġġ qed jiġi prodott mill-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ ta’ Malta u ta’ Għawdex? Jista’ jgħid kemm minn dan l-ilma qed jitqassam lill-bdiewa, min huma l-bdiewa li qed jibbenefikaw, u x’inhuma l-kriterji li fuqhom titfassal l-għażla ta’ liema bidwi jieħu l-ilma, kemm jieħu u meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ġie varat l-impjant taċ-Ċumnija f’Mejju tas-sena l-oħra, ġew prodotti 164,234 metru kubu ta’ New Water li minnhom ġew ikkunsmati 154,016 metru kubu. Il-bdiewa kollha li għandhom l-egħlieqi tagħhom irreġistrati mal-ARPA jistgħu jibbenefikaw minn dan l-ilma. Bħalissa hemm 234 bidwi li applikaw u rċivew il-card li biha jistgħu jaċċessaw dan l-ilma. Il-volum u kemm minn dan l-ilma jista’ jittieħed mingħajr ħlas huwa regulat b’avviż legali 210/17.

Impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ – ilma msoffi mid-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il metru kubu ta’ ilma msoffi mid-drenaġġ qed jiġi prodott mill-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ ta’ Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm minn dan l-ilma qed jitqassam lill-bdiewa, min huma l-bdiewa li qed jibbenefikaw, u x’inhuma l-kriterji li fuqhom titfassal l-għażla ta’ liema bidwi jieħu l-ilma, kemm jieħu u meta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Korsa tal-Marsa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4519, jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid min huma l-konsulenti tekniċi u esperti ta' dan l-isport li qegħdin jieħdu sehem f'dawn in-negozjati għall-privatizzazzjoni tal-Korsa tal-Marsa? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' ħlas qegħdin jieħdu dawn il-konsulenti biex jieħdu sehem f'dan il-proċess u x'tip ta' konsultazzjoni qegħdin jagħmlu ma' dawk kollha involuti f'dan l-isport qabel ma jiġi ffirmat dan il-ftehim ta' konċessjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħatar Negotiation Team biex imexxi l-proċess tan-negozjati. In-negotation team jikkonsisti minn Dr. Emanuel Camilleri, Chairman Privatisation Unit; is-Sur Renzo Farrugia, Senior Manager MIMCOL u s-Sur Brandon Lowell, Manager MIMCOL. Dan in-negotation team huwa flessibbli fis-sens li membri oħra temporanji xi kultant jagħtu pariri tekniċi waqt in-negozjati bħal pereżempju, is-Sur Edwin Borg (Chairman tal-Marsa Racing Club). Barra minn hekk, meta kien hemm bżonn in-negotation team ikkonsulta ma’ Malta Racing Club u mal-Malta Polo Club mingħajr l-ebda ħlas. Dan in-negotiation team qed jingħata kunsulenza legali minn Abela Advocates li ġew maħtura wara sejħa pubblika għal servizzi legali u li offrew l-irħas offerta. Barra minn hekk, il-Perit William Lewis li kien il-perit ta’ SportMalta, jagħti pariri tekniċi marbutin ma’ arkitettura u disinn tal-kumpless kif proposti mill-Proponent. L-uffiċjali kollha barra Abela Advocates u l-Perit Lewis mhumiex imħallsa addizzjonali rigward ix-xogħol li qed isir fin-Negotiation Team għax huwa parti mis-salarju li qed jitħallsu biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom fil-kariga li għandhom bħala uffiċjali pubbliċi. Ir-rata applikabbli għal konsulenza teknika hija ta’ €35 fis-siegħa filwaqt li r-rata tal-konsulenza legali hija ta’ €37.50 fis-siegħa.