Reġistru tal-Artijiet – riċerki minn nutar pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta ssir riċerka fir-Reġistru tal-Artijiet min-Nutar Pubbliku permezz ta' Form E jiġux imwieġba l-mistoqsijiet kollha, bla ebda eċċezzjoni, li tintalab tweġiba għalihom?
Response (BORG, IAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari 4152 magħmula mill-Onor. Interpellant, irid jingħad li r-Reġistru tal-Artijiet, iwieġeb kull mistoqsija li tiġi mitluba fl-applikazzjoni form E kif sottomessa mill-applikant bla ebda eċċezzjoni.
Reġistru tal-Artijiet – reġistrazzjonijiet ta’ binjiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fir-reġistrazzjoni ta' binjiet fir-Reġistru tal-Artijiet issirx distinzjoni bejn ħitan diviżorji komuni bejn ġirien u ħitan li ma jkunux komuni, u f'każ li ssir din id-distinzjoni, jekk jeżistix imqar ħajt diviżorju komuni wieħed li huwa reġistrat bħala tali fir-Reġistru tal-Artijiet?
Response (BORG, IAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari 4153 magħmula mill-Onor. Interpellant, irid jingħad li fir-Reġistru tal-Artijiet jiġu rreġistrati d-dettalji kollha skont kif murija fil-pjanti annessi u kif deskritti fl-applikazzjonijiet sottomessi.
Peress li l-Gvern Malti kien ħabbar li sa Settembru 2016 ser jintroduċi gender-neutral toilets fil-binjiet tal-Ministeri kollha, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm gender-neutral toilets fil-kwartieri ġenerali ta’ Palazzo Parisio u x'perċentwal dan jirrappreżenta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s’issa hemm tmintax (18) il Tiolet f’Palazzo Parisio. Ħamsa (5) minnhom u cioe’ 30% tat Toilets kollha huma gender-neutral.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – promotions
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi d-dati ta' meta nħarġu l-promotions kif ukoll id-dati ta' meta ġew mogħtija lill-applikanti għall-interviews mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fid-dipartimenti / entitajiet kollha li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti għal kull sejħa li ħarġet? Jista' jagħti d-dati ta' meta ngħataw il-promotions uffiċjalment lil persuni magħżula? F'dan il-perjodu, kien hemm persuni li ngħataw aktar minn promozzjoni waħda? Jekk fl-affermattiv, kemm-il promozzjoni ngħataw u kemm-il grad telgħu mill-ewwel promozzjoni li ngħataw sa l-aħħar promozzjoni li ngħataw u f'liema perjodu ta' żmien?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-domanda mressqa titlob ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk hija meqjusa bħala umanament impossibbli li tkun formulata. Ikun għalhekk aħjar li l-Onor. Interpellant iressaq domanda aktar speċifika bil-għan li jkun faċilitat il-ġbir tat-tagħrif, kif ukoll iż-żmien li jittieħed biex tinġabar tali informazzjoni jkun imqassar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi tat-trasport pubbliku li waqfu bi ħsarat waqt li kienu qed iwettqu l-vjaġġ tagħhom xahar b'xahar minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'tip ta' ħsarat ġew irraportati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda huwa mmexxi minn kumpanija privata u għaldaqstant tali informazzjoni mhux disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-età ta' kull vettura li tintuża fit-trasport pubbliku u jekk dawn humiex Euro V jew Euro VI?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tip ta’ karozza tal-linja operattivi, l-eta’ kif ukoll il-Euro Standard ta’ kull tip huwa hekk kif indikat fit-tabella t'hawn taħt:
Tip
Sena tal-manifattura
Euro Standard
King Long (9mt)
2011
Euro V
King Long (12mt)
2011
Euro V
Otokar (9mt)
2015
Euor VI
Otokar (12mt)
2016
2017
Euor VI
Mercedes Citaro
2006
2007
2008
Euro V
Mercedes (7mt)
2017
Euro VI
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – kumpaniji ta’ sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jindika kemm-il kumpanija tas-sigurtà offriet jew qed toffri s-servizzi tagħha lill-entitajiet/dipartimenti li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'tip ta' sigurtà ġew offruti mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti tagħrif dwar min huma l-kumpaniji flimkien ma' kull nefqa involuta għal kull servizz sena b'sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sorġew cruise liners ġewwa l-Valletta Cruise Port fil-Valletta Waterfront xahar b'xahar mis-sena 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella li ssegwi;
Year
Month
No. of Cruises
2013
January
3
February
2
March
7
April
17
May
32
June
28
July
27
August
34
September
39
October
45
November
26
December
10
2014
January
9
February
6
March
7
April
33
May
28
June
24
July
21
August
22
September
39
October
53
November
34
December
9
2015
January
5
February
1
March
3
April
39
May
38
June
29
July
22
August
28
September
44
October
52
November
23
December
7
2016
January
2
February
5
March
10
April
25
May
43
June
39
July
31
August
27
September
46
October
48
November
24
December
10
2017
January
9
February
12
March
13
April
38
May
41
June
29
July
31
August
30
September
33
October
53
November
23
December
8
2018
January
6
February
5
Grand Total
1,487
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – bini li jżommu b’titolu ta’ kera
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bini li d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jżommu b’titolu ta' kera sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jindika liema huma dawn il-binjiet, minn liema dipartiment/entitá qed jinkrew u min huma s-sidien tagħhom? Jista' jgħid kemm qed tkun in-nefqa f’kiri għal dawn il-binjiet fis-sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra
Deċiżjoni għall-amalgamazzjoni tas-Certifying Authority u l-Managing Authority
Question
B’referenza għas-Certifying Authority li hija responsabbli li tiggarantixxi l-preċiżjoni u l-integrità ta’ dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż u talbiet għall-pagamenti qabel ma jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea u min-naħa l-oħra, il-Managing Authority hi responsabbli ta’ immaniġġar effiċjenti u l-implimentazzjoni ta’ programm operazzjonali taħt l-awspiċji tal-politika ta’ koeżjoni għal 2014-2020, tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni rigward id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex dawn iż-żewġ entitajiet jingħaqdu f’waħda f’Malta, kif ukoll tispjega r-raġuni wara din l-amalgamazzjoni? Tista’ tikkonferma jekk id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex jgħaqqad lil dawn iż-żewġ entitajiet kenitx approvata mill-Kummissjoni Ewropea qabel ma ġiet implimentata u, jekk kienet approvata, fuq liema bażi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bħalissa għaddejja ħidma ta’ konsolidament tax-xogħol marbut mal-ġestjoni tal-Fondi Ewropej. Dan għandu jwassal għar-razjonalizazjoni tal-proċessi w r-riżorsi meħtieġa f’dan il-qasam. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-entitajiet konċernati f’pajjiżna ġew infurmati dwar dan il-proċess li għandu jintemm fil-ġimgħat li ġejjin.
Kummissjoni Ewropea – Certifying Authority — interlokuturi
Question
Peress li sabiex ix-xogħol ta’ Certifying Authority isir kif suppost skont il-leġiżlazzjoni tal-programmi operattivi tal-Unjoni Ewropea, impjegati tas-Certifying Authority ġew innominati bħala interlokuturi uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni min huma l-interlokuturi l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea, wara l-għaqda tas-Certifying Authority u l-Managing Authority? Barra minn hekk, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’ġara mill-impjegati u dawk l-impjegati li kienu nnominati bħala l-interlokuturi tal-Kummissjoni qabel din l-għaqda?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirriferi għall-Mistoqsija Parlamentari 4252.
Is-
Certifying Authority
hija funzjoni marbuta mal-ġestjoni tal-EU Funding. Għaldaqstant, mill-programm il-ġdid 2014-2020, il-funzjonijiet marbuta mat-tħaddim tal-fondi qed jiġu amministrati mill-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropej.
Għaddej proċess ta’ Selezzjoni biex jiġu ingaġġati uffiċjali mill-Ministeru responsabbli. L-uffiċjali imsemmija ngħataw l-opportunità li japplikaw. L-uffiċjali li ma applikawx jew li ma jkunux magħżula jintbagħtu fil-Ministeru jew f’Ministeri oħrajn biex jaħdmu fuq xogħol relatat.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ħlas lill-kuntratturi li ħadmu lil Vitals Global Healthcare
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min ser ikun responsabbli biex iħallas il-kuntratturi li ħadmu għal Vitals Global Healthcare fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u għadhom ma tħallsux? Il-Gvern ser jiggarantixxi ħlas lil dawn il-kuntratturi jew ser iħallihom jiġġieldu huma għall-pagamenti ma’ kumpanija li ma għandha xejn tagħha?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Steward Healthcare assumiet l-obligi ta’ VGH meta ffirmat is-Share Transfer Agreement.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-disinni u l-pjanti tal-proġett ta’ Pjazza San Franġisk inbiddlux minn wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra ‘l hawn u ċjoè sarux oħrajn ġodda minn dawk li diġà ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk inbiddlu l-pjanti tista’ tagħti spjegazzjoni għaliex u tpoġġi kopja tal-pjanti l-ġodda fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid ukoll jekk il-perit li kien inkarigat minn dan il-proġett inbidilx ukoll minn wara l-elezzjoni lil hawn?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Jannar li għadda sar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħ għall-pubbliku dwar kif għandha tiġi riorganizzata din il-pjazza. F'dan il-proġett ta’ riorganizzazzjoni ser jiġu riflessi x-xewqat u s-suġġerimenti li ġew imressaqa waqt l-istess proċess ta’ konsultazzjoni għaliex dan huwa Gvern li jisma’.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3324, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux hu l-Ministru responsabbli mit-toroq? U jekk iva, allura għaliex ma jistax iwieġeb il-mistoqsija u jgħid kemm-il kilometru ta’ toroq saru f’Għawdex mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum permezz tal-framework agreement CT2003/2013? Jista’ jgħid liema huma dawn it-toroq li saru ġewwa Għawdex u kemm kienet l-ispiża globali fuq kull triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, hekk kif kienet il-prassi taħt diversi amministrazzjonijiet, it-toroq f'Għawdex, ħlief dawk magħrufa bħala Ten-T (Trans-European Transport Networks) u li jikkwalifikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru t'Għawdex.
Madankollu, il-Gvern qed iħejji biex iwaqqaf aġenzija ffukata fuq l-iżvilupp infrasrutturali tat-toroq tal-pajjiż, sabiex iwettaq il-wegħda li jinvesti mas-€700 miljun għat-tiġdid u t-titjib tat-toroq madwar il-pajjiż. Għawdex mhux ser jitħalla barra minn din l-opportunità ta' infrastruttura aħjar. Fil-fatt, meta titwaqqaf, din l-aġenzija ġdida ser tibda tikkollabora mal-Ministeru t'Għawdex u mal-awtoritajiet konċernati, sabiex it-toroq ta' din il-gżira wkoll jibdew jibbenefikaw minn dan l-investiment bla preċedent għal toroq ta' kwalità ogħla, b'inqas diffikultajiet u riskji għal dawk li jużawhom, u għal trasport aktar effiċjenti u sostenibbli.
Ministeru għal Għawdex – bini li kien inbena mill-flus ta’ Eko-Għawdex
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalxiex qed jintuża llum il-bini li kien inbena mill-Ministeru għal Għawdex mill-flus ta’ Eko-Għawdex u li kellu jkun iċ-Child Development Centre f’Tal-Ibraġġ ħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista’ jgħid jekk din il-binja kollha hijiex amministrata mill-Ministeru għas-Saħħa jew jekk ġietx mgħoddija lil xi Ministeru ieħor jew xi kumpanija privata? Jekk iva lil min ġiet mgħoddija u għal liema skop?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja hija amministrata mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Rapport tal-Missjoni tal-Parlament Ewropew – rappreżentazzjonijiet mill-Gvern tar-Renju Unit
Question
B'referenza għar-rapport tal-missjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-delegazzjoni ad hoc li żaret lil Malta mit-30 ta' Novembru 2017 sal-1 ta' Diċembru 2017, jista' l-Ministru jgħid, x'rappreżentazzjonijiet kellu mill-Gvern tar-Renju Unit dwar:
(a) il-ħasil ta' flus,
(b) l-evitar tat-taxxa; u
(ċ) l-evażjoni tat-taxxa,
ilkoll bħala riżultat tal-bejgħ tal-passaporti mill-Gvern ta' Malta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu.
Transport Malta – Intelligent electronic traffic signs
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'għandhom intelliġenti l-Intelligent Electronic Traffic Signs li ġew istallati mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta f'numru ta' toroq f'Malta u Għawdex u li s'issa ħlief juru l-istess messaġġi b'mod ripetut mhumiex jagħmlu? Jista' jgħid kemm tammonta l-ispiża biex ġew mixtrija u installati dawn is-sinjali? Jista' jgħid x'sar mid-dikjarazzjoni pubblika li huwa għamel f'Novembru 2017 u ċjoè li l-imsemmija tabelli se jibdew jaħdmu b'mod intelliġenti minn Jannar 2018?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra
Transport Malta – soluzzjoni għall-problema ta’ traffiku mis-Siġġiewi lejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettqet l-Awtorità għat-Trasport f'Malta min-nhar it-2 ta' Ottubru 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex tissolva l-problema kbira ta' konġestjoni tat-traffiku li jiltaqgħu magħha s-sewwieqa b'mod partikolari fil-ħinijiet ta' filgħodu biex joħorġu mis-Siġġiewi lejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi u ċjoè fil-parti fejn tinsab ir-roundabout bejn Triq is-Siġġiewi u Triq l-Imdina f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra
MCA – Direttiva bil-miktub fuq l-Artikolu 6 tal-Kap 418 tal-Liġijiet ta’ Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministru responsabbli qattx ta xi direttiva bil-miktub lil din l-Awtorità a tenur tal-Artikolu 6 tal-Kap. 418 tal-Liġijiet ta’ Malta, mid-data tat-twaqqif tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) sal-lum? Jekk iva, meta u fir-rigward ta’ xiex ingħatat din id-direttiva bil-miktub, mill-Ministru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) li m’għandha l-ebda dokumentazzjoni ta’ xi direttiva mogħtija lilha fil-passat bil-miktub skond l-Artiklu ċitat fil-mistoqsija tal-Interpellant.
Regolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u tal-Ilma – Direttiva bil-miktub fuq l-Artikolu 7 tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministru responsabbli qattx ta xi direttiva bil-miktub lill-imsemmi Regolatur a tenur tal-Artikolu 7 tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta, mid-data tat-twaqqif tar-Regolatur tas-Servizzi tal-Energija u tal-Ilma (REWS) sal-lum? Jekk iva meta ta din id-direttiva u fir-rigward ta’ xiex ingħatat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li qatt ma ngħatat direttiva bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma a tenur tal-Artikolu 7 tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta, mid-data tat-twaqqif tal-istess Regolatur sal-lum il-ġurnata.