Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsistu s-16-il inizjattiva li l-Gvern ħabbar permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali li huma maħsuba li jnaqqsu l-burokrazija? Jista’ jgħid kif is-settur kummerċjali se jgawdi minn din is-simplifikazzjoni ta’ burokrazija? Jista’ jgħid min kienu l-esperti li magħhom ħadem il-Gvern fuq dan il-proġett?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir fil-Biċċerija sabiex it-temperatura tal-misħun li jintuża waqt il-proċess ta’ tindif tal-majjal ma tibqax taqa’? Jista’ jgħid x’kumpens beħsiebu jagħti l-Gvern lir-raħħala għal telf ta’ piż tas-saqajn li jintilfu għaliex jiġu mormija qabel ma jintiżnu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-temperatura tal-misħun li jintuża waqt il-proċess ta’ tindif tal-majjal jiġi monitorjat kontinwament u jinżamm stabbli b’temperatura ta’ 63° cels. Ma hemm l-ebda rapporti li din it-temperatura mhix tinżamm jew li qed issir xi ħsara fil-prodott.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, jekk jirriżulta li t-tabib veterinarju jiddeċiedi li xi sieq għanda tinqata’ minħabba problema fl-istess majjal, din la darba ma tgħaddix għal konsum uman trid tintrema. Jekk is-sieq tkun inqabdet minn xi magna u jirriżulta li ma tistax toħroġ mal-karkassa għal konsum uman, din is-sieq tintiżen mal-karkassa u tintrema wara. Hija proċedura ta’ igjene li dawk is-saqajn tal-majjaliet (
sows
) jridu jinqatgħu u jintremew.
Jista’ l-Ministru jgħid, ladarba nhar it-Tlieta, 6 ta’ Marzu għall-ħabta bejn it-8:00am u d-9:30am meta fil-Biċċerija ġie maqtugħ is-supply tal-elettriku:
a. kemm kien l-għadd ta’ majjal li kienu qed jiġu pproċessati peress li l-proċess tal-qatla kellu jieqaf;
b. għal liema raġuni fil-Biċċerija ma hemmx ġeneraturi ħalli jagħmlu tajjeb għal dawk il-waqtiet li fihom il-biċċerija tispiċċa bla
supply
ta’ elettriku; u
c. kemm se jkun il-kumpens li l-Gvern lest li jħallas għal raħħala li f’dawk il-waqt kienu qed jipproċessaw il-majjal?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta nqata’ d-dawl, fuq il-linja tal-majjal kien hemm mat-30 karkassa. Il-biċċiera ħadu l-prekawzjonijiet kollha u nħadmu bl-idejn u fuq dawn il-karkassi ma saret l-ebda ħsara. L-unika ħsara li kien hemm kien għal numru ta’ 9 karkassi li dak il-ħin kienu fil-magna tal-misħun (scalding tank) sabiex jitnaddfu. Dan peress li damu aktar mill-ħin stabbilit u l-laħam ġie ddikjarat li ma setax joħroġ għal konsum uman.
Wieħed irid japprezza li fil-Biċċerija Pubblika, dawn l-aħħar snin, saru investimenti kbar ta’ prijorità sabiex jiġu rranġati s-swali tal-qatla u jinbidel makkinarju qadim sabiex il-Biċċerija tiġi fil-livell mixtieq mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej. Il-Biċċerija Pubblika tirrikjedi massimu ta’ 1200KVA sabiex tħaddem l-impjant ta’ numru ta’ swali kbar li jkessħu l-laħam (cold rooms), impjanti oħra li jżommu temperaturi skont ir-regolamenti tas-swali tal-qatla u fejn joħroġ il-laħam, u swali oħra fejn jitqatta’ u jiġi spulpjat il-laħam. Barra minn hekk ikun irid jitħaddem ukoll il-makkinarju kollu fuq il-linja tal-qatla. Fil-Biċċerija Pubblika, qatt ma kien hemm ġeneraturi biex jagħmlu tajjeb għal qtugħ ta’ elettriku. Biss, ġa huwa maħsub li se jintalbu l-fondi neċessarji sabiex is-sena d-dieħla (2019) toħroġ tender sabiex ikun jista' jinxtara u jiġi installat ġeneratur li jkun jista' jlaħħaq mad-domanda kollha tal-elettriku tal-Biċċerija fil-każ li jkun hemm xi qtugħ ta’ elettriku.
Peress li bl-ebda mod il-ħsara li saret fuq dawn id-9 karkassi ma kienet ħsara ikkaġunata b’xi tort jew traskuraġni minn naħa tal-Biċċerija Pubblika, din ma tistax tinżamm b’xi mod responsabbli għal xi ħsara.
Jista' l-Ministru jikkonferma l-pjani biex issir Triq Lapsi fis-Siġġiewi li twassal għad-Dar tal-Providenza u Għar Lapsi? Jekk hemm pjan li jsiru xogħlijiet fuq din it-triq, meta hu ppjanat li jibdew u sa meta hu ppjanat li jkunu lesti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ nterventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm trattati mal-Kunsill tal-Ewropa li pajjiżna huwa firmatarju tagħhom, però ma rratifikahomx jew anke jekk irratifikahom baqgħu ma ġewx fis-seħħ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum, Malta ffirmat sittax-il trattat tal-Kunsill tal-Ewropa li ma ġewx ratifikati. Minn dawn, trattat wieħed ma daħalx fis-seħħ u ieħor se jiġi rratifikat nhar l-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2018.
Kunsill tal-Ewropa — European Convention on the Abolition of Legalisation of Documents executed by Diplomatic Agents or Consular Officers
Question
Jista’ l-Ministru jara jekk il-European Convention on the Abolition of Legalisation of Documents executed by Diplomatic Agents or Consular Officers (ETS 63) mal-Kunsill tal-Ewropa li pajjiżna ffirma fl-1968, tistax tiġi rratifikata?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament saret it-talba lill-Kunsill tal-Ewropa sabiex l-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija tiġi rratifikata. Fil-preżent, il-Ministeru, permezz tar-Rappreżentanza permanenti tiegħu fi Strasburgu qed jistenna data mill-Kunsill tal-Ewropa biex Malta tiddepożita l-Istrument ta’ Ratifika għal din il-Konvenzjoni, liema strument ġie ffirmat minni fit-2 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm trattati taħt il-Hague Convention, dejjem jekk huwa l-każ, li pajjiżna huwa firmatarju tagħhom, però ma rratifikahomx jew anke jekk irratifikahom baqgħu ma ġewx fis-seħħ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ma hemm l-ebda trattat taħt il-Hague Convention li pajjiżna ffirma imma m’aċċedhiex għalih, jew li rrattifika imma li ma ġewx fis-seħħ.
B’kollox pajjiżna aċċeda għal 8 Konvenzjonijiet tal-Hague Convention. Barra minn hekk, żewġ Konvenzjonijiet oħra u Protokol tal-Hague Convention japplikaw għal Malta, bħala Membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
Refuġjati – programmi edukattivi u ta’ taħriġ għax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’programmi edukattivi u ta’ taħriġ għax-xogħol huma għad-dispożizzjoni ta’ applikanti għall-istatus ta’ refuġjat u jistax jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba dawn jiġux imħallsa u pprovduti mill-Istat jew le?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma immigranti irregolari li ġew rikonoxxuti fi status ta’ refuġjati jew sussidarju li ġew rilokati minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra tul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jiġi indikat lejn fejn?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi bejn l-2015 u l-2017 ġew rilokati 1,185 persuna bi protezzjoni internazzjonali maħruġa minn Malta. Kollha minbarra 4 persuni ġew rilokati lejn l-Istati Uniti. L-4 persuni l-oħra ġew rilokati lejn il-Kanada. Fl-2018 ħadd għadu ma ġie rilokat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma immigranti irregolari li ġew rikonoxxuti fi status ta’ refuġjati jew sussidarju li ġew rilokati minn pajjiżna lejn l-Istati Uniti tal-Amerika tul l-2014, l-2015 u l-2016? Jista’ jiġi indikat jekk huwiex minnu li dan il-programm jinsab preżentement wieqaf?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi bejn l-2014 u l-2016 ġew rilokati 1,605 persuna bi status irregolari jew bi protezzjoni internazzjonali maħruġa minn Malta lejn l-Istati Uniti. Huwa minnu li bħalissa l-programm ta’ rilokazzjoni lejn l-Istati Unitu huwa wieqaf minħabba deċiżjoni meħuda unilaterment mill-Istati Uniti fil-bidu tal-2017, mill-amministrazzjoni preżeti, sabiex jiġi sospiż dan il-programm.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda konsulent.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali - konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat għall-Akkomodazzjoni Soċjali jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 1095.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva - konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 1095.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 143, jista' l-Prim Ministru issa jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat li l-positions of trust fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu huma dawk fis-Segretarjati Privati, fic-Central Customer Care Unit, estate managers, Project Coordinator u receptionists.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — position of trust
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 144, jista' l-Ministru issa jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-positions of trust fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u l-entitajiet u d-Dipartimenti fi ħdanu, huma dawk fis-segretarjat u l-Privatisation Unit.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — position of trust
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 145, jista' l-Ministru issa jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-positions of trust fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu huma dawk fis-segretarjati u fil-customer care unit.
Direttur Ġenerali għall-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra — Rwol ta’ Persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’poteri ngħataw lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ‘il hinn mill-irwol tagħha ta’ Direttur Ġenerali għall-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra biex qed tindaħal fir-remit tad-Direttorat Ġenerali Global Issues? Min eżattament qed imexxi l-Ministeru?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija taqdi d-doveri tagħha skont kif ikun mitlub minnha mis-superjuri tagħha.
Ambaxxati – background checks fuq locally engaged staff
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3123, jista’ l-Ministru jgħid sarux background checks fuq is-sewwieq li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta f’Ġinevra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna,li qed jirreferi għalija separament,ġiet ingaġġata fi żmien Gvern Nazzjonalista.Għaldaqstant kien fil-kompitu tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien li, qabel effettivament ingaġġha,jassigura ruħu minn dak li qed jitħasseb dwaru l-Onor. Interpellant illum.
Jekk l-Onor. Interpellant irid jgħaddi xi dettalji ulterjuri dwar il-persuna,li rrefera għaliha fil-mistoqsija,anke b’mod kunfidenzjali,nistiednu biex minnufih jinformani u/jekk iħoss il-ħtieġa jinforma anke lill-Pulizija.
Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet – fond ta’ assigurazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond ta’ assigurazzjoni kif previst mill-artikolu 53 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet (Kap. 296 tal-Liġijiet ta' Malta) qattx ġie mwaqqaf? Jekk iva, jista' jgħid meta dan ġie mwaqqaf u jekk għadux jeżisti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-fond t’assigurazzjoni ilu provdut fil-liġi mill-1982, skont Artikolu 53 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet (Kap. 296 tal-Liġijiet ta' Malta). Tali fond qatt ma ġie mwaqqaf matul dawn is-36 sena li għaddew. Fil-frattemp dejjem ġew applikati l-provedimenti tal-istess liġi, li jispeċifikaw li xi indennizzi li jista’ jkun hemm jitħallsu mill-Fond Konsolidat tal-Gvern.