Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet – reġistru ta’ artijiet li huma bi qbiela għand terzi jew vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet għandhiex katast (reġistru) ta' artijiet li huma tal-Gvern jew tal-Joint Office u jekk humiex bi qbiela għand terzi jew inkella vakanti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tip ta’ reġistru, li ġie mgħoddi lill-Awtorita tal-Artijiet mid-Dipartiment tal-Artijiet, jeżisti. Ngħarraf lill-Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu trid l-ewwel tiġi estratta mill-Geographical Information System u wara minn diversi fajls li għadhom ma ġewx diġitizzati fuq sistema elettronika. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont konsiderevoli ta' siegħat ta' xogħol u riżorsi sabiex tinġabar. Fl-assenza ta' raġuni valida għaliex l-Onor. Interpellant jixtieq jingħata din l-informazzjoni, ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Joint Office/Gvern – raba’ agrikola li mhux tinħadem/vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, lokalità b'lokalità, kemm-il tomna raba' agrikola tal-Gvern jew tal-Joint Office qiegħda bi qbiela għand terzi u kemm-il tomna raba' agrikola hi vakanti u ma qiegħed jaħdimha ħadd?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija impossibli tikkumpilaha riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment li ma sarx matul iż-żmien fi proċessi li jagħmlu din it-tip ta’ informazzjoni disponibbli u aċċessibli f’qasir żmien. Tapprezza li biex tinġabar l-informazzjoni fuq medda ta’ iktar minn 25 sena, tirrikjedi ħafna xogħol u ħin u jkun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv. Jekk l-Interpellant irid informazzjoni dwar xi każijiet speċifiċi, nitolbu jagħmel mistoqsija apposta u jagħtina aktar dettalji biex eventwalment tinġabar l-informazzjoni mitluba.

Trasferiment ta’ raba’ agrikola lill-persuni gradwati mill-MCAST (Ċentru tal-Agrikoltura)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiewa se jkunu jistgħu jibdew jittrasferixxu raba’ agrikolu fuq il-gradwati li jkunu lestew kors mill-MCAST miċ-Ċentru tal-Agrikoltura biex b'hekk aktar żgħażagħ jibdew karriera fl-agrikultura?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li din il-materja tifforma parti mill-wegħda elettorali li hemm referenza għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari 4687. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal din il-Mistoqsija Parlamentari.

Raħal Ġdid – zuntier tal-Knisja Parrokkjali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ix-xogħlijiet li qed isiru fiz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali f’Raħal il-Ġdid humiex ser ikunu lesti qabel l-aħħar tax-xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt laqgħa bejn il-kuntrattur tal-proġett u l-kappillan ġie deċiż li x-xogħol li jkopri t-tqegħid tal-pavimentar li jikkonsisti f’biċċiet tal-lava għat-taraġ taz-zuntier ikun lest sal-aħħar tax-xahar.
Leg 13 PQ #4813 Sitting 95 2018-03-20 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Deputati Parlamentari li huma impjegati fis-settur pubbliku

Question

Peress li dan l-aħħar dehru xi rapporti f’sezzjonijiet tal-midja dwar impjiegi mal-gvern u entitajiet pubbliċi barra mis-servizz pubbliku, inkluż il-każ tad-Deputat Parlamentari li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u peress li l-impjieg fis-settur pubbliku huwa regolat b’Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni u li kull impjieg ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar (jiġifieri Jobs Plus jew l-ekwivalenti tiegħu fil-passat), jista’ l-Prim Ministru jgħid: 1) min huma dawk id-deputati eletti fil-Parlament li sal-jum tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija huma impjegati fis-settur pubbliku u/jew li qed joffru servizzi ta’ konsulenza b’kuntratt lill-istess settur pubbliku, fit-tliet kategoriji msemmija (a) Dipartimenti tal-Gvern, (b) Korpi Pubbliċi jew Awtoritajiet u (ċ) kumpaniji kummerċjali fejn il-gvern għandu l-kontroll effettiv; 2) meta kienu ingaġġati dawn id-deputati fis-servizz pubbliku jew entitajiet fuq imsemmija u b’liema metodu msemmija fil-Kostituzzjoni; 3) x’kuntratt ta’ impjieg/servizz għandhom dawn id-deputati kif ukoll id-dħul gross annwali tagħhom; u 4) x’inhi l-kariga u grad li jokkupaw illum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Sigħat ta’ xogħol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi n-numru ta’ sigħat li ħadem fix-xahar, maqsuma xahar b’xahar, mill-bidu tal-kuntratt tal-impjieg tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mingħajr ma jsir ksur tal-liġi tal-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll jirrispondi jekk is-servizz li jingħata lill-post tax-xogħol tal-individwu jiġix mogħti minn persuni oltre f’isem din il-persuna, u kemm taw siegħat xogħol fix-xahar, xahar b’xahar, mill-bidu tal-2017 ‘il-quddiem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti iżomm biss l-attendenzi sa sentejn minn meta jkunu ġew iffirmati. Għaldaqstant l-Kunsill jixtieq jgħarraf li l-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separament ħadem skond kif inhu stipulat fil-kuntratt tax-xogħol tiegħu. Jien ngħarraf ukoll li x-xogħol tal-individwu ma ngħatax minn persuni oħra f’isem l-individwu mill-2017 –il quddiem.

Baħrija – ir-Ropp – katusi miżduda

Question

Nirreferi għall-inħawi ta’ Ir-Ropp (Ras ir-Raħeb) il-Baħrija u l-ġibjun tal-ilma. Il-katusi li jilqgħu l-ilma ilhom miżduda bil-ġebel żmien, u f’xitwa sħiħa minkejja l-ilmenti li saru ma ġewx irranġati. L-ilma tal-ġibjun li jintuża bejn il-bdiewa fis-sajf jidher li mhux ser jinġabar. Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm biex il-katusi miżduda bil-ġebel jinbidlu? Jista’ jgħid meta għandu jinbeda dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan l-ilment lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura biex jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.

Sptar Mater Dei – PET Scan

Question

B’referenza għal użu tal-PET Scan tal-Isptar Mater Dei, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kemm ibbenefikaw pazjenti mill-użu tiegħu fis-sena 2017; b. kemm ibbenefikaw pazjenti mill-użu tiegħu sal-aħħar ta’ Frar 2018; c. kemm-il darba fis-sena 2017 u f’Jannar u Frar ta’ din is-sena ġie kkuntratjat xogħol privat; u d. kemm-il darba l-PET Scan ġarrab ħsarat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ PET scans li saru huwa kif mniżżel hawn taħt. Numru ta’ PET scans li saru 2013(Ott-Diċ) 126 2014 935 2015 1194 2016 1589 2017 1686 Kien hemm tlettax-il sessjoni fis-sena 2017 fi sptarijiet privati f’Malta. Dawn is-sessjonijiet fil-privat ma jsirux bilfors għax il-PET scanner f’Mater Dei ikun bil-ħsara imma biex l-ammont limitu ta’ tracer radjuattiv li jkun inġib Malta jintuża bl-aħjar mod għal benefiċċju tal-pazjenti tagħna. Il- PET scanner indikat kellu medja ta’ 14.7 il-ġurnata fis-sena, f’dawn l-aħħar tlett snin, taħt manutenzjoni ġeneralment preventiva.

Ħruġ ta’ permess biex tobba jipparkjaw b’urġenza fejn mhux suppost

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux jinħareġ permess biex tobba tal-familja jkunu privileġġatti biex ikunu jistgħu jipparkjaw b’urġenza f’postijiet fejn mhux suppost, waqt ħidmiethom b’visti fid-djar ta’ pazjenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kull meta saru talbiet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinħarġu permessi lit-tobba biex ikunu jistgħu jipparkjaw waqt visti għand pazjenti, f’ċirkustanzi kif deskritti mill-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati u joħorġu l-permessi.

Urology Outreach Service

Question

B’referenza għall-Urology Outreach Service fil-komunità, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kif inhi l-proċedura għall-applikazzjoni ta’ dan is-servizz; b. f’kemm żmien jinqeda pazjent minn meta jissejjaħ għas-servizz; c. kemm ibbenefikaw pazjenti fis-sena 2017; d. kemm saru visti fis-sena 2017; e. kemm hi l-lista ta’ stennija; u f. kemm hemm ħaddiema kwalifikati f’dan il-qasam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz għall-Urology Outreach Service fil-komunità jintalab permezz ta’ referral minn professjonisti skont parametri indikati. L-appuntamenti jsiru skont l-indikazzjoni klinika u l-maġġoranza assoluta tal-pazjenti jingħataw appuntament fi żmien ġimgħatejn minn dak indikat fuq ir-referral ticket. Matul l-2017 ibbenefikaw 2,682 pazjenti u saru 559 visti fid-djar.

Salini – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jara min hu responsabbli sabiex jiġu nstallati 12-il bus shelter li hemm nieqsa minn ħdejn il-grawnd tal-futbol ta’ Sirens FC u tul Triq il-Kosta kollha li tinkludi wkoll il-viċinanzi taż-żona residenzjali fis-Salini? (Din id-domanda ilhi nagħmilha għal aktar minn sentejn).

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament ġie identifikat il-kuntrattur il-ġdid inkarigat mill-installazzjoni tal-bus shelters ġodda f'diversi lokalitajjiet f'Malta u Għawdex fuq in-network tat-trasport pubbliku. Fost dawn hemm dawk fi Triq il-Kosta li jinkludu il-bus shelters li hemm referenza għalihom f'din il-mistoqsija.

Gudja – xogħlijiet fil-ġonna pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex previst li tul din is-sena jsiru t-tiswijiet u l-kura neċessarja fil-ġonna pubbliċi li hemm fil-Gudja, peress li dawn ix-xogħlijiet issa ilhom ix-xhur sabiex isiru u mhux ċert min għandu jesegwixxi tali xogħol?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġonna ġewwa l-Gudja kienu ġew devoluti lill-Kunsill Lokali ta’ l-istess lokalità u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Gudja – xogħlijiet fil-ġonna pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba huwiex previst li tul din is-sena jsiru t-tiswijiet u l-kura neċessarja fil-ġonna pubbliċi li hemm fil-Gudja peress li dawn ix-xogħlijiet issa ilhom ix-xhur sabiex isiru?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li l-Kunsill jinsab f’kuntatt mal-Ministeru tal-Infrastruttura u Proġetti Kapitali dwar ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Raymond Caruana u ma’ Projects Malta dwar Ġnien Ġlormu Cassar.

Gudja – tiswijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex previst li tul din is-sena jsiru t-tiswijiet neċessarji fit-toroq fil-Gudja peress li dawn issa ilhom xhur sabiex isiru b’detriment għar-residenti anzjani?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li regolarment jagħmel xogħlijiet ta’ tiswija ta’ toroq.

Spejjeż peritali f’kawżi kriminali — ġbir

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inġabru mill-ispejjeż peritali f’kawżi kriminali lura tul is-sena li għaddiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati Kriminali ta’ Malta inġabru €116,836.87 mill-ispejjeż peritali f’kawżi kriminali matul is-sena 2017, filwaqt li fil-Qorti Kriminali ta’ Għawdex inġabru €5,743.60 mill-spejjeż peritali f’kawżi kriminali matul is-sena 2017.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4594 u ċjoè: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il ħaddiem iddaħħal jaħdem mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda u jagħti l-grad u t-titlu li ngħata kull ħaddiem? Jista’ jgħid ukoll f'liema sezzjoni tal-FMS qiegħed jaħdem bħalissa, kull ħaddiem ingaġġat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2014 sal-lum ġew ingaġġati 218 mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Minn dawn ġew terminati 53 ħaddiem. Dawn il-ħaddiema jokkupaw diversi karigi kif ukoll jagħtu s-servizzi tagħhom f’dipartimenti u entitajiet differenti fid-dipartiment tas-Saħħa dejjem skond l-esiġenzi tas-servizz u fl-aqwa interess għal-pazjenti tagħna.

San Vinċenz de Paul – Kap Eżekuttiv

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4449 fejn irreferejtni għal sensiela ta’ tweġibiet mogħtija fil-leġiżlatura preċedenti li, fis-sustanza jgħidu li l-persuna li isimha ngħata minni separatament kienet ingħatat l-awtorizzazzjoni tas-Segretarju Permanenti biex tagħmel xogħol privat skont kif stipulat fil-Public Service Management Code, wara li fl-1 ta’ Ġunju 2013 kienet ġiet maħtura f'pożizzjoni ta' fiduċja fi rwol ta’ Kap Eżekuttiv fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paul, meta dan ix-xogħol privat mill-persuna konċernata jikkonsisti f’xogħol ta’ tabib u t-tmexxija ta’ klinika privata f'San Pawl il-Baħar, liema xogħol jikkonfliġġi b’mod ċar mal-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħha bħala Kap Eżekuttiv tar-Residenza msemmija li sservi kemm bħala sptar kif ukoll bħala nursing home, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu biex dan il-kunflitt u dan il-ksur tal-Kodiċi ta’ Etika jitwaqqaf, anke in vista ta’ Paragrafu 6.2.3.1. tal-Public Service Management Code intitolat ‘Private Work’ u ta’ Taqsima B tal-Kodiċi ta’ Etika intitolata “Konflitti ta’ Interess”?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 4449, kif ukoll id-diversi tweġibiet li diġà ngħataw fuq l-istess suġġett matul il-leġiżlatura preċedenti.

Twaħħil ta’ meters għal servizzi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħaddi informazzjoni fuq kemm fl-aħħar għaxar snin (2007-2017) ġew imwaħħlin meters għal servizzi ġodda ta’ dawl (jiġifieri mhux li nbidlu għal raġuni ta' ħsara jew meta saret il-bidla għal SMART meters), kull sena? L-informazzjoni mitluba għandha tiġi maqsuma f'meters għal servizzi ġodda installati għal dawk residenzjali u kummerċjali f'kull sena tul l-istess perjodu mitlub.

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: Sena Servizzi ġodda (Residenzjali/Kummerċjali) Meters Kompluti 2017 Residenzjali 8,365 2017 Kummerċjali 1,331 2016 Residenzjali 7,314 2016 Kummerċjali 1,240 2015 Residenzjali 8,111 2015 Kummerċjali 1,558 2014 Residenzjali 9,693 2014 Kummerċjali 1,818 2013 Residenzjali 7,363 2013 Kummerċjali 1,505 2012 Residenzjali 6,403 2012 Kummerċjali 1,524 2011 Residenzjali 3,830 2011 Kummerċjali 1,253 2010 Residenzjali 4,708 2010 Kummerċjali 1,101 L-informazzjoni għas-snin 2007 sal-2009 għadha qed tinġabar.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm saru ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.