Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hu responsabbli, għandha? Jista' jgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?
Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hu responsabbli, għandha? Jista' jgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 1079 magħmula mill-istess Interpellant.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru telenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hi responsabbli, għandha? Tista' tgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Direct orders bejn l-2008 u l-2013
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija huwa kif muri fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:
Lista ‘A’ – Dipartiment Strateġija u Sapport
Lista ‘B’ - Università ta’ Malta
Lista ‘C’ – l-Entitajiet fi ħdan il-MEDE (minbarra l-UoM)
Attachments:PQ 4048 - Lista 'A' - Dipt. Strateġija u Sapport.pdfPQ 4048 - Lista 'B' - UoM.pdfPQ 4048 - Lista 'C' -All entities (excl. UoM).pdf
Transport Malta – soluzzjoni għall-problema ta’ traffiku mis-Siġġiewi lejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettqet l-Awtorità għat-Trasport f'Malta min-nhar it-2 ta' Ottubru 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex tissolva l-problema kbira ta' konġestjoni tat-traffiku li jiltaqgħu magħha s-sewwieqa b'mod partikolari fil-ħinijiet ta' filgħodu biex joħorġu mis-Siġġiewi lejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi u ċjoè fil-parti fejn tinsab ir-roundabout bejn Triq is-Siġġiewi u Triq l-Imdina f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (BORG, IAN)
F'Ġunju li għadda, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali talab lil Transport Malta sabiex immedjatament jimplimenta għadd ta' ħidmiet f'toroq u junctions ewlenin ħalli jsiru aktar effiċjenti u sikuri, b'inqas diffikultajiet ta' dewmien fl-ivjaġġar u b'inqas riskji ta' inċidenti. Ix-xogħol beda mill-ewwel, matul l-istess sajf, f'diversi ħoloq ewlenin tas-sistema tat-toroq tal-pajjiż.
Id-diffikultajiet fid-disinn tar-roundabouts u junctions fir-rotta tat-toroq ewlenin bejn Ħal Luqa, Ħal Qormi, Ħaż Żebbuġ, is-Siġġiewi, ir-Rabat, Ħ'Attard u l-Mosta huma waħda mill-prioritajiet ta' dawn il-ħidmiet. Fil-fatt, diġà sar titjib konsiderevoli bil-proġetti ta' disinn u bini mill-ġdid tar-roundabouts ewlenin f'Ħal Qormi u t-triq ewlenija li tgħaqqadhom, Triq Manwel Dimech, li issa twessgħet minn tnejn għal erba' korsiji. Fl-istess waqt, permezz tat-twessigħ ta' waħda mill-aktar partijiet dojoq ta' Triq l-Imdina f'Ħal Qormi, tneħħa ostaklu ewlieni li kien iwassal għal ħafna dewmien għal dawk li jivvjaġġaw mis-Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ lejn Ħal Qormi.
Ix-xogħol ta' titjib f'din ir-rotta għadu għaddej. Bħalissa qed tinbena mill-ġdid ir-roundabout ta' biswit ir-Residenza San Vincenz de Paule u Triq Ħal Farruġ. Fiż-żmien li ġej, il-ħidma se tkompli bi proġetti oħra simili li jwasslu għal aktar tnaqqis fid-diffikultajiet li għad baqa' matul din ir-rotta ewlenija. Transport Malta qed tħejji diversi soluzzjonijiet sabiex jitkompla dan it-titjib fl-inħawi ta' Ħaż Żebbuġ, fosthom it-tliet roundabouts ewlenin f'din il-lokalità. Qed jitlestew ukoll pjanijiet sabiex isir titjib f'inħawi oħra, fosthom fit-triq ewlenija mill-Imrieħel lejn Ħ'Attard, Ħaż Żebbuġ u r-Rabat, kif ukoll fi Triq Buqana, li tgħaqqad din ir-rotta mal-Mosta u l-Imġarr.
F'din il-ħidma, qed jiġu kkunsidrati diversi proposti li tressqu mill-periti ta' Transport Malta u minn entitajiet, komunitajiet u individwi oħra li jgħixu, jaħdmu jew jivvjaġġaw f' dawn l-inħawi. Filwaqt li l-pjanijiet jitħabbru hekk kif ikunu ffinalizzati minn Transport Malta u kkunsidrati mill-awtoritajiet konċernati, il-ħidma għal aktar kwalità, effiċjenza u sigurtà fit-toroq ta' pajji¿na ser tibqa' għaddejja kontinwament.
Jista' l-Prim Ministru jgħid, kemm-il ordni ħareġ li permezz tiegħu persuna ġiet imċaħħda miċ-ċittadinanza Maltija sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' għal kull wieħed mill-ordnijiet, jindika d-data ta' meta nħareġ, ir-raġuni għalfejn inħareġ l-ordni u jekk il-persuna kenitx ċittadina Maltija b'reġistrazzjoni, b'naturalizzazzjoni jew inkella taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qiegħed jirreferi għan-numru ta’ persuni li ġew deprivati miċ-Ċittadinanza Maltija kif provdut taħt l-artikolu 14(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta), mill-2013 sallum ma nħarġet l-ebda ordni ta’ Privazzjoni ta' Ċittadinanza Maltija.
Identità Malta – applikazzjonijiet sabiex persuna tiġi naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid, kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Aġenzija Identità Malta sabiex persuna tiġi naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta taħt l-artikolu 10(9)(ċ) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jindika għal kull waħda mill-applikazzjonijiet in-nazzjonalità tal-persuna li applikat u x'inhu s-servizz eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità, jew għaliex huwa fl-interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta li l-persuna tiġi naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija Identità Malta ma rċeviet l-ebda applikazzjoni mis-sena 2017 sabiex persuna tiġi naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali taħt l-artikolu 10(9)(ċ) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta). Infakkar lill-Onor Interpellant illi l-obbligu ta’ informazzjoni pubblika dwar persuni li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija huwa limitat għall-isem u l-kunjom, li jiġu ppubblikati darba f’sena fil-Gazzetta tal-Gvern u ma ssir l-ebda distinzjoni taħt liema provediment tal-liġi tkun ingħatat iċ-ċittadinanza.
Persuni li ġew naturalizzati bħala ċittadini ta’ Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid, kemm-il persuna ġiet naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta taħt l-artikolu 10(9)(ċ) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jgħid għal kull waħda mill-imsemmija persuni, in-nazzjonalità tal-persuna li ġiet naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta u x'kien s-servizz eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità, jew għaliex kien fl-interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta li l-persuna tiġi naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda persuna ma ġiet naturalizzata bħala ċittadin ta’ Malta dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali taħt l-artikolu 10(9)(ċ) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2017 sallum. Infakkar lill-Onor Interpellant li l-obbligu ta’ informazzjoni pubblika dwar persuni li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija huwa limitat għall-isem u l-kunjom, li jiġu ppubblikati darba f’sena fil-Gazzetta tal-Gvern u ma ssir l-ebda distinzjoni taħt liema provediment tal-liġi tkun ingħatat iċ-ċittadinanza.
Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali — Bord ta’ Evalwazzjoni – Chairperson u membri
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid, min kienu u min huma l-persuni li servew jew qegħdin iservu bħala Chairperson u membri tat-tliet panels tal-Bord ta' Evalwazzjoni skont dak li jipprovdi r-regolament 7 tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 188.04) mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li servew bħala Chairperson u membri tat-tliet panels tal-Bord ta' Evalwazzjoni dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza bil-Mertu għal Servizzi Eċċezzjonali mis-sena 2017 huma kif ġej:
Chairperson:
Dr. Isabelle Gonzi
Membri (għarfien fl-isport):
Mr. Rodney Pisani
Ms. Joanna Camilleri
Membri (għarfien fil-kultura u arti):
Ms. Catherine Tabone
Dr. Trevor Borg
Membri (għarfien fix-xjenza u innovazzjoni):
Prof. Angela Xuereb
Segretarju
Mr. Christopher Falzon
Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali — Bord ta’ Evalwazzjoni – segretarju
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid, min kienu l-persuni maħtura minnu biex iservu ta' Segretarju u uffiċjali oħra tal-Bord ta' Evalwazzjoni skont dak li jipprovdi r-regolament 7 tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 188.04)? Jista' l-Prim Ministru jgħid fir-rigward ta’ uffiċjali oħra, x'inhuma d-dmirijiet tagħhom mis-sena 2017 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li qegħdin iservu bħala Segretarju u uffiċċjali oħra tal-Bord ta' Evalwazzjoni dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza bil-Mertu għal Servizzi Eċċezzjonali huma kif imsemmija fir-risposta għal-Mistoqsija Parlamentari nru. 4342 u ċioe`:
Chairperson
Dr. Isabelle Gonzi
Membri (għarfien fl-isport):
Mr. Rodney Pisani
Ms. Joanna Camilleri
Membri (għarfien fil-kultura u arti):
Ms. Catherine Tabone
Dr. Trevor Borg
Membri (għarfien fix-xjenza u innovazzjoni):
Prof. Angela Xuereb
Segretarju
Mr. Christopher Falzon
Id-dmirijiet tagħhom huma kif stipulati fl-istess Leġiżlazzjoni Sussidjarja 188.04 u ċjoè li jivvalutaw applikazzjonijiet magħmula taħt artikolu 10(9)(ċ) tal-Att u biex iħejju opinjoni, bir-raġunijiet għaliha, fir-rigward ta’ kull applikazzjoni li ssir taħt l-istess Leġiżlazzjoni.
Persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija — approvazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk, kienx hemm persuni li dwarhom huwa ta l-approvazzjoni tiegħu biex il-persuna tingħata ċ-ċittadinanza Maltija taħt l-artikolu 10(9)(ċ) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta) skont dak li jipprovdi r-regolament 6 tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (Leġislazzjoni Sussidjarja 188.04) mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ma kien hemm l-ebda persuna li dwarha ingħatat l-approvazzjoni tal-Prim Ministru sabiex tingħata iċ-ċittadinanza Maltija kif provdut f’Regolament 6 dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (Leġislazzjoni Sussidjarja 188.04) taħt l-artikolu 10(9)(ċ) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2017 sallum. Infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-obbligu ta’ informazzjoni pubblika dwar persuni li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija huwa limitat għall-isem u l-kunjom, li jiġu ppubblikati darba f’sena fil-Gazzetta tal-Gvern u ma ssir l-ebda distinzjoni taħt liema provediment tal-liġi tkun ingħatat iċ-ċittadinanza
Awtorità tal-Ippjanar – development brief tal-Masterplan ta’ Marsalforn u Xlendi
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2695 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar għad-development brief tal-Masterplan ta' Marsalforn u Xlendi? Min huma l-periti nkarigati minn dan il-proċess min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Meta hu previst li jkun hemm konsultazzjoni mal-pubbliku dwar dan il-proġett kif ukoll meta hu previst li jibdew ix-xogħlijiet infrastrutturali?
Korsijiet tal-Institute for Public Service – għajnuna monetarja
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2694 u jgħid x'tip ta' għajnuna monetarja jew x’tip ta' għajnuna oħra qed jingħataw dawk l-uffiċjali pubbliċi li jkunu obbligati jagħmlu korsijiet fl-Institute for Public Service? Jista’ jgħid kemm-il kors organizza dan l-Istitut ġewwa Għawdex, kemm ilu mwaqqaf? Meta saru dawn il-korsijiet u kemm attendew għal kull kors kif ukoll min seta' japplika għal kull kors li sar f'Għawdex?
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija 3175 u tgħid kemm-il quote nħarġet mill-Ministeru għal Għawdex u mid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid kemm kien il-valur ta' kull quote li nħarġet? Tista' tgħid liema dipartiment jew entità tat kull waħda mill-quotes preċedentament imsemmija? Tista' tgħid x'kien ix-xogħol jew servizz rikjest minn kull quote u li ngħatat? Tista' tgħid ukoll jekk kienx hemm quotes li tħallsu bis-siegħa u f'tali każ tgħid liema kienu u tinkludi wkoll kemm-il siegħa ta' xogħol kien hemm involuti? Tista’ tgħid ukoll min kienet il-persuna u x'kariga tokkupa li ċċertifikat ix-xogħol, u kemm hemm kontijiet pendenti fuq quotes?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – Nefqa fuq PR u media events
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija 3176 u tgħid matul is-snin 2015, 2016 u 2017 xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru għal Għawdex? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika, quote jew direct order?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ Numru 4354 - Nefqa fuq PR u Media Events (002).pdf
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3214 u tgħid, bejn Marzu 2013 sal-lum, liema xogħlijiet saru f’kull waħda mill-14-il lokalità f’Għawdex mir-Roads Department li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ telenka dawn ix-xogħlijiet lokalità b’lokalità? F'kull każ, ix-xogħol sar wara talba tal-kunsill lokali konċernat jew fuq inizjattiva tal-Ministeru jew Dipartiment tagħha?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumentazzjoni relatata ma’ dawn it toroq, bħalissa hija suġġetta għall-investigazzjoni, u għalhekk m’għandniex aċċess għaliha.
MCCAA — Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – emendi fil-liġi
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1990, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġu ppubblikati l-emendi fil-liġi, maħsuba biex id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ikollu l-poteri neċessarji biex jassigura konformità mal-liġijiet dwar l-kompetizzjoni u dan fid-dawl ta’ dak li ġie deċiż mill-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza li ngħatat f’Mejju 2016 fil-każ bejn il-Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et? Sadanittant x'miżuri hemm fis-seħħ biex l-istess Direttur Ġenerali jkun jista’ effettivament jimponi penalitajiet kontra min ma jkunx konformi ma’ xi dispożizzjoni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' abbozzar ta' emendi fl-Att dwar l-Awtorità ta' Malta għall-kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, fl-Att dwar il-Kompetizzjoni, l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u fil-liġijiet sussidjarji tagħhom wasal fi tmiemu.
Għalkemm l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mhux f'pożizzjoni li jimponi multi xorta għadu għaddej bil-ħidma tiegħu u fejn ħass il-ħtieġa uża l-poteri li ttih il-liġi bħal impożizzjoni ta' miżuri interim fuq numru ta' intrapriżi, liema intrapriżi imxew mal-miżuri imposti fuqhom mill-Uffiċċju. L-Uffiċċju evalwa wkoll numru ta’ amalgamazzjonijiet u akkwisti filwaqt li għadu għaddej bl- investigazzjonijiet tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda elettorali li saret mill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet li kienet tgħid li “l-bdiewa u s-sajjieda ma jħallsux income tax billi titneħħa t-3% taxxa ikkalkulata fuq il-bejgħ globali”?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Joint Office – bdiewa u raħħala – artijiet/irziezet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li għandu jwassal biex il-bdiewa u r-raħħala li qed jaħdmu art jew għandhom irziezet tal-Gvern u/jew amministrati mill-Joint Office biex ikollhom titlu legali b'saħħtu biex dawn is-setturi jkunu jistgħu jinvestu fir-raba’/irziezet tagħhom? Peress li din kienet waħda mill-wegħdi elettorali kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista, ma jħossx il-Ministru li din il-wegħda elettorali għandha titwettaq mill-aktar fis possibbli u li għandha tingħata l-prijorità neċessarja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jagħti l-akbar importanza għall-wegħda li qed jirreferi għaliha u fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ser ikun qed iħabbar il-miżuri li ser jittieħdu fir-rigward.
Bdiewa – trasferiment ta’ art agrikola lill-bdiewa oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdiewa li jixtiequ jittrasferixxu fuq bdiewa oħra, art agrikola li hi tal-Gvern jew tal-Joint Office li qiegħda għandhom bi qbiela, kif jistgħu jagħmlu dan? (bdiewa bona fede li jittrasferixxu t-titlu legali ta’ art, raba’ jew irziezet li huma jkunu jgawdu lill-ulied, aħwa u/jew neputijiet kemm inter vivos u kemm causa mortis u tingħata l-opportunità li jsiru wkoll trasferimenti bejn bdiewa reġistrati bejniethom.)
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi żmien qarib, kull min ikollu interess, għandu jagħmel applikazzjoni minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Artijiet. Kull każ jiġi ġġudikat separatament skont il-mertu tiegħu abbażi tal-Avviż Legali 159 tal-2017. Fir-rigward tal-irziezet, dawn iridu jkunu wkoll konformi mal-liġijiet relattivi Maltin u Ewropej.
Finalment dawn l-applikazzjonijiet jiġu ġġudikati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità.