Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #4989 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr — xogħol

Question

Tista' l-Ministru tara li titranġa Triq l-Imġarr in-Nadur, b'mod partikolari u preċiżament il-parti ftit ‘l isfel mill-grawnd tan-Nadur Youngsters FC, fejn hemm sink hole li hemm bżonn titħaffer u tittranġa bla ebda dewmien?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4429.

Manikata – Triq il-Manikata u Triq il-Fuħħar – One ways

Question

Peress li ħafna vetturi kważi kuljum jispiċċaw jeħlu minħabba traffiku ta' vetturi kbar li jiltaqgħu magħhom f'Triq il-Manikata, triq li hi tajba biss sabiex tkun One Way, jista' l-Ministru jikkonsidra li Triq il-Manikata u Triq il-Fuħħar, it-tnejn fil-Manikata, isiru One Way?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta fasslet proposta ta’ One way System u għaddietha lill-Kunsill Lokali għall-konsultazzjoni. Sussegwentament, saret laqgħa ta’ konsultazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u r-residenti. Wara din il-laqgħa il-Kunsill Lokali ressaq it-talbiet tiegħu għal ‘No Entry for Heavy Vehicles Except to Render a Service’ u ta’ ‘30km Speed Limit’ u talab li titwessa Triq il-Manikata sabiex it-traffiku jibqa’ jgħaddi fiż-żewg direzzjonijiet.

Mellieħa – Triq il-Mellieħa – rimedju ta’ kisra angolata

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rremedjata l-kisra angolata ta’ 45 degrees, u perikoluża ħafna fi Triq il-Mellieħa, il-Mellieħa, fejn anke reċentement inqalbet vettura b'passiġġieri, u li ma kenux għall-barriers, il-vettura kienet tispiċċa diversi sulari ‘l isfel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tqis is-sigurtà tad-disinn ta' din il-parti tat-triq fil-kampanja (rural road) imsemmija, sabiex jekk ikun meħtieġ xi tibdil, jitwettaq mill-aktar fis.

Triq tal-Wiġa – tranġar ta’ kanal

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq tal-Wiġa tiġi rranġata peress li tħaffer kanal fond b’tali mod li huwa perikoluż immens għan-numru kbir ta' vetturi li jgħaddu minn din it-triq kuljum?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-lokalità li għaliha qed issir referenza sabiex tkun tista' tingħata t-tweġiba meħtieġa.

Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’rakkomandazzjonijiet elenkaw il-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali li ilu mwaqqaf mill-bidu tas-sena li għaddiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord għas-Saħħa Mentali jiddiskuti materji varji relattati mal-qasam tas-Saħħa Mentali. Sadanittant fil-ġimgħat li għaddew sar xi tibdil fil-membri tal-bord imsemmi minnu u ġew maħtura chairperson u membru ġdid.

Is-Servizz tal-Co-Parenting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti s-servizz tal-Co-Parenting? Meta twaqqaf dan il-programm u kemm kien hemm koppji li għamlu użu minnu? X’wieħed jista’ jagħmel biex jagħmel użu minn dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, dan is-servizz huwa proġett pilota, bil-għan li jgħin lill-ġenituri li jkunu għaddejjin minn seperazzjoni, jiffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum kemm bħala individwi u anke bħala ġenituri. Il-programm jindirizza temi speċifiċi bil-għan li l-interessi tat-tfal dejjem jiġu mħarsa. Waħda mill-akbar sfidi li ħafna ġenituri jiltaqgħu magħha hi kif itejjbu l-komunikazzjoni mal-ġenitur l-iehor sabiex il-bżonnijiet tat-tfal dejjem ikunu prijorità. Il-klijenti jingħataw l-ispazju jitkellmu fuq l-impatt li s-separazzjoni tkun ħalliet fuqhom u jiġu mgħallma kif jistgħu jieħdu ħsieb aħjar tagħhom infushom. L-għan aħħari ta’ dan il-programm hu li l-ġenituri jgħinu lil uliedhom jifhmu aħjar il-proċess ta’ separazzjoni b’mod emozzjonali u prattiku. Il-programm ġie mniedi f’Ġunju tal-2017, fejn tminn professjonisti ġew imħarrġa barra minn Malta, speċifikament fl-Irlanda, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar għajnuna lill-familji li jersqu lejn il-Fondanzzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali. Il-programm beda jopera f’Settembru tal-2017. Sa Diċembru tal-2017, 52 persuna irrikorrew għall-għajnuna tal-Coparenting. Fil-preżent hemm 30 persuna f’kuntatt ma’ dan is-servizz. Dawk kollha li attendew għas-sessjonijiet tal-Copareting, kellhom kliem ta’ tifħir fuq l-programm imħejji, hekk kif fi kliemhom stess, il-programm huwa ta’ għajnuna kbira kemm għax tgħallmu ħiliet ġodda, kabbru l-għarfien tagħhom fuq x’inhuma l-bżonnijiet t’uliedhom u wkoll għax sabu s-sapport ta’ professjonisti esperti fil-qasam u ltaqgħu ma’ individwi oħra li wkoll kienu għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili. Kull min juri x-xewqa li jattendi, jgħaddi minn proċess ta’ screening fejn jiġu diskussi l-għanijiet li l-individwu jkun jixtieq jilħaq. Il-programm huwa mifrux fuq medja ta’ 6 ġimgħat, fejn ikun hemm 6 laqgħat ta’ 3 siegħat il-waħda, kollha immexxija minn professjonisti mħarrġa fis-settur. Kull min huwa interessat fis-servizz, jista’ jagħmel kuntatt mas-Servizz tal-Coparenting fuq in-numru telefoniku 22959000 jew permezz ta email fuq coparenting@gov.mt.

Ħaddiema fis-Servizzi tas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm ħaddiema neqsin f’kull servizz mogħti fil-qasam tas-saħħa mentali? X’qiegħed isir biex dawn il-postijiet vakanti jimtlew kemm jista’ jkun malajr?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reklutaġġ isir skont il-proċeduri stabbiliti fis-Servizz Pubbliku u l-esiġenzi tas-servizz. F’dawn il-ġranet, kif jiġri kull sena qegħda ssir kampanja kongunta mid-Dipartiment tas-Saħħa u l-MUMN sabiex aktar żagħżagħ jitħajru jitħarrġu f’dan is-settur.

Care Plan Coordinators fil-qasam tas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx impjegati bħala Care Plan Coordinators fil-qasam tas-Saħħa Mentali sabiex jaraw li l-programmi mfassla mit-team multi-dixxiplinarju fil-care plans tal-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, ikunu qed jiġu implimentati u konformi mal-pjan ta’ kura miftiehem?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-moniteraġġ tal-Care Plans isir bħala parti mill-audits u sistemi ta’ moniteraġġ tas-servizz kemm mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u kif ukoll mid-Dipartiment tal-Psikjatrija.

Każijiet ta’ suwiċidji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li kkommettew suwiċidju fis-snin 2015, 2016 u s-sena l-oħra? F’kull każ, jista’ jagħti wkoll l-età ta’ dawn il-persuni u kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 27335, tat-tnax il-leġiżlatura.
Leg 13 PQ #4998 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta – delays

Question

Fid-dawl tad-delays li kellha l-Airmalta, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il passiġġier ġie affetwat f’dawn l-aħħar tmint ijiem? Jista’ jgħid xi spejjeż totali ġarrbet l-Airmalta? Jista’ l-Ministru jelenka t-titjiriet kollha minn u lejn Malta li ġew affettwati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Din is-sena l-Air Malta imbarkat bi skeda ambizzjuża fejn se topera 18,230 titjira, operazzjoni kumplessa b'madwar 250 titjira fil-ġimgħa. Biex topera din l-iskeda, li matul is-sena li għaddiet rat total ta 14-il destinazzjoni addizzjonali u 3 rotot intra-Ewropej, il-linja tal-ajru għamlet arranġamenti biex ikollha żewġ ajruplani addizzjonali biex tingħaqad mal-flotta tagħha u żżid il-kapaċità tagħha. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-passiġġieri li kienu affetwati b’ delays fuq it-tijiriet tal-Air Malta ngħataw l-għajnuna kollha meħtieġa, fosthom akkomodazzjoni fejn kien hemm meħtieġ, kif ukoll ser jingħataw il-kumpens skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea. Il-maġġoranza ta’ dawn id-delays saru minħabba ħsarat tekniċi li ġġarbu minn ajruplan li kien wet-leased minħabba li d-9 ajruplan ġie delayed mis- supplier .

Kunsill Lokali Mellieħa – minuti tal-laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, li saru bejn Marzu 2008 u Marzu 2013, fejn matulhom issemma jew ġie diskuss il-proġett ta’ bini ta’ appartamenti fiż-żona Ta’ Masrija, liema binja tagħti wkoll fuq il-bypass tal-Mellieħa? Jekk jogħġbu l-Ministru jista’ jpoġġi wkoll kull korrispondenza li kien hemm bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u entitajiet/awtoritajiet governattivi dwar dan il-proġett matul dawn is-snin imsemmija?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba għall-perjodu ndikat mill-Onor. Interpellant, hekk kif provduti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Leg 13 PQ #5001 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Kontrolli fuq burdnara Sqallin

Question

Wara rapporti li dehru f’gazzetta partikolari nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu 2018, dwar nuqqas ta’ kontrolli fuq burdnara Sqallin li jiġu bix-xogħol hawn Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fatti kif preżentati minn din il-gazzetta humiex veri? Jista’ l-Ministru jindika jekk jintalbux dokumenti hekk kif dawn it-trakkijiet bix-xogħol jaslu hawn Malta? U jekk jogħġbu l-Ministru jista’ jindika wkoll xi spezzjonijiet isiru mid-Dwana fuq dawn it-trakkijiet?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-merkanzija li tinġarr fuq is-servizz tal-katamaran bejn Malta u Sqallija, u servizzi oħra simili ta’ regular shipping service, hi meqjusa li hi dejjem żdoganata u libera li tinġarr minn pajjiż tal-Ewropa għal ieħor (in free circulation). Għalhekk il-kontroll min-naħa tad-Dwana fuq il-merkanzija li tasal b’servizzi ta’ regular shipping hu limitat, u fejn jidħol l-element fiskali jiffoka fuq prodotti suġġetti għas-sisa. Id-Dwana teżerċita kontroll ukoll fejn ikun hemm suspett ta’ importazzjoni ta’ oġġetti ristretti jew projbiti. F’dan is-sens, id-Dwana Maltija taġixxi skont ir-regoli kollha tal-Unjoni Ewropea.
Leg 13 PQ #5002 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Bdil tal-proċeduri fis-sottomissjoni u pagamenti tal-formoli tal-VAT u tat-Taxxi Interni

Question

B’referenza għall-komunikat li tqassam mid-Dipartiment tal-VAT taħt il-heading tal-Kummissarju għad-Dħul fejn ġie indikat li min-nhar it-2 t’April 2018 se jinbidlu diversi proċeduri relatati mas-sottomissjoni u pagamenti tal-formoli tal-VAT u tat-Taxxi Interni, jista’ l-Ministru jindika x’konsultazzjonijiet saru biex ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn nhar it-Tnejn 2 ta’ April, l-Uffiċju tal-Kummissajru tat-Taxxi beda jagħti servizz ta’ Customer Care lin-negozji żgħar u medji fuq il-VAT u it-Taxxa Diretta mill-Business 1st fl-Imrieħel bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern li joffri s-servizzi tiegħu minn post wieħed u f’ambjent aktar idoneju man-natura tan-negozju. Konsultazzjoni saret kemm mal-uffiċjali interni tal-Uffiċċju tal-Kummissajru tat-Taxxi kif ukoll mat-tmexxija tal-Business 1st. Business First Ltd hija sħubija bejn Malta Enterprise u l-Malta Chamber of SMEs (GRTU). Saru numru mdaqqas ta’ laqgħat preparatorji bejn gruppi differenti mid-Dipartiment tat-Taxxa u Business 1st bħala rappreżentant dirett ta’ l-industrija, li għalihom kienet preżenti wkoll il-Management Efficiency Unit (MEU) mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 13 PQ #5003 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Bdil tal-proċeduri fis-sottomissjoni u pagamenti tal-formoli tal-VATu tat-Taxxi Interni

Question

B’referenza għall-komunikat li tqassam mid-Dipartiment tal-VAT taħt il-heading tal-Kummissarju għad-Dħul fejn ġie indikat li min-nhar it-2 t’April 2018 se jinbidlu diversi proċeduri relatati mas-sottomissjoni u pagamenti tal-formoli tal-VAT u tat-Taxxi Interni, jista’ l-Ministru jgħid x’wassal sabiex ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din id-deċizjoni hija parti mill-proċess li l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi qed jieħu sabiex jagħti servizz aħjar u aktar ħolistiku. Mit-2 ta’ April, il-formoli tal-VAT u tat-Taxxa ser ikunu jiġu sottomessi billi wieħed juża wieħed minn dawn is-servizzi: · Servizz on-line 24x7 · Sottomissjoni tal-pagamenti f’wieħed mill-uffiċċji tal-MaltaPost · Sottomissjoni bil-posta f’PO Box indikata Sadanittant, kemm f’Birkirkara u fil-Furjana ser jibqa’ jingħata l-istess appoġġ matul il-perjodu transitorju sa Ġunju.
Leg 13 PQ #5004 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Bdil tal-proċeduri fis-sottomissjoni u pagamenti tal-formoli tal-VAT u tat-Taxxi Interni

Question

B’referenza għall-komunikat li tqassam mid-Dipartiment tal-VAT taħt il-heading tal-Kummissarju għad-Dħul fejn ġie indikat li min-nhar it-2 t’April 2018 se jinbidlu diversi proċeduri relatati mas-sottomissjoni u pagamenti tal-formoli tal-VAT u tat-Taxxi Interni, jista’ l-Ministru jgħid din il-bidla kemm se tiġi tiswa lill-Gvern?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Il-bidla li qed titwettaq huwa fis-servizz aħjar lill-klijenti u mhux iżżid l-ispiża li llum titħallas biex jingħata dan is-servizz.

Proġett tal-Kappara — ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara għaliex, għalkemm il-Proġett tal-Kappara tlesta, u kontra l-qbil li kien hemm mal-Kunsill, il-pulizija xorta ntbagħtet biex tħarrek il-vetturi pparkjati? Jista’ l-Ministru jreġġa’ lura dawk it-tabelli li jgħidu li jibdew fis-6 ta’ filgħodu, u jiġu kkanċellati ċ-ċitazzjonijiet mogħtija?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika l-lokalità u l-ismijiet tat-toroq li għalihom qed issir referenza sabiex tkun tista' tingħata t-tweġiba meħtieġa.

Aġenzija ġdida dwar it-toroq – business plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija l-ġdida dwar it-toroq għandhiex business plan għall-ewwel sena li ser tkun qegħda topera? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi prijorità ta’ toroq jew żoni partikolari?

Response (BORG, IAN)

B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 5019 nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi dwar l-aġenzija ġdida li ser tmexxi l-investiment tal-Gvern għat-titjib fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f'pajjiżna ser titressaq għad-diskussjoni fil-Parlament fil-jiem li ġejjin. Hekk kif titwaqqaf, din l-aġenzija ser ikollha r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex tkompli l-ħidma bla preċedent li bdiet din l-amministrazzjoni, sabiex nibnu mill-ġdid, u nżommu fi stat tajjeb, it-toroq ta' pajjiżna. L-aġenzija ser tieħu f'idejha diversi proġetti infrastrutturali għall-bini mill-ġdid, twessigħ u titjib ieħor f'għadd ta' toroq arterjali. Uħud minnhom diġa bdew jitwettqu, waqt li oħrajn ser jibdew mill-aġenzija fl-ewwel sena mit-twaqqif tagħha. Fl-istess waqt, l-aġenzija ser tieħu f'idejha gradwalment ukoll ir-responsabilitajiet tal-manutenzjoni tat-toroq residenzjali, li bħalissa jaqgħu taħt il-kunsilli lokali. Kif nafu, għal snin twal, il-kunsilli lokali tgħabbew b'din ir-responsabilità mingħajr ma ngħataw ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex ikunu jistgħu iwettqu x-xogħol meħtieġ biex it-toroq residenzjali jinżammu fi stat tajjeb. Diġà bdejna din il-ħidma permezz tad-Direttorat għat-Toroq u l-Infrastruttura ta' Transport Malta, bħal ma qed nagħmlu fi Triq Bontadini, f'Birkirkara, fi Triq il-Keffa fis-Swieqi u f'ħafna toroq residenzjali oħra. Ir-riżorsi ta' dan id-direttorat ser ikunu fost it-tim ta' professjonisti, tekniċi u ħaddiema oħra li jiffurmaw l-aġenzija l-ġdida. Malli titwaqqaf, l-aġenzija l-ġdida ser tibda taħdem biex fl-ewwel sena tagħha, minbarra diversi proġetti f'toroq arterjali, bħall-Marsa Junction Project, tibda tibni mill-ġdid diversi toroq residenzjali madwar il-pajjiż kollu. Priorità ewlenija ser tkun madwar 160 triq li s'issa għadhom qatt ma ġew mibnija jew asfaltati. Magħhom ser isiru wkoll toroq oħra residenzjali li jeħtieġu attenzjoni mill-aktar fis. L-aġenzija ser toħroġ diversi sejħiet għall-offerti għal kuntratti tal-bini u rranġar ta' toroq sa mill-ewwel xhur tal-operat tagħha.