Kumpanija tat-Trasport Pubbliku – ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4194, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda mal-kumpanija tat-trasport pubbliku, f'liema grad, x'tip ta' xogħol jagħmlu u ta’ liema nazzjonalità huma, xahar b'xahar minn Jannar 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar x'inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4194.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4195, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid kemm kien hemm ħaddiema li rriżenjaw mill-impjieg mal-Malta Public Transport, f'liema grad kienu, x'tip ta' xogħol kienu jagħmlu u ta’ liema nazzjonalità huma, xahar b'xahar minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar x'inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4195.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4196, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid kemm kien hemm impjegati jaħdmu mal-kumpanija tat-trasport pubbliku u ta' liema nazzjonalità huma matul is-sena l-oħra (2017)? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv però l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress li informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar x'inżid mar-risposta li ngħatat għall- mistoqsija parlamentari 4196.
Malta Maritime Hub – arranġament għal ftuħ tal-Baċir Numru 7
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-arranġament mal-operatur tal-Malta Maritime Hub sabiex infetaħ il-Baċir Numru 7 fil-ħinijiet ta' filgħodu u ta' wara nofsinhar minħabba l-proġett tal-Marsa Junction? Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet diġà saru u/jew qed isiru mill-Gvern u/jew mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta lill-operatur tal-Malta Maritime Hub b'rabta ma' dan l-arranġament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara diskussjonijiet li saru bejn Transport Malta u l-Malta Maritime Hub,ġie maqbul li jinfetah id-Dock 7, bejn is-sitta u d-disgħa ta’ filgħodu u bejn it-tlieta ta’ wara nofs inhar u s-sebgħa ta’ filghaxija. Ma ġew effettwati ebda ħlasijiet la mill-Gvern u anqas minn Transport Malta.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt bejn il-Gvern ta' Malta u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, flimkien mad-dokumenti u l-pjanti kollha li jinsabu mehmuża mal-istess kuntratt?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għas-seduta 340, maratona fuq is-suġġett li nżammet fil-Parlament nhar il-15 ta’ Diċembru 2015 f’Leġislatura XII
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li jinsab depożitat fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01) fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-ammont li jinsab depożitat fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta, kien jammonta għal €90,603.89 fit-23 ta’ Marzu 2018.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li kien jinsab depożitat fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01) nhar il-31 ta' Diċembru ta' kull sena mis-sena 2008 sas-sena 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-ammonti depożitati fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 164.01) fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena mis-sena 2008 sas-sena 2017, kienu kif jidhru hawn taħt:
2008 - €38,237.20
2009 - €34,112.89
2010 - €36,282.06
2011 - €20,984.86
2012 - €15,657.43
2013 - €26,037.57
2014 - €18,891.22
2015 - €77,471.61
2016 - €72,509.71
2017 - €93,104.43
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-fondi l-oħra tal-Korp tal-Pulizija li jinġabru b'sottoskrizzjoni b'mod volontarju skont dak li jipprovdi s-subregolament (3) tar-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01)? Jista' l-Ministru jgħid x'ammont jinsab iddepożitat f'kull wieħed minn dawn il-fondi fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Fond Ġenerali tal-Pulizija huwa l-uniku fond li jeżisti u li l-kontribuzzjoni tiegħu hi mandatorja. Ma jeżistux fondi oħra fejn tintalab xi tip ta’ sottoskrizzjoni b'mod volontarju mill-membri tal-Korp, skont kif provdut fis-subregolament (3) tar-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 164.01).
Fondi Ġenerali tal-Pulizija – kontijiet verifikati
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kontijiet verifikati tal-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta għas-snin 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017, liema kontijiet suppost ġew verifikati mill-Awditur Ġenerali skont dak li jipprovdi s-subregolament 4 tar-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kontijiet tal-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta verifikati mill-Awditur Ġenerali għas-snin 2015 u 2016. Waqt illi l-verifiki tal-kontijiet għas-sena 2017 għad iridu jsiru, infurmat illi kontijiet tali bdew isiru mis-sena 2015 u għalhekk kontijiet ta’ snin ta’ qabel mhumiex disponibbli.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — spejjeż ta' media events
Question
Tista' l-Ministru tgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tagħha? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni relatata mal-Konferenzi Stampa li saru mis-Segretarju Parlamentari u mill-Uffiċċju tiegħi.
Infurmata li tul il-perjodu kkonċernat ġew organizzati madwar 39 konferenza li medja tal-ispejjeż minn fondi nazzjonali ta’ dawn il-konferenzi kienet ta’ madwar €944.31.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali
Question
Tista' l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali tgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4864
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – spejjeż ta’ media events
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media eventsmill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minni, bħala Ministru għas-Saħħa.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — spejjeż ta' media events
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Finanzi — spejjeż ta' media events
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, dawn l-ispejjeż saru skond il-Public Procurement Regulations.
Ħal Qormi — Triq il-Kanun – xogħol infrastrutturali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4580, jista’ l-Ministru jispeċifika meta se jsir ix-xogħol infrastrutturali fi Triq il-Kanun, Ħal Qormi, eżattament il-parti ta’ bejn Triq il-Valletta u Triq is-Sebħ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti tat-triq imsemmija ser tiġi mtejba permezz ta' xogħlijiet separati, li jibdew wara li titlesta l-ħidma li għaddejja bħalissa. Ix-xogħol meħtieġ biex din it-triq tiġi mtejba nqasam f'fażijiet sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent lil dawk li jużaw din it-triq jew jgħixu fl-inħawi tagħha.
Ministeru għal Għawdex — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tagħha, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Tista’ tgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li ma ngħata l-ebda xogħol jew inxtraw kotba mingħand il-kumpanija msemmija mid-dipartimenti jew l-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tal-Ministeru.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tiegħu, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-21 ta’ Frar tas-sena 2000, dan il-ministeru kien xtara għaxar publikazzjonijiet ta' Temple of the Knights of Malta b’nefqa ta’ €450.
Peress li ż-Żewwieqa Entrenchments, arkitettura militari unika li hemm faċċata tal-Port tal-Imġarr għandha bżonn ta' restawr, fejn anke reċentement waqgħu xi ġebel kawża tal-maltemp, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir ix-xogħol ta’ restawr fuq din l-arkitettura?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jieħu diversi inizjattivi ta’ restawr. Filfatt, hemm diversi proġetti li qed isiru bi ftehim ma’ Wirt Għawdex kif ukoll permezz tal-ewwel edizzjoni tal-iskema ta’ restawr għall-lokalitajiet f’Għawdex iffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex., li għaliha din is-sena applikaw 13-il kunsill lokali.
Peress li hemm bżonn li jsir xogħol urġenti fit-trejqa li tieħu lejn in-naħa ta' fuq ta' Ġnien il-Familja fi Triq l-Imġarr, Qala, liema trejqa tinsab fi stat perikoluż, fejn hemm nuqqas ta’ ilqugħ b'konsegwenza li kemm persuni kif ukoll vetturi huma vulnerabbli li faċilment jistgħu jaqgħu sa żewġ sulari, tista' l-Ministru tara li tittieħed azzjoni sabiex jitneħħa dan il-periklu evidenti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru verifiki biex jiġi stabbilit jekk l-art hijiex propjetà tal-Gvern jew tal-privat.