Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta’ Malta – tfittxijiet arkeoloġici fl-ibħra Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u kemm tfittxijiet arkeoloġiċi fl-ibħra Maltin hemm għaddejjin jew maħsuba għal futur qarib, mill-Università ta' Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Università ta' Malta f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, għandha programm ta' survey tal-ibħra territorjali Maltin kollha. Dan is-survey ilu għaddej għal dawn l-aħħar erba' snin u ser jibqa’ għaddej fix-xhur u fis-snin li ġejjin. L-isfidi loġistiċi marittimi kif ukoll l-elementi imprevedibbli, jikkundizzjonaw meta u kemm-il darba jkun jista' jsir xogħol ta' survey marittimu. L-għan tas-survey hu li l-informazzjoni li tinġabar titpoġġa fl-inventarju. S’issa sar survey ta' madwar 800km kwadru f’25 sezzjoni (survey blocks).
Leg 13 PQ #1156 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ħasil tal-Flus – implimentazzjoni tal-Liġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi implimentata fil-liġi tagħna l-aħħar Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ħasil tal-Flus (the 4th EU Anti-money Laundering Directive) li kellha tkun implimentata sas-26 ta’ Ġunju 2017? X’inhi r-raġuni għal tali dewmien?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att XXVII tal-2017 Prevention of Money Laundering ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fl-1 ta' Diċembru 2017.
Leg 13 PQ #1157 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa msejjaħ MONEYVAL (li fost oħrajn jara l-qagħda leġiżlattiva fil-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu) jżur Malta s-sena d-dieħla?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Moneyval mistenni jiġi Malta matul l-aħħar kwart ta’ din is-sena.

Kampanja edukattiva dwar indafa fil-lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-kampanja edukattiva li se ssir biex jiżdied l-għarfien dwar l-indafa fil-lokalitajiet? Jista’ jispjega xi proġetti hemm ippjanati fil-qasam tal-Gvern Lokali biex tiżdied l-indafa fil-lokalitajiet? F’dan ir-rigward ukoll, jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar dak li tħabbar fil-baġit biex ikompli jiżdied l-inforzar kontra min iħammeġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni diġà għaddejja kampanja fl-iskejjel ‘Flimkien għal Malta Nadifa’. Dan qed isir mis-Segretarjat Parlamentari għal-protezzjoni tal-konsumatur u V18 li taħtu taqa’ r-responsabbiltà ta’ din id-Diviżjoni, flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Diġà saru interventi f’disa’ skejjel u hemm il-ħsieb li f’dawn ix-xhur li ġejjin ikun hemm preżenza fi 13-il skola oħra. Ukoll min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni din is-sena diġà nbeda l-infurzar f’diversi lokalitajiet sabiex dejjem jitnaqqas l-ammont ta’ nies li jabbużaw minn rimi illegali ta’ skart. Diġà hemm numru ta’ kontravenzjonijiet li ser ikunu qed jitressqu quddiem it-tribunali jew il-qorti hekk kif ikun meħtieġ. L-infurzar isir f’diversi ħinijiet tal-ġurnata skond kif ikun meħtieġ. Intant infurmat ukoll li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali imbarka fuq diversi inizjattivi li bihom fix-xhur li ġejjin se jkun qed jara li l-indafa f’pajjiżna titjieb. Fl-ewwel lok sa mis-sena l-oħra bdiet tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali sabiex ikollu stampa ċara tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-kuntratti tal-knis tat-toroq, il-ġbir tal-iskart domestiku, kif ukoll l-iskart riċiklat. Għadhom kif ġew ukoll konklużi key performance indicators sabiex matul din is-sena dawn jibdew jiġu osservati mill-Kunsilli Lokali kollha. Barra minn hekk, id-Dipartiment kien ukoll involut sabiex tħejja pjan strateġiku flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent dwar il-futur tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna, li għandu jwassal għal diversi tibdiliet fil-metodu ta’ kif nitrattaw dan il-qasam sensittiv. Mir-riċerka li twettqet, irriżulta li fost kollox, kważi l-Kunsilli Lokali kollha m’humiex se jagħmlu użu minn Contracts Manager biex jissorvelja x-xogħlijiet li jingħataw mill-kuntratturi tal-Kunsilli Lokali; sitwazzjoni li fid-dinja tal-lum mhix aċċettabbli. Matul din is-sena se nkunu ukoll qed naraw illi tidħol sistema moderna u adekwata ta’ management fit-twettiq ta’ servizzi u fuq kollox billi wkoll jibdew isiru performance audits għal servizzi li joffru l-Kunsilli Lokali. Id-Dipartiment qiegħed ukoll isostni kampanja edukattiva li ġiet imnedija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u Komunitajiet u li ser tasal fid-djar kollha dwar il-metodu tal-ġbir tal-iskart kif ukoll dwar is-servizzi li jingħataw mill-Kunsilli Lokali. Nifhem wkoll illi l-Ministru responsabbli mill-Ambjent se jkun qiegħed iħabbar diversi miżuri ta’ emendi fil-liġijiet relatati ma’ infurzar u immaniġġjar aħjar tal-iskart. Sadanittant minn naħa tal- LESA, preżentament assenjat uffiċċjal responsabbli illi qiegħed jaħdem mill-qrib mal- Kunsilli Lokali u jassistihom individwalment kemm bħala Infurzar kif ukoll bħala edukazzjoni fuq dan is-suġġett. Hemm il-ħsieb illi fil-futur qarib meta L-Uffiċjal tal-Kommunita ( Gwardjan Lokali ) jiġu trasferiti minn mas-settur privat għall mal – Lesa, jitwaqqaf tim f’kull Reġjun biex jeduka u jinforza aktar fis-settur tal- indafa ambjentali reġjonali.

Ambaxxaturi

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 3667, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-wieħed u ħamsin ambaxxatur li jirrappreżenta lil pajjiżna huma Għawdxin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix aktar xi nżid mat-tweġiba mogħtija preċedentement.
Leg 13 PQ #4470 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Construction and Maintenance Unit u Directorate for Projects and Development – użu ta’ bricks

Question

Tista’ l-Ministru, twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3231 u tgħid kemm intużaw bricks mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Directorate for Projects and Development mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data ta’ meta ġiet intavolata din il-mistoqsija parlamentari? Fuq liema proġetti ntużaw u kemm intużaw bricks fuq kull proġett? Tista' tgħid fuq kull proġett min kienet il-persuna li ordnat il-bricks u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntużat dan l-ammont?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #4471 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bini ta’ airfield

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3229 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Economic and Social Impact Assessments u l-cost benefit analysis dwar airfield f’Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li minħabba n-natura kummerċjali u sensittiva tal-informazzjoni mitluba l-Ministeru hu prekluż milli jagħti tali informazzjoni.
Leg 13 PQ #4477 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pass maħruġ mill-Gozo Channel biex persuni jaqsmu b’xejn fuq il-vapuri tal-kumpanija

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3216 u tgħid min huma l-persuni li preżentement għandhom pass maħruġ mill-Gozo Channel biex jaqsmu b'xejn fuq il-vapuri tal-kumpanija? Tista' tgħid minn dawn il-persuni, min minnhom għandu d-dritt ta' priority boarding?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata fi stadju ieħor minħabba li bħalissa għaddej il-proċess tat-tender tal-PSO.
Leg 13 PQ #4478 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Triq bejn Sannat u Taċ-Ċawla

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li nofs il-Qasam ċjoè t-Triq bejn Sannat u Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex għadha ma ngħatatx l-aħħar kisja tarmac? Tista' tgħid meta ser tingħata l-aħħar kisja tarmac? Tista' tikkonferma jekk l-aħħar kisja tarmac kenitx inkluża fit-tender li ħarġet għan-nofs din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li fit-tender oriġinali li ħareġ f’Mejju tal-2016 ma ġietx inkluża l-aħħar kisja, il-Ministeru reġa ħareġ tender li għalaq fis-6 ta’ April 2018.
Leg 13 PQ #4479 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Policy dwar dritt għal free pass għall-użu tal-Gozo Channel

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3213 u tgħid jekk il-policy li kienet saret fi żmien il-Gvern Nazzjonalista u li kienet pubblikata fuq il-website tal-Gozo Channel dwar min għandu dritt għal free pass biex juża l-vapur tal-Gozo Channel ġietx mibdula? Jekk ġiet mibdula, meta ġiet mibdula u fejn ġiet pubblikata? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy dwar min għandu dritt għal dan il-pass kif kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista u kopja tal-policy kif inhi llum? Tista' tara li din il-policy terġa' titpoġġa fuq il-website tal-Gozo Channel minn fejn kienet tneħħiet fil-leġiżlatura l-oħra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4477.

Malta Public Transport – fondi ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm gawdiet f’fondi Ewropej il-kumpanija tat-Trasport Pubbliku, u ċjoè l-Malta Public Transport Services Ltd, sena b'sena tul l-2015, l-2016 u l-2017? X'sar b'dawn il-fondi minn din il-kumpanija?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-kumpanija msemmija ma rċiviet l-ebda fondi strutturali u ta’ koeżjoni Ewropej. Il-kumpanija setgħet ibbenefikat indirettament minn kampanja ta’ reklamar iffinanzjata minn fondi Ewropej li għamlet Transport Malta sabiex tħajjar aktar nies jużaw it-trasport pubbliku.

Kumpanija tat-Trasport Pubbliku – nefqa totali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4199, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid x’nefqa totali kellha l-kumpanija tat-trasport pubbliku, sena b'sena, tul l-2015, l-2016 u l-2017? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv però l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-Malta Public Transport hija kumpanija privata din hija rikjesta mill-ligi sabiex tissottometti l-Audited Accounts lil Malta Financial Services. Minn naħa tagħha il-Malta Financial Sevices tippubblika tali nformazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha.

Kumpanija tat-Trasport Pubbliku – nfiq fuq pagi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4200, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid x'nefqa kellha l-kumpanija tat-trasport pubbliku f'pagi sena b'sena, tul l-2015, l-2016 u l-2017? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4711 tal-istess seduta.

Kumpanija tat-Trasport Pubbliku – nfiq fi fuel

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4201, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja dwar x’nefqa kellha l-kumpanija tat-trasport pubbliku fi fuel, sena b'sena, tul l-2015, l-2016 u l-2017? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4711.

Kumpanija tat-Trasport Pubbliku – dħul minn bejgħ ta’ biljetti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4202, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid xi dħul kellha l-kumpanija tat-trasport pubbliku mill-bejgħ ta’ biljetti, sena b'sena, tul l-2015, l-2016 u l-2017? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4711 tal-istess seduta.

Trasport Pubbliku — xufiera

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4208, jista’ l-Ministru jġib l-informazzjoni neċessarja u jgħid jekk hux minnu li kull meta xufier tat-trasport pubbliku ma jkunx disponibbli biex jagħmel il-vjaġġ, minflok ma jintbagħat xufier ieħor, dak il-vjaġġ partikolari ma jsirx, b'detriment għal min juża’ t-trasport pubbliku? Peress li din il-kumpanija qiegħda titħallas madwar €30 miljun f'sussidji kull sena mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din l-informazzjoni hi ta' interess pubbliku? Din l-informazzjoni l-Ministru talabha lill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv imma l-informazzjoni mitluba ma nagħtatlux, u peress informazzjoni relatata mal-kumpanija kienet disponibbli għall-Ministru ta' qablu, x'inhi r-raġuni li hu mhux jingħata l-informazzjoni mitluba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sa fejn ikun possibbli, l-operatur tat-trasport pubbliku jisostitwixxi xufiera li għal xi raġuni jew oħra jkunu nieqsa. Dan sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm vjaġġi li ma jsirux. Minn informazzjoni miksuba mingħand l-Operatur tat-Trasport Pubbliku, fil-preżent hemm kwazi 70 persuna li qegħdin jiġu imħarrġa bħala xufiera ġodda b’numru ieħor li mistenni li jibdew it-taħriġ tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin.

Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja – talbiet biex jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati minn sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data preċiża ta' meta huwa ta struzzjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sabiex fid-diskrezzjoni tal-istess Direttur Ġenerali jiddeċiedi li jaċċetta talbiet minn persuni li jkunu jixtiequ li jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati ta' pajjiżna mis-sit fl-indirizz http://justiceservices.gov.mt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-1 ta’ Novembru 2014 kienet saret talba biex sentenza ma tibqax tidher online. Kienet ittieħdet deċiżjoni biex is-sentenza ma titneħħiex minn fuq online. F’Jannar 2015 l-istess persuna bagħtet żewġ rikjesti oħra fejn insistiet li s-sentenza fil-konfront tagħha kellha titneħħa minn online għax kienet qed tiġi preġudikata biex issib impjieg, issa li kienet spiċċat bla xogħol. Din il-talba kienet ġiet diskussa mill-Amministrazzjonital-Qorti. Wara, f’Jannar stess il-materja b'mod generali ġiet diskuss waqt laqgħa fil-Ministeru. Irrid naghmilha cara li hawn si tratta ta' obbligu li jinkombi fuq data controller b'effett tal-ligi. Kien hemm qbil li talbiet simili kellhom jiġu evalwati u kkunsidrati mid-Direttur Ġenerali tal-Qrati bħala d-Data Controller, li taħtu taqa’ r-responsabilita` tas-sentenzi tal-Qorti li jkunu tqegħdu online.

Talbiet biex jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati minn sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il talba saret minn persuni sabiex jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati ta' pajjiżna mis-sit fl-indirizz http://www.justiceservices.gov.mt? Jista' jagħti d-data ta' meta saret kull waħda minn dawn it-talbiet, jindika għal kull waħda mit-talbiet jekk ġietx aċċettata jew miċħuda, jindika d-data ta' meta t-talba ġiet aċċettata jew miċħuda u jagħti l-okkju u d-data tas-sentenza li dwarha saret it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Sallum kien hemm 43 (tlieta u erbgħin) talba biex sentenzi ma jibqgħux jidhru online u mhux biex jitneħħew minn fuq is-sistema tal-Qorti. Meta jkun hemm talba biex sentenza ma tibqax tidher online, dan ma jfissirx li l-kaw¿a titneħħa mis-sistema tal-Qorti. In fatti fiċ-Ċivil, il-professjoni legali xorta jibqa’ jkollha aċċess għas-sentenzi minn fuq is-sistema tal-Lecam. Fir-rigward tal-kawżi kriminali matul din is-sena qed isir xogħol sabiex dawn ukoll ikunu aċċessibli għal professjoni legali minn fuq il-Lecam, irrispettivament jekk is-sentenza tkunx tidher online. Dan il-proċess ilu li nbeda mis-sajf li għadda u mistenni jkun lest aktar tard matul din is-sena. Saret talba waħda fit-2014. Kien hemm 21 (wieħed u għoxrin) talba fit-2017 u hemm 21 (wiehed u ghoxrin) talba fil-2018. Mill-43 (tlieta u erbgħin) talba li saret, 22 (tnejn u għoxrin) sentenza ma baqgħux jidhru online , kien hemm talba waħda fejn is-sentenza ma tneħħietx u t-talbiet rimanenti għadhom qed jiġu evalwati. Fid-dawl tad-deċizjoni li ttieħdet mid-‘ Data Controllor’ biex dawn is-sentenzi ma jibqgħux jidhru online għall-pubbliku in ġenerali, wara li ġew meħudha nkonsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fid-dawl tad- Data Protection Act , tad- Data Protection Directive (95/46/EC) tal-1995 u aktar riċenti tad- Data Protection Regulation ( EU 2016/679) li ser tidħol fis-seħħ, u partikolarment Art. 17 tal-istess, ma jkunx opportun li dawn is-sentenzi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra sabiex jigu rispettati l-prinċipji tar-Regolamenti u Direttivi appena ċitati. Madanakollu, sabiex tkun assigurata l-ogħla livell ta’ trasparenza qed ikun suġġerit li Onor. Membru javviċina lid-‘ Data Controller’ tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn b’mod kunfidenzjali ikun jista’ jara bil-liberta` kollha kopji tal-istess sentenzi u l-korrispondenza idoneja relattiva.

Sentenzi li tneħħew minn sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tas-sentenzi kollha li mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari tneħħew mis-sit fl-indirizz http://www.justiceservices.gov.mt?

Response (BONNICI, OWEN)

Mis-sena 2013 sallum kien hemm 22 (tnejn u għoxrin) sentenza li tneħħa ghalihom l-aċċess online lil pubbliku, b’dan illi jiġi ċċarat illi meta jkun hemm talba biex sentenza ma tibqax tidher online, dan ma jfissirx li l-kawza titneħħa mis-sistema tal-Qorti. Infatti, fiċ-Ċivil, il-professjoni legali xorta jibqa’ jkollha aċċess għas-sentenzi kollha minn fuq il-Lecam. Fir-rigward tal-kawżi kriminali, matul din is-sena qed isir xogħol sabiex dawn ukoll ikunu aċċessibli għal professjoni legali minn fuq il-Lecam, irrispettivament jekk sentenza tkunx tidher online jew le. Dan il-proċess ilu li nbeda mis-sajf li għadda u mistenni jkun lest aktar tard matul din is-sena. Minn dawn it-22 (tnejn u għoxrin sentenza) kien hemm 9 (disgħa) li kienu sentenzi f’kawżi quddiem il-Qorti Ċivili Prim Awla u 13 (tlettax) li kienu sentenzi tal-Qorti Kriminali. Fid-dawl tad-deċizjoni li ttieħdet mid-‘Data Controllor’ biex dawn is-sentenzi ma jibqgħux jidhru online għall-pubbliku in ġenerali, wara li ġew meħudha nkonsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fid-dawl tad-Data Protection Act, tad-Data Protection Directive (95/46/EC) tal-1995 u aktar riċenti tad-Data Protection Regulation (EU 2016/679) li ser tidħol fis-seħħ, u partikolarment Art. 17 tal-istess, ma jkunx opportun li dawn is-sentenzi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra sabiex jiġu rispettati l-prinċipji tar-Regolamenti u Direttivi appena ċitati. Madanakollu, sabiex tkun assigurata l-ogħla livell ta’ trasparenza qed ikun suġġerit li Onor. Membru javviċina lid-‘Data Controller’ tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn b’mod kunfidenzjali ikun jista’ jara bil-liberta` kollha kopji tal-istess sentenzi u l-korrispondenza idoneja relattiva.
Leg 13 PQ #4822 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – reklami

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook mill-Aġenzija Identità Malta matul il-perjodu mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.