Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Tqassim ta’ boroż griżi u organiċi mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jara l-possibilità li t-tqassim ta’ boroż griżi u organiċi hekk kif provduti mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jiġu provduti perjodikament minn żoni oħra fl-istess lokalità, bħax-Xemxija, Burmarrad, Qawra, Buġibba u żoni oħra u dan minħabba l-kobor tal-istess lokalità u l-fatt li mhux kulħadd hu possibbli għalih jiġbor l-istess boroż mill-uffiċċju tal-kunsill lokali? Jekk dan hu possibbli, x’inhu l-pjan biex ir-resident ikun moqdi u jiġi inċentivat iktar biex jissepara l-iskart tiegħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani fil-Kunsill Lokali mhux possibbli li dak mitlub jiġi attwat fil-preżent.

Qawra – Stallazzjoni ta’ bus shelter fejn l-Akwarju Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni li l-bus shelter fejn l-Akwarju Nazzjonali fil-Qawra, San Pawl il-Bahar, liema bus stop għandu l-isem Bells u qiegħed fuq l-istess naħa tal-istess akwarju, jiġi installat?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Mdina – Saqqajja – kamra li kienet tintuża minn uffiċjali tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex titneħħa kamra li qegħda fis-Saqqajja, l-Imdina u li kienet tintu¿a minn uffiċjali tat-trasport pubbliku u li issa m’għadhiex tintu¿a? Jekk m’hemm ebda ħsieb li din il-kamra titneħħa, hemm pjanijiet biex din titranġa minħabba l-istat ħa¿in li tinsab fiha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ser tkun qedgħa twettaq spezzjoni fuq din il-kamra sabiex tiddetermina x’għandu jsir.

Tfal li ħadu t-tilqima kontra l-influwenza staġjonali

Question

Jista’ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti informazzjoni dwar kemm s’issa kien hemm tfal bejn il-5 u l-11-il sena li ħadu t-tilqima kontra l-influwenza staġjonali? X’perċentwali jirrappreżenta dan in-numru meta mqabbel man-numru ta’ tfal ta’ dik l-età li għandna f’Malta u f’Għawdex li huma eliġibbli għal dan il-vaċċin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tilqima għal kontra l-influwenza hija awtorizzata għal tfal ta’ ‘l fuq mill-eta’ ta’ 6 xhur. Sal-aħħar tal-2021, 13,657 tifel u tifla ta’ bejn is-6 xhur u s-16 il-sena ħadu din l-imsemmija tilqima.
Leg 13 PQ #23781 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Heliport — Site Plan

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan taż-żona kollha tal-Gozo Heliport u jgħid kemm fiha tmien ta' art u kemm fiha metri kwadri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-site plan tal-area qed tiġi titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ma' din il-Mistoqsija Parlamentari. Kif kont spjegajt fil-mistoqsija parlamentari numru 23526, il-Heliport ta’ Għawdex jinsab fil-periferija tal-lokalita’ tax-Xewkija, preċiżament fi Triq ta’ Lambert li hija konnessa direttament mar-rotta tal-arterja ewlenija ta’ Għawdex u cioe’ Triq l-Imġarr, li twassal mill-Port tal-Imġarr għar-Rabat Ghawdex, cioe’ il-Belt Victoria. Għalhekk jinsab 'il barra minn żoni residenzjali (bl-eqreb cluster residenzjali stabbilit jinsab madwar 300 metru 'il bogħod fi Triq l-Imgarr), iżda in realta’ il-lokalitajiet ta' Għajnsielem u Xewkija jinsabu f'distanza minima ta' kilometru. Jinsab ghaldaqstant qrib ħafna tar-rotta ewlenija. f'termini ta' konnettività tal-vetturi, specjalment issa li biswit dan l-istess sit, hemm it-terminus tal-Park and Ride minn ta’ Lambert ghal Port tal-Imgarr. Jingħad li l-ħeliport imur lura ghas-sena 1943 fejn ġew imnaddfa diversi tumoli ta’ għelieqi fix-Xewkija biex jagħmlu post għal airstrip li permezz taghha Malta u Ghawdex ippartecipaw fl-Operazzjoni Husky u cioe’ l-invazjoni tal-Forzi Alleati Amerikani u Brittanici, gewwa l-gzira fit-Tramuntana taghna, Sqallija li kienet dak iz-zmien taht il-kontroll tar-regime Faxxista-Nazista. L-ajruport ta’ żmien il-gwerra kien jinsab ftit eqreb lejn ir-raħal tax-Xewkija, bejn il-ħeliport preżenti u r-raħal li ghadni kif semmejt. Wara l-gwerra, l-għelieqi f’Ta’ Lambert fix-Xewkija Għawdex ġew imnaddfa biex jagħmlu post għal airstrip, liema pjan twaqqaf ftit wara, u l-art ingħatat lura lill-bdiewa. L-art sussegwentement intużat mill-Forzi Brittaniċi bħala landing pad tal-ħelikopter. Fl-1968 il-Gvern beda jahseb biex jikkommetti ruhu sabiex issir airstrip vera u proprja, u anke kienu ingiebu f’Hal-Luqa zewg Islanders appositament. Dawn inbieghu fl-1970, u l-Gvern Laburista gdid tas-sebghinijiet beda mbaghad jahseb ghal pont fiziku permanenti bejn Malta u Ghawdex. Eventwalment din l-airstrip ġiet imtejba fl-1996 mill-Gvern Malti biex jipprovdi ambjent aktar sigur għat-trasport bl-ajru tal-ħelikopters. Kien hemm titjiriet skedati b’ħelikopter bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Heliport tax-Xewkija. Dawn inbdew mill-Malta Air Charter fl-1990, li waqfet topera fl-2004. Ta’ min isemmi per ezempju, li sa tmiem is-sena 1994, kien hemm 5,800 titjira bil-ħelikopter illi kienu ġarrew 51,378 passiġġier. Minn Marzu 2005 sa Ottubru 2006 it-titjiriet imbaghad saru mill-kumpanija Helicópteros del Sureste. Fl-2008 il-Heliport gie abbandunat hlief ghal xi titjiriet micro-light. Bħalissa, l-ebda titjira skedata ma ssir mill-ħeliport, ħlief għal skopijiet ta’ emerġenza biss. Bejn l-1990 u l-2008, ħames kumpaniji differenti tal-ħelikopters kienu ppruvaw joperaw is-servizz tal-ajru bejn il-gżejjer, b’dawn kollha eventwalment spiċċaw mingħajr negozju.L-infrastruttura attwali tal-Heliport Terminal amministrata mill-Gozo Heliport Ltd taħt il-mandat tal-Ministeru għal Għawdex ġiet aġġornata u inawgurata l-aħħar f'Mejju 1996 wara investiment ta' LM 550,000 mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili (DCA) u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) li l-ishma ta’ maġġoranza tagħhom imbagħad kienu għadhom proprjetà tal-Gvern. Minkejja dan, il-Ħeliport ta’ Għawdex ilu ma jintużax mill-2008, b’diversi sforzi biex iż-żona tiġi riġenerata minn dakinhar.Iż-żona li tmiss mal-Heliport eżistenti tnaddfet minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Plant Troop, bejn l-2013 u l-2014 bi tħejjija għal runway ta’ ħaxix ta’ 900 metru. Is-sit ta’ 40,000 metru kwadru kien miksi b’sejjieħ u skart mill-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll karkassi. Dan il-proġett aktar tard tpoġġa fuq l-ixkaffa u llum is-sit jinsab fi stat mitluq. Mill-2015 sal-lum, id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta (TM) ilu jwettaq studji dwar il-possibbiltà li jerġa’ jiġi attivat servizz tal-ajru tal-ħelikopters bejn il-gżejjer. Dawn l-istudji jkomplu jissuġġerixxu li l-ispiża biex jiġi attivat mill-ġdid servizz tal-ħelikopter hija akbar minn ajruport qasir ta’ tlugħ u nżul għal inġenji tal-ajru bil-ġwienaħ fissi. Dan huwa prinċipalment, minħabba l-fatt li ħeliport jillimita n-numru ta’ utenti u opportunitajiet ta' investiment, u huwa inqas favur l-ambjent. Barra minn hekk, pjanijiet preċedenti kienu kbar fl-iskala u daħlu fuq art agrikola ta’ sidieni privati bi stima ta’ spiża ta’ żvilupp li teskala għal €14-il miljun. Bħalissa l-ħeliport jintuża biss f'każijiet ta' emerġenza mill-ħelikopters tal-ambulanza tal-ajru.Il-ħeliport jikkonsisti f’żewġ helipads wiesa’ 22 metru, konnessi b’runway tal-asfalt, biex jiffurmaw runway twila ta’ 174 metru fid-direzzjoni 10/28. Il-Ħeliport kien iddisinjat bħala ‘runway fixed-wings għall-użu mill-ħelikopters, meta l-istandards u r-rekwiżiti kienu pjuttost differenti. Iridu jsiru bidliet sabiex il-Heliport jissodisfa l-istandards tal-ICAO tal-lum u jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti operattivi. Jenħtieġ ghaldaqstant aġġornament għar-regolamenti attwali, u fil-preżent jista' jiġi utilizzat biss għal inżul ta' ħelikopters ta' emerġenza.Is-sit attwali fejn qed jiġu proposti x-xogħlijiet jikkonsisti f’żona ta’ ħaxix, parzjalment ġewwa u parzjalment barra l-fencing perimetali sigur. Partijiet sinjifikanti tas-sit barra l-ilqugħ huma ikkaratterizzati minn materjal inerti mormi, li partijiet minnu issa huma koperti bil-veġetazzjoni. Madanakollu, l-aċċessibilita tal-gżira Għawdxija tinsab fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-Gvern. Għaldaqstant, wara li b’suċċess ġie introdott ir-raba vapur mal-flotta tal-Gozo Channel bl-iskeda aktar frekwenti, wara li ġie introdott b’suċċess ukoll is-servizz tal-Fast Ferry fejn il-Gvern investa fl-infrastruttura tal-Mġarr u l-Belt Valletta filwaqt li żewġ operaturi privati bdew joffru dan is-servizz veloċi bejn il-Belt u l-Mġarr, wara li b’suċċess ukoll ġiet introdotta it- tieni fibre optic cable sabiex illum il-ġurnata Għawdex huwa konness aħjar anka b’mod diġitali, wara l-introduzzjoni tal-Park and Ride b’servizz permess ta’ 6 karozzi tal-linja elettriċi sabiex anka tiġi promossa bidla modulari fil-mod ta’ kif wieħed jivvjaġġa, il-pass naturali huwa issa li inkomplu b’dawn is-suċċessi fil-konnettivita ta’ Għawdex anka permezz tal-ajru. Għaldaqstant, tul dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma intensiva minn diversi nies tekniċi sabiex Għawdex, għall-ewwel darba, jkellu l-ajruport reġjonali tiegħu. Pero’ , il- brief li n-nies tekniċi kellhom kien wieħed ċar. Li: 1) Ma tittieħed l-ebda art agrikola addizjonali minn dak li preżentament hemm committed 2) Tali ajruport jkollu l-inqas impatt ambjentali 3) Tali ajruport jkun jista’ jilqa fih ajruplani li jġorru sa massimu ta’ 9-11 -il passiġġier Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni issa li titnehdi konsultazzjoni pubblika mill-Gozo Regional Development Authority sabiex jiġu ppreżentati il-pjanti, id-disinji u l-aspetti tekniċi oħrajn u jibda ukoll jinġabar il- feedback mingħand il-pubbliku u l-entitatjiet, awtoritajiet, NGO’s u dawk kollha li jixtiequ jikkumentaw fuq tali proġett. Hekk kif tali konsultazjoni pubblika tintemm, il-Gvern jiddeċiedi jemendax jew le, jimplementax jew le it-tali proġett u tiġi sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Tali proġett mhux biss se jkun ifisser aċċessibilita bl-ajru bejn iż-żewġt igżejjer, iżda potenzjal ferm akbar ta’ investiment f’Għawdex u attivita akbar ekonomika f’din il-gżira b’setturi li jkunu lesti li jinvestu f’Għawdex, kemm f’oqsma li jkunu relatati direttament mal-ajruport kif ukoll il-potenzjal kbir ta’ multiplier effect li tali proġett jista’ jħalli.
Leg 13 PQ #23782 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Gozo Channel — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement mid-Dipartiment tal-Kuntratti: CT2338/2021 - Tender for Cleaning Services to Work on Board the Gozo Channel (Operations) Limited Vessels? Jista' jgħid kemm hi stmata din it-tender, kemm hu maħsub li jiġu impjegati cleaners permezz ta' din it-tender u għal kemm-il sena hi din it-tender?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT2338/2021 tikkonsisti fi provediment ta’ servizz ta’ tindif abbord il-vapuri ta’ Gozo Channel (Operations) Ltd, inkluzi dawk li jistgħu jkunu mikrija mill-kumpanija mingħand partijiet terzi. It-tender hija għal perjodu ta’ sentejn, bil-possibilità ta’ tiġdid għal zewġ perjodi ta’ sitt xhur ’l wieħed. L-estimu ta’ din it-tender huwa ta’ €1,607,803.20, u t-tender hija bbazata fuq ammont indikattiv ta’sigħat, mhux ta’ ħaddiema.
Leg 13 PQ #23783 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għarb Għawdex – Triq Ta' Sdieri — tabelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn Triq Ta’ Sdieri, limiti tal-Għarb Għawdex li kien ilha magħluqa diversi xhur, u li f'dawn l-aħħar ġimgħat kienet reġgħet infetħet għal kull tip ta' vettura, f'dawn l-aħħar ġranet twaħħlu tabelli li jindikaw li ma jistgħux jgħaddu ċertu tip ta' vetturi bil-konsegwena li dawn issa qed jispiċċaw jgħaddu mill-pjazza tar-raħal tal-Għarb? Jista’ jgħid jekk fil-preżent din it-triq hijiex sigura għall-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara analiżi strutturali tat-triq f’dawn l-aħħar xhur, ġie deċiż li jsiru aktar interventi sabiex jiġu rranġati partijiet oħra ta’ din it-triq sabiex ma jiġrix kif ġara fil-parti li kienet krollat. Nikkonfermaw li twaħħlu tabelli biex ikunu jistgħu jsiru t-testijiet meħtieġa kif ukoll interventi prekawzjonali sakemm jinħareġ tender u tkun tista’ ssir il-parti l-oħra.
Leg 13 PQ #23784 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Servizz Pubbliku – back office

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22595 u jgħid liema back office ġdid tas-Servizz Pubbliku inġab f'Għawdex matul is-sena 2021? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan ix-xogħol ġdid ta' back office f'Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f'Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f'Għawdex u issa per konsegwenza ta’ dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f'Għawdex? X’inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta' back office ġdid f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għaddej b’ħidma biex jinkoraġixxi u jgħin Ministeri u Entitajiet biex ikabru l-operat eżistenti tagħhom jew jintroduċu servizzi ġodda li jingħataw minn Għawdex kemm ta’ Back Office kif ukoll ta’ Front Office.
Leg 13 PQ #23785 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti – konsulenzi u pariri minn periti jew ditti ta’ periti — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22592 u jgħid x'inhu l-ammont minfuq fuq konsulenza u pariri mogħtija minn periti jew ditti ta' periti għar-rigward ta' xogħlijiet u proġetti mis-sena 2017 sal-lum, maqsuma sena b'sena? Lil min tħallsu dawn l-ammonti sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt sabiex dan it-tagħrif jiġabar
Leg 13 PQ #23786 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Proġett ta’ pavimentar ta’ Pjazza San Frangisk — nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22555, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa finali fuq il-proġett ta' pavimentar ta' Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex? F'din in-nefqa, jista' jinkludi dak kollu li sar f'din il-pjazza inkluż il-monument ta' San Franġisk? Jista’ l-Ministru jgħid jekk ‘l-aħħar pagamenti għadhom iridu jiġu ċċertifikati u kkonfermati' kemm kienu jammontaw f'valur ta' flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa s’issa hija dik provduta f’PQ 22555. Dawn jeskludu l-ispejjeż tal-artist u tal-bronż biex sar il-monument. Bħalissa qed jiġu vverifikati l-aħħar kontijiet.

Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — reklam fil-Gazzetta KullĦadd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għamlitx reklam fl-edizzjoni tal-gazzetta KullĦadd tas-16 ta' Jannar 2022 fl-okkażjoni tas-sentejn mill-ħatra ta' Robert Abela bħala Prim Ministru? Jekk iva, min approva dan ir-reklam u kemm ġie jiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalma jiġri spiss matul is-sena, varji mezzi tal-midja u l-komunikazzjoni jiġu għand il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu jitolbuna biex nirreklamaw magħhom dwar ħidma jew servizzi li ċittadin jista’ jirrikorri għalihom. Il-Ministeru u l-entitajiet ta’ taħtu jirreklamaw ma’ diversi mezzi tal-midja u t-talbiet isiru taħt diversi temi minn mezzi tradizzjonali bħal gazzetti, radjijiet u stazzjonijiet televiżivi, sa dawk aktar moderni, bħal portals, blogs, vlogs u websajts. Hu d-dmir tagħna li ninfurmaw u nedukaw b’mod ġenerali u mingħajr dawn il-mezzi tal-midja kieku żgur ma kienx jirnexxielna nagħmlu dan. L-approvazzjoni tar-reklamar issir skont il-proċeduri stabbiliti. Għal dan il-għan intużaw fondi allokati apposta fil-baġit tal-Ministeru bl-ispiża ta’ €1,100 (VAT eskluża).

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — reklam fil-Gazzetta KullĦadd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għamlitx reklam fl-edizzjoni tal-gazzetta KullĦadd tas-16 ta' Jannar 2022 fl-okkażjoni tas-sentejn mill-ħatra ta' Robert Abela bħala Prim Ministru? Jekk iva, min approva dan ir-reklam u kemm ġie jiswa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, bħalma jiġri spiss matul is-sena, varji mezzi tal-midja u l-komunikazzjoni jiġu għand il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu jitolbuna biex nirreklamaw magħhom dwar ħidma jew servizzi li ċittadin jista’ jirrikorri għalihom. Il-Ministeru u l-entitajiet ta’ taħtu jirreklamaw ma’ diversi mezzi tal-midja u t-talbiet isiru taħt diversi temi minn mezzi tradizzjonali bħal gazzetti, radjijiet u stazzjonijiet televiżivi, sa dawk aktar moderni, bħal portals, blogs, vlogs u websajts. Hu d-dmir tagħna li ninfurmaw u nedukaw b’mod ġenerali u mingħajr dawn il-mezzi tal-midja kieku żgur ma kienx jirnexxielna nagħmlu dan. L-approvazzjoni tar-reklamar issir skont il-proċeduri stabbiliti. Għal dan il-għan intużaw fondi allokati apposta fil-baġit tal-Ministeru bl-ispiża ta’ €2,000 (VAT eskluża).
Leg 13 PQ #24182 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24049 u jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li la l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-ebda entità jew aġenzija fid-dekasteru tal-Prim Ministru kif ukoll s- Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u l-ebda entita jew aġenzija fid-dekasteru tiegħu ma ta l-ebda kuntratt, direct order, donazzjonijiet jew benefikati lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom ngħataw separatament.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24054 u jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm donazzjoni ta’ 25,000 Ewro lill-Fondazzjoni Marigold fl-2020 mill-MFSA.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24050, jista’ l-Ministru jgħid min approva dawn id-deċiżjonijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant b’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24050, li dawn it-tip ta’ decizjonijiet jittiehdu mil-kap ezekuttiv.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24052, tista’ l-Ministru tgħid min approva dawn id-deċiżjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dawn ġew approvati rispettivament mill-Kap Eżekuttiv tal-entita.

Raħal Ġdid — Triq it-Tarzna u Triq Santa Monica - xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 20364, 20369, 20702 u 20703, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba huwiex ser isir ix-xogħol neċessarju fit-toroq indikati ta’ Triq it-Tarzna u Triq Santa Monica f’Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li bħalissa qed jiddiskuti programm ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq ma’ Infrastructure Malta.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – Chairpersons, membri tal-bordijiet u entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tac-Chairpersons, membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Re-numbering tad-djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ir-re-numbering tad-djar kollha f'Malta u Għawdex? U jekk dan il-proċess għadu għaddej, jista' jgħid hemmx lokalitajiet fejn ir-re-numbering hu lest; fejn għadu għaddej u meta hu maħsub li jkun finalizzat?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Re-numbering tad-djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ir-re-numbering tad-djar kollha f'Malta u Għawdex? U jekk dan il-proċess għadu għaddej, jista' jgħid hemmx lokalitajiet fejn ir-re-numbering hu lest; fejn għadu għaddej u meta hu maħsub li jkun finalizzat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.