Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aċċessibilità ta' bankini għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm strateġija nazzjonali biex il-bankini kollha jkunu aċċessibli u jitneħħa l-periklu mill-bankini għall-persuni li għandhom problema b'mobilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fejn hu possibli l-bankini l-ġodda qed jiġu mibnija skont il-linji gwida tal-KNPD. Transport Malta għaddejja wkoll f’taħdidiet kontinwi mal-KNPD biex jiġu identifikati bankini ‘qodma’ bi problema ta’ aċċess biex fejn hu possibli jiġu ndirizzati. Fix-xhur li għaddew, Transport Malta diġa għamlet numru ta’ interventi ta’ dan it-tip.
Leg 11 PQ #36814 Sitting 509 2012-10-16 Oral · Final From: KARL GOUDER To: Ministeru tal-Intern

Program Intact Summer School in Strasbourg

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali applika għall-programm Intact Summer School in Stasbourg li sar f'Lulju li għadda u Lulju 2011? Kemm kienu l-kunsilli li bagħtu lil xi ħadd għal dan il-program? Kemm sewa kull parteċipant u min ħallas l-ispejjeż għalihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi 3 Kunsilli Lokali ħadu sehem fil-progett INTACT skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Tajjeb jiġi rrimarkat li l-parteċipazzjoni f’dan il-proġett seħħet wara sejħa li saret mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li kienet il-partner Malti f’dan il-proġett taħt il-programm “Europe for Citizens”. Kull ftehim fuq dan il-progett kien għalhekk irid isegwi r-regoli ta’ parteċipazzjoni taħt dan il-programm. Kif tindika t-tabella, kien hemm ħlas żejjed li sar mill-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex. Wara investigazzjoni li saret mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, rriżulta li kien hemm dewmien mill-Kunsill sabiex jiggarantixxi x-xiri tal-biljett tal-ajru li kkawża żieda fl-ammont ta’ prezz mitlub.

informazzjoni dwar vapur li daħal Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu illi fix-xahar ta' Settembru 2012 daħal il-vapur CMA CGM MAGELLAN fil-Malta FreePort bi 30 container? Jista' jagħti rendikont dwar x'kienet il-merkanzija li kien qed iġorr dan il-vapur f'dawn it-tletin container? Jista' jgħid mil-liema pajjiż beda l-vjaġġ u fejn kienet id-destinazzjoni finali tiegħu? Jista' jagħti l-informazzjoni sħiħa tal-vjaġġ kollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-vapur CMA CGM Magellan daħal fil-Malta Freeport Terminals fil-25 ta' Settembru 2012 biex jagħmel transshipment operation. Il-bastiment tal- containers ħatt 1245 container u għabba 2144 ieħor. Il-bastiment kellu wkoll 5788 container li baqgħu abbord ( in transit ). Dawn kienu jinkludu 30 container IMDG class 7 UN 2912 ( radioactive material). Dawn il- containers tgħabbew mill- port ta' Le Havre fi Franza. Dawn il- containers kienu iddikjarati lill-awtoritajiet ikkonċernati, kellhom id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa u anke` kienu approvati mir- Radiation Protection Board. Il materjal li jkun ġewwa l- containers ikun ippakkjat skont standards internazzjonli għal ġarr fuq il-baħar kif stabbilit permezz tal-IMO International Maritime Dangerous Goods (IMDG) Code. Il-vjaġġ tal-vapur kien hekk: Le Havre – Malta Freeport – Suez Canal – Khor Fakkan – Ġebel Ali – Ningbao – Shanghai.

Quality Control Unit — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-lista ta' dawk il-persuni flimkien mal-pożizzjoni tal-grad tagħhom li jaħdmu fis-sezzjoni tal-Quality Control Unit fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura? Jista' jkun speċifiku u jgħid x'tip ta' xogħol tesegwixxi kull persuna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura m’hemmx Quality Control Unit. Ix-xogħol ta' kontroll tal-kwalita` jsir mill-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA).

Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura — messenger driver

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjega ta' x'inhi r-raġuni li l-messenger driver fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura jieħu l-karozza tat-Transport Malta d-dar inkluż fil-weekends? Jista' jgħid għaliex din il-karozza ma sarilix logos tal-awtorità bħal tal-massengers drivers sħabu? X'inhuma d-duties tax-xogħol li dan il-massenger driver jipprovdi lill-awtorità kull jum kemm matul il-ġimgħa u kif ukoll fil-weekends? Jista' jipprovdi l-ħinijiet tax-xogħol li ħadmet din il-persuna mill-2010 sal-lum? Jista' jindika l-benefiċċji flimkien mal-overtime li ġew provduti lilu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-messaġġier li qed issir referenza għalih, huwa assenjat biex jagħmel xogħol mad-Deputy Chairman li huwa wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat tat-Toroq u Infrastruttura fuq bażi 24/7, u għalhekk dan il-messaġġier għandu bżonn li jkollu aċċess għall-karozza ta’ Transport Malta matul il-weekend ukoll. Ninsab infurmat ukoll, li hemm diversi vetturi oħra mikrija minn, jew proprjeta` ta’ Transport Malta li m’għandhomx logo ta’ Transport Malta. Id-dmirijiet ta’ dan il-messaġġier jinkludu: · Iwassal impjegati ta’ Transport Malta fuq dmirijiet uffiċċjali · Iwassal posta lil direttorati oħra fi ħdan l-Awtorita' u entitajiet oħra · Jieħu karozzi għal tiswija · Xogħol ta’ xufier għal viżitaturi barranin meta jkun hemm bżonn għall-konferenzi li torganizza Transport Malta · Xogħol ta’ xufier minn u lejn l-ajruport · Ħasil ta’ karozzi · Servizz ta’ xufier mad- Deputy Chairman/Chairman tal-Kumitat tat-Toroq u Infrastruttura fuq bażi 24/7 kif ikun meħtieġ. Il-ħinijiet uffiċċjali ta’ dan l-impjegat huma bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa bejn is-07:30 u l-16:05 (mis-07:30 sa t-14:55 bejn Awissu u l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru). Matul dawn l-aħħar tliet snin tħallas dawn l-ammonti f’ overtime: · 2012 € 2471 (sa l-aħħar ta’ Settembru 2012) · 2011 € 640 · 2010 € 1927

Transport Malta — impjegati b'unpaid leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-perjodu sabiex wieħed jitlaq l-impjieg tiegħu minn ġewwa Transport Malta b’unpaid leave? Jista' l-Ministru jindika wara kemm ġimgħat jew snin wieħed jista' jagħmel ir-ritorn tiegħu wara li jkun għamel użu mill-istess unpaid leave?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li unpaid leave jingħata skont il-ftehim kollettiv f'każi fejn impjegati huma koperti minn dan il-ftehim. F'każi oħrajn mhux koperti minn ftehim kollettiv, dan jingħata abbażi tal-mertu ta' kull każ.

persuni li marru għal konfernza 5+5

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-lista ta' dawk il-persuni minn Transport Malta li attendew għall-konferenza tal-5+5 u jekk dawn l-istess persuni kellhomx għalfejn jew id-dritt li jattendu? Jista' jgħid min ħa l-inkarigu sabiex jiġu magħżula dawn il-persuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ħadd minn Transport Malta m'attenda s-summit tal-5 + 5.

infiq fuq car/fuel allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk l-uffiċċjali, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu inkluż awtoritajiet u entitajiet oħra, li huma intitolati għal car/fuel allowance? Kemm kienet l-ispiża għal konsum ta' petrol minn dawn l-ufficjali matul dawn l-aħħar erba' snin?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: - Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali: ufficjal wiehed €7,047.64 - Kummissjoni Nazzjonali ghal Promozzjoni tal-Ugwaljanza: nil - Kummissarju ghall-Ghaqdiet Volontarji: nil - Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilta’: 2 ufficjali €10,192.78 - Fondazzjoni ghas-Servizzi tal-Harsien Socjali: Seba’ ufficjali €33,698.56 - Dipartiment Standards fil-Harsien Socjali: ufficjali wiehed €4,659.89 - Qrati tal-Gustizzja: Bejn 33 u 38 Gudikatura (ivarja matul l-erba' snin) €226,829.53, 4 ufficjali €17,090.54 - Awtorita’ tad-Djar: Bejn 12 u 15-il ufficjal (ivarja matul l-erba' snin) €104, 316.21 - MCESD: 2 ufficjali €10,629.89 - MEUSAC: Bejn 2 u 4 ufficjali (ivarja matul l-erba' snin) €11,485.47 - Kummissarju ghat-Tfal: ufficjal wiehed €13,980 - Sigurta’ Socjali: 5 ufficjali €28,890.65

infiq fuq karozza jew car/fuel allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni fil-Ministeru, awtoritajiet, aġenziji fi ħdan il-Ministeru tiegħu li jgawdu mill-benefiċċju ta’ karozza jew car/fuel allowance? Jista' jagħti l-mudell ta’ kull karozza, meta nxtrat, il-valur ta' kemm inxtrat u kemm intnefaq flus fuq fuel fuq kull karozza f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

family friendly measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni, għal kull entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu inkluż awtoritajiet u entitajiet oħra, li jgawdu minn family friendly measures u x'tip ta' miżura li minnha qed jibbenefikaw? Jista' l-Ministru, għal kull entità, jgħid jekk kienx hemm każijiet fejn ħaddiema, li qabel kienu jgawdu minn din il-miżura, kinetx irtirata jew it-talba tagħhom ġiet rifjutata? Kemm kienu dawn il-każijiet u x'kienet il-miżura li għaliha saret it-talba, li ġiet rifjutata?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Citazenship Authorisations

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inħarġu xahar b'xahar citazenship authorisations mill-awtoritajiet kompetenti mill-bidu tas-sena u ta' liema nazzjonalistà kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'citizenship authorizations qed nifhem għan-numru ta' persuni li lilhom ingħatat iċ-ċittadinanza Maltija. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Il-figuri ta' dawn it-tliet tabelli jkopru il-perjodu xahar b'xahar minn Jannar sa Settembru 2012.

security firms — kuntratti tax-xogħol

Question

Billi qed ikun hemm diversi rapporti fil-media tax-xogħol allegatament prekarju billi qed jingħaq li f'ħafna każijiet ċerti security firms qegħdin jingħataw kuntratti fejn il-kumpaniji qed jingħataw kuntratti għal ħlas li meta jitnaqqas minnhom il-VAT ikun ifisser li jkunu qegħdin iħallsu lin-nies saħansitra anqas mir-rata ta' paga minima nazzjonali, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm inkoraġġiment ta' saħansitra aktar xogħol prekarju fejn b'dan il-ħlas ma jkunx hemm flus biżżejjed biex ikunu koperti l-ħlasijiet minimi bażiċi tal-ħaddiema?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fatt li tikkwota rata anqas f’tender ghal servizzi ta’ sigurta’ jew servizzi ohra mir-rata li hi applikabbli bhala minimu nazzjonali mhux necessarjament ikun ifisser li d-drittijiet minimi tal-impieg mhumiex qed jinghataw. L-istess jista’ jinghad li jekk ir-rata kwotata tkun oghla bilfors id-drittijiet tal-impjegati jigu osservati. Fuq bazi regolari l-ispettorat tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg iwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet dwar kundizzjonijiet tal-impieg f’setturi differenti tal-industrija, inkluz f’dak tas-servizzi ta’ sigurta’. Mill-investigazzjonijiet li jsiru, kull fejn jirrizultaw nuqqasijiet minn naha tal- employer , l-istess employer jintalab jirranga l-irregolarita’ u japplika dak li hu stabbilit bhala l-kundizzjonijiet applikabbli bil-ligi. Fejn l- employer jonqos li jimxi mal-ligi jittiehdu l-passi necessarji kontrih quddiem il-qorti. Fejn irrizulta li hemm decizjonijiet tal-Qorti li sabet kundizzjonijiet tal-haddiema gew miksura, l-kuntratt gie xolt.

Applikazzjoni għall-post alternattiv

Question

B'referenza għall-każ ta' housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li bħalissa qed tgawdi minn sussidju ta' xi €80 fix-xahar fuq l-appartament tagħha u peress li l-kera tlaħħaq madwar €360 u xorta mhix f'pożizzjoni li tlaħħaq mal-ispejjeż involuti tal-akkomodazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibli li tingħata post alternattiv?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda proċessata mal-applikazzjoni l-oħra għall-akkommodazzjoni alternattiva. Id-dħul tal-applikanta għas-sena 2011 kien jammonta għal €7438.13. Hija tikri post mis-settur privat izda tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għal €966.69 fis-sena. Il-lokalita’ preferuta tal-applikanta hija Raħal Ġdid. L-Awtorita’ tad-Djar prezentament għandha 239 persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera izda li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.
Leg 11 PQ #36901 Sitting 509 2012-10-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

safety shoes ġodda lill-ħaddiema tal-Public Works

Question

Peress li ħaddiema tal-Public Works f'Għawdex ilhom sentejn jitolbu li jingħataw saftey shoes għax dawk li ngħataw sentejn ilu mill-ewwel inqalgħalhom il-qiegħ, tista' l-Ministru tara li jingħataw dawn iż-żraben biex tiġi assigurata s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li wara li nħarġet offerta u ħadd mill-offeranti ma kien eleġibbli, inħarġet l-offerta mill-ġdid għax-xiri ta' dawn iż-żraben.
Leg 11 PQ #36913 Sitting 509 2012-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — il-11-il distrett elettorali - adjudication committee

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali għandhom adjudication committee għal dawk li huma tenders/kundizzjonijiet li joħorġu l-istess kunsill? Liema kunsilli lokali għandhom/kellhom rappreżentanti mill-pubbliku fuq dawn it-tendering committee? Min kienu, għal kull kunsill għal kull tender, il-persuni li jirrapreżentaw il-pubbliku? Kif inħatru dawn il-membri mill-pubbliku għal perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sa t-30 ta' Settembru 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #36914 Sitting 509 2012-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — It-12-il distrett elettorali - adjudication committee

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali għandhom adjudication committee għal dawk li huma tenders/kundizzjonijiet li joħorġu l-istess kunsill? Liema kunsilli lokali għandhom/kellhom rappreżentanti mill-pubbliku fuq dawn it-tendering committee? Min kienu, għal kull kunsill għal kull tender, il-persuni li jirrapreżentaw il-pubbliku? Kif inħatru dawn il-membri mill-pubbliku għal perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sa t-30 ta' Settembru 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta call centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li qed jitħallas kull xahar għas-servizz ta' Transport Malta call centre? Min hi l-persuna ġewwa Transport Malta responsabbli mill-operat ta' dan il-call centre?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-ewwel parti tat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32598. Infurmat ukoll li l-operat tal-call centre huwa mmoniterat mill-Unit tal-Media u Customer Care fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi ta' Transport Malta.

impound centre

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36495 u jagħti lista ta' impound centre? Għal kull impound centre, jista' jipprovdi rendikont ta' flus li ġew imħallsa lil kull operatur mis-sena 2007 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent Transport Malta għandha impound centre wieħed li jinsab fis-sit tal-ex-Malta Shipyards. Transport Malta ma tħallas l-ebda flus għal dan is-sit.

Impjegati li ma jaħdmux mal-ministeru

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx pjan li nies li ma jaħdmux fil-Ministeru tiegħu jiġu allokati f'xi dekasteru ieħor? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jipprovdi l-lista tan-nies, il-posizzjoni preżenti tagħhom, il-posizzjoni u l-isem tad-dekasteru li se jkunu qed jaħdmu fih?

Response (GATT, AUSTIN)

Naħseb illi rrid inkun kjaroveġġenti biex inkun naf x'se jiġri b' "nies li ma jaħdmux fid-dekasteru" tiegħi!

Boat Show

Question

B'referenza għal kemm ilha tiġi organizzata l-Boat Show ġewwa Dock 1, għall kull sena jista' l-Ministru jindika min kien l-organizzatur u l-perjodi li ġiet organizzata l-Boat Show? Jista' jagħti rendikont ta' flus li rċeviet mill-kiri tad-Dock 1 għall-Boat Show u jindika l-ammont ta' flus li tħallsu għall-parteċipazzjoni? Jista' jgħid l-ammont ta' flus li tħallas bħala sponsorship u jgħid jekk kienx hemm xi spejjeż oħra li ġew imħallsa u kemm kien l-ammont? Jista' jgħid jekk hux se jingħataw post alternattiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.