Jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar Mater Dei kemm twieldu ulied minn ommijiet xebbiet matul dawn l-aħħar għaxar xhur tas-sena 2012? Kemm minn dawn l-ommijiet xebbiet kienu ta' nazzjonalità barranija? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għal twelid mill-isptarijiet privati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena twieldu 467 tarbija minn ommijiet xebbiet f’Malta u Għawdex. Minn dawn it-trabi, 47 twieldu minn ommijiet ta’ nazzjonalità barranija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie sospiż id-dawl b'kawża ta' ħsarat fil-power station xahar b'xahar bejn Jannar u Settembru 2012? Liema kienu l-bliet u rħula? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru inkluż id-dekasteru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanati li jibdew isiru korsijiet li jwasslu għall-degree tal-veterinarji ġewwa l-Università ta' Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Università ta’ Malta kellha diskussjonijiet ma’ istituzzjoni Inġliża u oħra Slovakka dwar il-possibiltà li l-Università toffri kors għall-veterinarji f’Malta.
Deher ċar li kors sħiħ qatt mhu sejjer ikun possibbli hawn Malta minħabba li l-popolazzjoni tal-annimali f’dawn il-ġżejjer qatt ma hija se tkun biżżejjed biex issostni kors ta’ dan it-tip. Barra minn hekk hawn Malta ma għandniex l-istaff akkademiku meħtieg biex inkopru s-suġġetti kollha li jkunu meħtieġa f’kors bħal dan.
Iżda l-Università qiegħda f’diskussjonijiet mar-Royal Veterinary College tal- Università ta’ Londra, biex jiġi żviluppat kors ta’ 3 snin li jsir hawn Malta, bit-tagħlim mogħti minn lecturers minn Malta u mill-Ingilterra u dawk li jtemmuh b’suċċess ikunu eliġibbli li jkomplu l-istudji tagħhom l-Ingilterra bil-għan li jsiru veterinarji. It-tieni kors jibni fuq il-kors li jkun sar Malta u komplessivament il-kors ikun twil daqs korsijiet li jsiru barra minn Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36571 u jgħid liema kienu dawk il-link roads li Transport Malta għamlet xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul din is-sena sal-lum? Kemm kien il-valur tax-xogħol f'kull triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawk il-
link roads
li Transport Malta għamlet xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul din is-sena sal-lum huma dawn:
Sa Maison, Floriana €26,604.83
Princess Margaret, Ta` Xbiex €103,397.50
(part of – certified by Msida LC and to be paid by TM)
Princess Margaret, Ta` Xbiex € 62,468.50
Notabile Rd approx. €5,000
Mannarino Rd / Valley Rd, B’Kara approx. €60,000
Triq Santu Wistin, Paceville approx. €3,000
Triq Xatt ta’ Ta’ Xbiex (resurfacing works) €15,765.67
Triq il-Mitħna Qormi €38,000
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi kalkoli mill-Gvern Malti u l-prezz tad-dawl li se nixtru minn Sqallija jew l-Italja fejn se jkunu imqabbdin mal-grid huwiex se jkun iktar għoli mill-prezz tad-dawl kif qegħdin nixtruh illum jew irħas?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34523.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-cable tad-dawl li se nqabbdu mal-grid Ewropew huwiex se jkun biżżejjed biex iforni lil Malta u Għawdex kollu bid-dawl jew jekk dan huwiex se jforni biss parti mill-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq l-oqbra ġodda u tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Addolorata f'liema stadju qiegħed? Jista' jgħid meta se jkun hemm offerta għal min irid jixtri qabar ġdid?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bil-pubblikazzjoni l-ġimgħa li għaddiet tal-Avviż Legali 327 tal-2012 infetħet it-triq sabiex jinbiegħu 2989 qabar ġdid fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.
Matul din il-ġimgħa għandu jingħalaq it-
tendering process
għall-kostruzzjoni u r-restawr tal-istess ċimiterju u b’hekk ix-xogħol fuq l-oqbra l-ġodda mistenni li jibda mill-aktar fis possibli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibni krimatorju li jkun jista' jintuża minn dawk il-persuni li juru ix-xewqa li jagħmlu dan? Jekk għandu il-ħsieb li jagħmel dan, meta jaħseb li dan il-proġett se jibda u jitlesta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Gvern m’għandux pjanijiet biex jibni krematorju pubbliku
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibni ċimiterju għall-annimali? Fejn jaħseb li dan il-post se jsir u meta jkun lest biex jibda jilqa' fih l-ewwel karkassi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li skont Regolament ta-Kunsill 1069/2009 llum ma jistgħax ikun hemm ċimiterju tal-annimali peress li annimali mejta huma kunsidrati bħala Animal By products tal-Kategorija 1 u għalhekk jridu jinħarqu. L-uniku mezz biex jiġi żviluppat ċimiterju tal-annimali huwa li jkun hemm inceneratur u jiġu midfuna biss l-irmied.
Minn naħa l-oħra, sid ta’ pet jista’ jidfen biss fil propjeta tiegħu u dan u jista’ jkun animal wieħed kultant żmien.
Għargħur — Triq Santa Katarina - spiera tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36806 u 36358 u jara x'jista' jsir peress li fi Triq Santa Katarina, Għargħur allegatament il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhux dejjem jieħdu ħsieb ibattlu l-ispiera tad-drenaġġ bil-konsegwenza li meta tfur, id-drenaġġ joħroġ fit-triq u kull meta l-kunsill jinduna li qed isir hekk, ninsab nfurmat li jgħarrfukhom dwar dan sabiex tibagħtu l-bowser? Hemm xi pjanijiet biex l-ispiera titqabbad mal-main tad-drenaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tagħmel ħilitha sabiex din il-fossa titbattal b’mod regolari. Qed isir studju neċessarju sabiex tiġi installata pompa f’din il-fossa u t-tbattil isir b’mod awtomatiku.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36853 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min qed jieħu ħsieb l-organisation tal 5+5 anki mill-aspett loġistiku? Jista' jikkonferma jekk huwiex involut b’xi mod il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk iva, dan għandu liċenzja ta' DMC u jekk iva meta nħarġet? Kien hemm sejħa għall-offerti u jekk iva meta nħarġet? Kemm se jkun d-dħul tiegħu minn dan l-assignment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija li għamilt f’dan il-parlament nhar it-Tnejn 8 ta’ Ottubru 2012.
Dwar il-persuna li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament, nikkonferma li ġie ingaġġat sabiex jgħin fil-Koordinazzjoni tal-organizzazzjoni loġistika tal-Palazz Verdala.
Il-Kumpanija tal-persuna kkonċernata ingħatat xogħolijiet oħrajn ta’ armar marbutin ma’ venues tas-summit tal-5+5.
Infurmat ukoll li ma jidhirx li sabiex isir dan ix-xogħol kien hemm bżonn liċenzja ta’ DMC kif elenkat f’kapitlu 409 tal-liġijiet ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jinvestiga rapport li ġie filed minn omm mill-Għargħur fil-bidu tas-Settembru ma' Transport Malta wara li tfal żgħar tagħha tardjaw bil-kbir minħabba nuqqasijiet fis-servizzi tal-Arriva, fejn wara li sabu li l-bus 36 kienet titlaq mingħajr avviżż xieraq - l-aħħar fis-7:00pm mill-Belt għall-Għargħur, fejn wara qalulhom li l-bus 35 għal xi raġuni jew oħra naqset li tieqaf fil-lane xierqa, u ħalliethom l-art u b'żieda ma' dan qalulhom li l-bus ta' wara kienet titlaq biss fit-8:45pm iżda anki din telqet fid-9:10pm? Xi jkun sar dwar rapport simili?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mir-‘records’ li għandha Transport Malta, dan ir-rapport ma’ jidhirx li gie ‘filed’ ma’ din l-Awtorita’. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jgħaddi d-dettalji ta’ dan il-każ lill-Awtorita’ sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa fir-rigward ta’ dan il-każ.
Infurmat ukoll li kull rapport li jasal għand l-Awtorita’ jiġi investigat sabiex fejn ikun possibli, jiġi stabbilit xi jkun ġara u jekk fl-affermattiv titieħed azzjoni hekk kif mitlub fil-kuntratt li kien ġie iffirmat bejn Transport Malta u l-operatur tat-trasport pubbliku, Arriva Malta Ltd.
Infurmat ukoll li r-rotta 36 li tgħaqqad lil Ħal-Għargħur mall-Belt Valletta via l-Isptar Mater Dei bi frekwenza ta’ kull siegħa, għandha l-ewwel viagg li jibda minn Ħal-Gharghur fil-5:33 ta’ fil-għodu fil-waqt li l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta jitlaq f’6:35 ta’ filgħaxija. Ir-residenti ta’ Ħal-Għargħur huma ukoll moqdija bir-rotta 35 li għandha frekwenza ta’ kull siegħa u li ukoll teħodhom lejn il-Belt Valletta via l-isptar Mater Dei, fejn l-ewwel vjaġġ jitlaq mill-lokalita fis-6:53 ta’ fil-għodu u bl-aħħar vjaġġ jitlaq mill-Belt Valletta fl-10:10 ta’ filgħaxija. Rotta oħra li topera min din il-lokalita hija r-rotta 136 li tgħaqqad il-lokalita ma’ Birkirkara ta’ kull siegħa.
Transport Malta qegħda tgħamel ukoll moniteraġġ ta’ dawn ir-rotot u fejn jiġi nnutat li jkun hemm xi nuqqasijiet fis-servizz tittieħed azzjoni hekk kif mitlub fil-kuntratt
Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta’ nies (grad ta’ manager 'il fuq) li ġew ngaġġati mad-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar tliet snin, filwaqt li jinkludi l-pożizzjoni offruta, tip ta’ kuntratt (definit jew indefinit), livel ta’ edukazzjoni, numru ta’ snin il-kuntratt huwa validu (fil-kaz ta’ kuntratt definit), salarju u benefiċċji oħra offruti? Jista' jindika ukoll jekk hemmx pjan li jiġu ngaġġati aktar nies fit-tliet snin li ġejjin? Jekk fl-afferimattiv, taħt liema dekasteru u x’pożizzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru, għal kull dekasteru, jipprovdi lista ta’ nies lis-salarju (jeskludi il-performance bonus) tagħhom ġie revedut mil-anqas darbtejn mis-sena 2007 sal-lum? Jista' jinkludi ż-żieda fis-salarju, il-pożizzjoni l-ġdida, id-data ta’ meta dan seħħ, min kienu dawk il-persuna/i li approvaw u kienu parti min dan il-proċess, filwaqt li jindika jekk kienx hemm call for application?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindika għal kull dekasteru, l-ammont finanzjarju li tħallas bħala performance bonus f’dawn l-aħħar 12 il-xahar? Kemm kien hemm persuni li ħadu performance bonus? Kemm kien l-għola u l-anqas persentaġġ li ngħata bħal performance bonus?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji supplimentri li qed jingħataw liċ-Chairman u lis-CEO ta’ kull dekasteru? Jista' jindika wkoll x’kien l-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiiċċji supplimentari li kienu jingħataw liċ-Chairman’s u lis-CEO’s preċedent? Jista' jikkonferma jekk ingħatawx xi flus jew benefiċċji oħra liċ-Chairmen u lis-CEO’s preċedent b’relevanza tar-riżenja tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-benefiċċji/flus li ngħataw filwaqt li jindika jekk ir-riżenja kenitx b’mod volontarju u mingħajr pressjoni politika/ministerjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
La Vallette Multi Manager Property Fund — MFSA - Prospett Supplementari
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36821 u 35705 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista’ l-Ministru jgħid lil min sewwa sew qed tipproteġi l-MFSA?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.