Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex it-triq tal-Bidnija int u dieħel mill-Mosta għall-Bidnija jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilma ma jeqlibx għal ġewwa r-raba, imma jiġi gwidat għall-Wied Għajn Mula?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor.Interpellant li se jintbagħtu persuni inkarigati sabiex issir spezzjoni fuq il-post imsemmi.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta’ konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta għamlet użu minnhom mill-2008 sal-lum? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħalsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien minn mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36504 li oriġinarjament saret lill-Minsitru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet rifertua lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-prezzijiet tal-mediċini, li ġew imraħħsa fil-prezz fl-aħħar lista ppubblikata hawn Malta fid-19 ta’ Settembru 2012? Kif qegħdin jinbiegħu f’dawn il-pajjiżi, stati-membri tal-Unjoni Ewropeja: Portugall, Spanja, Sqallija/Italja, Greċja u Polonja?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-mediċini li roħsu kif ġew imħabbra fid-19 ta’ Settembru 2012, bil-prezzijiet kif jinbiegħu fil-Portugall, fi Spanja u fl-Italja.
Billi l-Greċja u l-Polonja ma jintużawx bħala pajjiżi ta’ riferenza fil-mekkaniżmu tat-tqabbil tal-prezzijiet, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur m’għandhiex lista bil-prezzijiet f’dawn il-pajjiżi.
Jista' l-Ministru jagħti lista tas-safar kollu li saru fid-dekasteru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2009 sal-lum? Għal kull safra, jista' jgħid min kienet il-persuna/i li pparteċipaw, il-pożizzjoni tal-persuna, dekasteru/dipartiment, l-iskop, destinazzjoni, kemm ħadu allowance kull persuna, spejjeż oħra relatati mal-vjaġġ, jekk il-vjaġġ hux relatat ma' working group/training/project meeting relatat mal-Unjoni Ewropea, u jekk il-lukanda kenitx mħallsa minn qabel? Jista' jgħid jekk kienx hemm breakfast imħallas minn qabel u jekk kienx hemm lunch/dinner mħallas minn qabel, jekk hux re-imbursed mil-Unjoni Ewropea filwaqt li jindika wkoll kemm damet is-safra? Jista' l-Ministru jagħti lista għal kull individwu li siefer fuq xogħol uffiċjali? Jista' jindika t-total ta’ allowance li ħa flimkien wkoll it-total ta’ ġranet li kien fuq safar? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal kull sena, mis-sena 2009 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' pagamenti li tħallsu lil Arriva mis-sena 2011 sal-lum, filwaqt li jagħti deskrizzjoni tal-pagament, id-data tal-invoice, invoice number, id-data tal-pagament u l-ammont li tħallas? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' flus li tħallsu lil Arriva li huma over and above dak li hemm indikat fil-kuntratt, filwaqt li jagħti deskrizzjioni tal-pagament, id-data tal-invoice, invoice number, id-data tal-pagament, l-persuna li approvat il-pagament u l-ammont li tħallas filwaqt li jindika wkoll l-ammont li l-Arriva huwa kontrattwat li jitħallsu kull sena u x'inhu l-ammont ipproġettat, li jitħallas fis-sentejn li ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-shelter għaż-żwiemel li sar fi Triq Marsamxett, Valletta, għadu mhux jintuża għal dan il-għan? X'qed iżomm milli jsir dan? Min hu responsabbli sabiex jara li dan ix-shelter jintuza' kif imwiegħed?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xelter għaż-żwiemel li tqiegħed fi Triq Marsamxett, Valletta huwa wieħed minn numru ta' xelters li qed jinbnew madwar il-Belt Valletta u nħawi oħra madwar Malta fejn il-karozzini għandhom stands jew vened awtoriżżati minn fejn joperaw. L-għan ewlieni ta’ dawn ix-xelters huwa sabiex jiġi provdut kenn mix-xemx u xorb għaż-żwiemel waqt il-ħidma tagħhom u dawn saru wara numru ta’ talbiet u wara konsultazzjoni sħiħa mar-rappreżentanti tal-operaturi tal-karozzini, kif ukoll mal-għaqdiet favur id-drittijiet tal-annimali.
Għalkemm fil-preżent m’hemm ebda provediment fir-regolamenti li jaqgħu taħt dan id-dekasteru li jobbliga lill-kuċċiera tal-karozzini sabiex dawn jagħmlu użu minn dawn ix-xelters, huwa mistenni li dawn ix-xelters jiġu wżati mill-kuċċiera, speċjalment meta wieħed iqis li kemm huma, kif ukoll l-għaqdiet favur id-drittijiet tal-annimali kienu ilhom snin jilmentaw minn nuqqas ta’ xelters għaż-żwiemel.
Madanakollu, l-Awtorità mhix infurmata li x-xelter in kwistjoni mhux qed jintuża għall-għan imsemmi hawn fuq.
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm żmien jinżammu r-rekords jew data, jew jekk jiġux deleted il-liċenzji li għandhom x’jaqsmu mal-catering (bars,snack bars,restaurants eċċ.)? Huwa minnu li meta jitħallsu l-liċenzji awtomatikament din twaqqa’ ta’ qabilha, jekk dik li taqa’ jinżammux ir-rekords tagħhom jew data?
Response (MARCO, MARIO DE)
L-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ma telimina l-ebda rekord jew data li għandha x’taqsam ma’ ħruġ ta’ kwalunkwe liċenzi. Meta liċenza tiġi mġedda, l-informazzjoni li tappartjeni l-istess liċenza, bħal per eżempju kundizzjonijiet tal-liċenza, mhux biss jibqgħu jinżammu bħala rekord iżda jidhru wkoll fuq il-liċenza mġedda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-gvern, meta jkollu bżonn użu ta' servizzi veterinarji, l-Għammieri jibgħat l-annimali konċernati fiċ-Ċentru San Franġisk? Qatt ikkunsidra li jkollu veterinarji tal-post fl-Għammieri għall-istess għan? Kemm hemm veterinarji kwalifikat b'kollox ma' dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, speċjaliment il-biċċerija in partikulari?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm tlieta u għoxrin (23) veterinarju impjegati mad-Direttorat tar-Regolament veterinarju u dawn huma kollha allokati fuq xoghol regolatorju li jkopri s-saħħa tal-Annimali u it-Trattament Xieraq, Is-Sigurta tal-Ikel u l-Laboratorju.
In-numru ta’ annimali li hemm l-Għammieri ma jiġġustifikax l-impjieg ta’ Veterinarju
full-time
..
Min naħa l-oħra, infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern fetaħ iċ-Ċentru San Frangisk fejn il-kuntratt mal-okkupant jobbligah li jgħati s-servizz meħtieġ b’xejn lil klieb u qtates li A.W.D ikun ġabar mit-toroq bla sid u li jkunu mweġġa. Huma biss dawn l-annimali li jittieħdu għal kura ġo San Frangisk. Barra minhekk, Veterinarju impjegat l-Għammieri speċifikament biex jagħti kura klinika lill-annimali hemmhekk jitlob investiment f’ħafna apparat li diġa jeżisti ġo San Frangisk.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet mis-sena 2008 sal-lum fejn kien hemm qtugħ tal-provvista tad-dawl f’għadd ta’ bliet u rħula Maltin dovuti għall-qtugħ ikkawżat minn ħsarat li saru fuq cables eċċ. minn kuntratturi privati? X’passi ħadet il-Korporazzjoni Enemalta f’kull każ, u x’penali u jew multi ġew imposti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 602W li kienet tirreferi għal ħsarat ikkawżati minn kuntratturi privati sa’ l-aħħar ta’ Awwissu 2012. Sadanittant matul ix-xagħar ta’ Settembru kien hemm 7 kazi oħra fejn kuntratturi privati kkawżaw ħsara fuq il-kejbils tal-Korporazzjoni Enemalta.
F’dawn il-każi l-Korporazzjoni Enemalta timmulta lill kuntratturi il-valur tal-ħsara li tkun saret fuq il-kejbils.
Sptar tal-Onkoloġija — kundizzjonijiet oriġinali għall-bini tal-isptar
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk waħda mill-kundizzjonijiet oriġinali għall-bini tal-Isptar tal-Onkoloġija kienet li ma jistax jsir tibdil fil-pjanta oriġinali? Jista' jikkonferma jekk bedix isir xi tibdil dwar dan? Jista' jikkonferma jekk il-bini huwiex se jsir minn kuntrattur b'esperjenza fil-bini ta' sptarijiet? Jekk iva, u l-għażla saret, x'esperjenza għandu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru mill-gvern minn persuni tekniċi u indipendenti dwar il-possibilità ta' użu ta' partijiet mill-Isptar San Luqa qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni strateġika li jiġi akkwistat għall-użu ta' sptar privat abbandunat bħal Sptar Saint Philip?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
B'referenza għall-istqarrija riċenti dwar regolamenti ġodda dwar kif jistgħu jiġu emendati l-ismijiet f'dokumenti pubbliċi Maltin, jista' l-Ministru jgħid ittieħdetx kunsiderazzjoni tal-fatt li f'ħafna partijiet tal-Awstralja mhuwiex daqstant faċli li wieħed isib kummissarju li jagħti l-ġurament jekk dan ma jkunx xi konslu li għandu l-warrant ta' Commissioner for Oaths? Għaliex ma ssemmewx ukoll il-justice of the peace? Għaliex il-gvern qed jinsisti li t-traduzzjonijiet għandhom issir biss fil-lingwa ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liġi taplika għall-Atti kollha reġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’Malta jgħix fejn jgħix l-applikant. Ninsab infurmat illi l-Commissioners for Oaths li jinsabu fil-Missions Maltin fl-Awstralja qed joffru dan is-servizz lil kull min jixtieq jissottometti applikazzjoni. Madanakollu l-liġi ma teskludix li l-ġurament jittieħed quddiem justice of the peace jekk dan jista’ jagħti ġurament għax kull ma titlob il-liġi hija talba sostnuta minn dikjarazzjoni maħlufa.
It-traduzzjonijiet għandhom isiru biss bil-lingwa ewropea għax l-ismijijet Ewropej huma aktar familjari għal-uffiċjali tar-Reġistru Pubbliku minn traduzzjonijiet ta’ismijiet b’lingwi li jintużaw f’pajjiżi barra l-Ewropa. Dan għaliex wieħed għandu japprezza li l-uffiċjali ma jistgħux ikunu familjari mal-lingwi u l-alfabeti kollha li jeżistu fid-dinja. Permezz ta’din il-limitazzjoni l-uffiċjali tar-Reġistru Pubbliku ikunu aktar ċerti li l-liġi qed tiġi osservata.
Jista' l-Ministru jikkonferma sa tmiem Settembru kemm kellu kontijiet pendenti xi jħallas l-Isptar St Philips lill-Gvern dwar national insurance contribution, dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma, taxxi dovuti lill-gvern u kull dhul ieħor dovut lill-gvern separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi tali informazzjoni ma tistax tingħata għaliex id-Dipartimenti konċernati huma preklużi mil-liġi milli jagħtu informazzjoni bħal din. Tajjeb ninforma lill-Onor. Interpellant illi, jekk hemm, dak kollu dovut se jitnaqqas mill-ewwel pagamenti dovuti skont il-kuntratt.
Jista' l-Ministru jara li jkun hemm dawl fi Triq 8 ta' Diċembru f'Bormla?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li ir-responsabbilita ta’ liema toroq residenzjali jiġu mdawla kienet għaddiet f’idejn il-Kunsilli Lokali u lill-Transport Malta fil-kas ta’ toroq arterjali.
Il-Korporazzjoni Enemalta ma’ rċeviet l-ebda talba minn dawn iż-żewġ entitajiet biex tigi nstallata bozza fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Bormla — Triq 8 ta' Diċembru - pedestrian crossing imdawwla
Question
Jista' l-Ministru jara li l-pedestrian crossing li hemm fi Triq 8 ta' Diċembru f'Bormla tkun imdawwla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-materja msemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi, nitolbu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza li tagħti lejn id-djar mal-arblu tad-dawl li hemm fi Triq l-Immakulata f'Bormla?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-responsabbilita ta’ liema toroq residenzjali jiġu mdawla kienet għaddiet f’idejn il-Kunsilli Lokali u lill Transport Malta fil-kas ta’ toroq arterjali.
Il-Korporazzjoni Enemalta ma’ rċeviet l-ebda talba minn dawn iż-żaewġ entitajiet biex tiġi nstallata bozza fit-triq imsemmija mill Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Pjazza Paolino Vassallo Bormla hux se tkun lesta għall-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni li taħbat fit-8 ta' Diċembru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fiż-żona ta’ Pjazza Paolino Vassallo huma skedati li jibdew f’Jannar 2013 u ppjanati li jkunu lesti fiż-żmien tlett xhur, dejjem jekk ma jinqala xejn imprevist.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-ġnien li suppost se jsir fi Triq San Ġwann f'Bormla quddiem il-club tal-Cospicua Rangers, liema ġnien ilu jiġi mwiegħed għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
"Infakkar lill-Onorevoli interpellant li x-xogħol imwiegħed ma sarx wara li l-uniku offerta mitfugħa ghas-sejha ghall-offerti ta’ dan għall-proġett , wara li nħarget sejħa għall-offerti, daħlet kważi 40% ogħla mill-istima li kien ipprepara d-dipartiment apparti l-fatt li l-offerta ġiet effetivament ogħla mill-ammont aċċettabli minn dak permessibbli għal tender dipartimentali. Għalhekk id-Dipartiment konċernat ma kienx f’pożizzjoni jalloka dan ix-xogħol.
Infakkar ukoll li l-flus li kienu allokati abbażi tal-istima xorta ser jiġu investiti ġewwa Bormla permezz ta’ proġett li ser jitwettaq mill-Gvern Ċentrali u dan jikkonsisti fil-bdil tal-balavostri tat-taraġ ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali, b’valur ta’ €77,000 .Dan ix-xogħol fuq il-balavostri tal-Knisja qed isir ukoll fuq talba tal-istess Kunsill Lokali ta’ Bormla.
Sadanittant, jekk il-fondi jippermettu, il-proġett ta' Triq San Gwann xorta ser jiġi kkonsidrat biex jiġi nkluż fil-programm tax-xogħol għas-sena d-dieħla."
Peress li l-għaqda persuni neqsin mis-smigħ ilhom żmien jitolbu premises, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet din it-talba?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, m’għandu l-ebda talba pendenti mill-għaqda persuni neqsin mis-smigħ għal xi premises. Madanakollu ninforma lill-Onorevoli Membru, li din l-għaqda diġà għandha fond tal-Gvern mikri lilha sa mill-1981, ġewwa Xatt Lascaris, il-Belt Valletta.