Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li applikat biex tifdi ċ-ċens imma għadha mingħajr risposta?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi minkejja li l-persuna, li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, kienet applikat biex tifdi ċ-ċens perpetwu rivedibbli tal-proprjetà, hija ma kinitx iċ-ċenswalista rikonoxxuta. Għal dan il-għan hija ntalbet biex tibgħat id-dokumenti neċessarji. Dawn id-dokumenti ntbagħtu u qed jiġu verifikati biex hija tkun tista’ tiġi rikonoxxuta bħala ċ-ċenswalista. Appena jsir ir-rikonoxximent, id-dipartiment ikun jista’ jkompli bil-proċess biex isir il-fidi taċ-ċens.

injection li tingħata b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-injection accasta 5mg solution for infusion zoledronic acid 100ml tistax tingħata b'xejn għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Medicines Entitlement Unit ma rċieva l-ebda applikazzjoni tal-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Il-Mediċina f’forma ta’ vjali zoledronic acid 5mg tinstab disponibbli fil-Formulajru tal-Gvern. Din il-mediċina tingħata bla ħlas lil pazjenti li għandhom: · Il-marda ta’ Paget’s; · Osteoporożi assoċjata ma’ kura bi sterojdi għal perjodu twil ta’ żmien minħabba waħda mill- kundizzjoni kroniċi li ġejjin skont il-lista tal-Ħames Skeda: - Ażżma kronika - Mard tal-kliewi kroniku - Mard tal-fwied kroniku - Mard Pulmonari Ostruttiv Kroniku - Indeboliment Respiratorju Kroniku - Fibrożi Ċistika - Dermatomijosite/Polimijosite - Mard Infjammatorju fl-Imsaren - Lupus Erythmatosus - Mard ta’ natura Malinja - Sklerożi Multipla - Myasthenia Gravis - Poliartrite Nodosa - Polimajalġja Rewmatika - Artrite Rewmatika - Artrite seronegattiva - Sklerożi Sistemika

stallazzjoni ta' lift

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistax jiġi stallat lift fi blokk li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li wieħed mir-residenti hu marid?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkwilin huwa ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar sabiex japplika għall-iskema tal-istallar tal-lifts ġo binjiet tal-Gvern.

ilment dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi rivedut il-kont tad-dawl u l-ilma tas-sinjura li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li ġie għoli ħafna?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — direct orders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena ngħataw erbgħin (40) Direct Order. Mill-Head Office f'Malta ammontaw għal € 342,655, Ambaxxati, Konsulati u Uffiċċji Rappreżentativi € 332,825 u għal xiri ta' biljetti tal-arju € 24,255 kif approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, ingħataw erba’ mijja u sitta u tletin (436) direct order li jammontaw għal għoxrin miljun, erba’ mijja u erba’ u sittin elf, tminn mijja u sebgħa u tletin Ewro, u ħamsa u ħamsin ċenteżmu (€20,464,837.55). Mitejn u sebgħa u għoxrin (277) minn dawn id- direct orders , li jammontaw għal għoxrin miljun, mijja u sitta u sebgħin elf, sebgħa mijja u disgħa u disgħin Ewro (€20,176,799.00), intefqu f’mediċina u fuq apparat li jintuża fl-isptar Mater Dei.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri d-direct orders bejn l-ewwel ta’ Jannar 2012 u l-aħħar ta’ Settembru li għadda. Dawn id-Direct Orders ġew mogħtija wara l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti f’dan il-Ministeru u proċessati skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern.
Leg 11 PQ #36726 Sitting 511 2012-10-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36573 u jgħid kemm intefqu flus fuq xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji matul din is-sena sal-lum, kull triq separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

areas li ddaħħlu fl-iskemi tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36576 u jagħti update dwar liema areas li ddaħħlu fl-iskemi tal-bini permezz tan-nationalization sal-lum ġew approvati mill-Ministru? B'liema mod ġew approvati? X'sar mill-areas l-oħra llum?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Proġett tal-Baċir Nru. 1

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36579 u jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fil-proġett tal-Baċir Nru.1? Meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol kollu fuq dan il-proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq il-fażijiet kollha tal-proġett msemmi huwa ta' madwar 33%. Dan mistenni li jkun lest għal Lulju 2013; dejjem jekk ma jinqala xejn imprevist.

Pavimentar tal-Belt Valletta

Question

Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu biex il-pavimentar ġdid li qiegħed isir il-Belt ma jibqax jiġi mtebba' biż-żejt tal-vetturi li jgħaddu minn fuqu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Membru jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabli mit-Trasport.

MEPA — binjiet mhux konformi mal-liġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet skont l-iskema li għadha kif inħarġet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal binjiet mhux konformi mal-liġijiet tas-sanità mhux qegħdin isiru mill-uffiċjali tas-sanità iżda minn persuni li ftit għandhom esperjenza fit-tħaddin tar-regolamenti sanitarji?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

inċineratur bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dam l-inċineratur bil-ħsara matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-okkorrenza ta’ waqfien ħtija ta’ ħsara kienet darba waħda biss fix-xahar ta’ Awwissu fejn allura ittieħdet l-opportunità biex isir ukoll il-mautenzjoni ta’ rutina b’waqfien totali ta’ ħmistax-il ġurnata.

inċineratur bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ġie mmaniġjat il-materjal li soltu kien jinħaraq fl-inċineratur sakemm dan kien bil-ħsara?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif jiġri kull meta l-incineratur jitwaqqaf, l-iskart tal-annimali jiġi pproċessat u mqiegħed ġo kontenituri li jiġu ffriżati. Bl-istess proċess jkun applikat għall-iskart tal-isptarijiet.

ktejjeb 'Benefiċċji għalik...'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża fuq il-tfassil, printing u distribuzzjoni tal-ktejjeb 'Benefiċċji għalik...' tas-sigutrà soċjali. li tqassam fid-djar Maltin matul ix-xahar ta' Settembru 2012?

Response (SAID, CHRIS)

Ninformal lill-Onor. Interpellant li t-tfassil tal-ktejjeb imsemmi sar internament minn impjegati tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Inżid ninfurmah ukoll li l-ispiża tal-istampar kienet ta’ €12,495.00 (inkluż il-VAT) waqt li d-distribuzzjoni swiet €3,824.37 (inkluż il-VAT).

pazjenti operati fi sptarijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema oqsma hemm il-ħsieb li jsiru ftehim mas-settur tas-saħħa privat sabiex ikunu jistgħu jiġu operati pazjenti li bħalissa qegħdin fuq il-waiting list? Kemm hija s-somma li se tkun iddedikata għal dan ir-rigward u jekk hemmx ħsieb li jsiru operazzjonijiet fil-privat minħabba u permezz ta' dan il-ftehim?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm il-ħsieb li fil-qasam ta’ day surgery, fejn l-intervent kirurġiku isir matul il-ġurnata u l-pazjent ikun jista’ jintbagħat id-dar dak inhar stess, tiġi kkunsidrata il-possibilita’ li jinfirxu il-ftehim eżistenti bħal tal-katarretti u l-artroskopija tal-irkoppa, li diġa qegħdin isiru, mas-settur tas-saħħa privat sabiex ikunu jistgħu jiġu operati pazjenti li bħalissa qegħdin fuq il-waiting list. Is-somma li hi ddedikata għal dan ir-rigward hi meħuda mill-estimi tal-Vot Rikurrenti Programmes and Initiatives, speċificament il-Vot magħruf bħala: Waiting Lists for Medical Services (Outsourcing) li għas-sena 2012 ammonta għal €2,500,000.