Peress li l-biodiesel huwa fuel magħmul minn żejt tal-ikel riċiklat u għalhekk il-prezz tiegħu żgur mhux relatat direttament mal-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt li ġej minn fossil fuels bħad-diesel normali, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-prezz tal-biodiesel li huwa ta' inqas ħsara għall-ambjent jogħla kull meta jogħla il-prezz tad-diesel normali? Ma jidhirlux li iżjed nies jistgħu jkunu nkorraġiti jużaw il-biodiesel jekk il-prezz tiegħu jirrifletti il-benefiċċji ambjentali tiegħu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-obligazzjonijiet rikjesti fil-Legal Notice 278/07 u sussegwement l-emendi 426/07; 33/10 u 68/11, il-Korporazzjoni Enemalta tixtri Bio Diesel skond standard internazzjonali biex wara tħaltu mad-Diesel normali. Dawn ir-regolamenti jirrekjedu li għas-sena 2012, 2.5% ta’ l-enerġija użata għat-transport irid ikun Bio Fuel. Dan il-persentaġġ jibqa’ jiżdied sena wara sena biex tintlaħaq l-10% sas-sena 2020.
L-Onorevoli Interpellant jidher li qed jirreferi għal Bio Diesel li jinbiegħ fil-petrol stations u li jikkonsisti f’100% Bio Diesel. Dan il-prodott mhux wieħed mill-prodotti li tbiegħ il-Korporazzjoni Enemalta għaldaqstant ma hiex involuta fil-prezz ta’ dan il-prodott.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm diretturi ġenerali f'Għawdex, min huma, kemm għandhom dipartimenti/uffiċini taħthom, kemm huwa l-istaff compliment li jaqa' taħt ir-responabilità ta' kull direttur ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu żewġ Diretturi Ġenerali li huma Direttur Ġenerali (Operations) u Direttur Ġenerali (Strategy and Support).
Id-Direttur Ġenerali (Operations) hu responsabbli għad-Direttorat tal-Customer Services, dak tal-Proġetti u Żvilupp u dak għas-Servizzi Korporattivi kif ukoll għall-Back Office Unit, għar-Reġistru tal-Artijiet, għar-Reġistru Pubbliku u għall-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. In-numru ta’ impjegati f’dan id-Direttorat Ġenerali jammonta għal 2,424.
Id-Direttur Ġenerali (Strategy and Support) hu responsabbli għad-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku, dak tal-Eko Għawdex u Żvilupp Reġjonali kif ukoll dak tal-EU Affairs. In-numru ta’ impjegati f’dan id-Direttorat Ġenerali jammonta għal 187.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li parti mix-xogħlijiet marbuta mal-proġett ta' Bormla waqfu għax hemm numru ta' soqfa kkundannati li huma mikrija lil Regatta Bormla, u jidher li ebda entità ma trid tidħol għal din l-ispiża? Jekk hu minnu x'se jiġri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li huwa minnu li parti mix-xogħlijiet in kwistjoni ma' setgħetx titkompla minħabba li kien skopert li s-saqaf tar-Regatta Club ta' Bormla għandu ħsara strutturali li trid tissewwa qabel ma titkompla l-parti relattiva tal-proġett. Il-Gvern se joħroġ tender fil-futur qarib biex tissewwa din il-ħsara.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, talba li saret lill-Awtorità tad-Djar għal sussidju fuq kera u saret aktar minn 6 xhur ilu?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna msemmija ma tikkwalifikax ghas-sussidju tal-kera. L-applikanta ilha li giet informata b’dan minn April 2012.
Tista' l-Ministru kemm ħarġu applikazzjonijiet differenti mill-Kunsill Malti għall-Isport matul l-aħħar 6 xhur? Fiex kienu jikkonsistu? Kemm applikaw għal kull pożizzjoni? Kemm se jiġu ngaġġati għal kull pożizzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu applikazzjonijiet għal ftuħ ta' spiżeriji ġodda? Għal liema lokalitajiet huma l-applikazzjonijiet? F'liema lokalitajiet hemm il-possibilità li jingħata permess għal ftuħ ta' spiżerija? X'inhu l-kriterju li jintuża sabiex jiġi deċiż jingħatax il-permess jew le?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għas-sejħa li saret dan l-aħħar għaċ-ċirkolari Pahro nru. 112/2012?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm 34 (erbgħa u tletin) applikazzjoni għas-sejħa li saret dan l-aħħar għaċ-ċirkulari PAHRO 112/2012 – Post ta’ Tradesman/Senior Tradesman mal-Immaniġġjar tar-Riżorsi tal-Iskejjel fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DSE) fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol.
Aġenzija Nazzjonali tal-Eżamijiet — laqgħat ta' informazzjoni
Question
Tista' tgħid kemm saru laqgħat ta' informazzjoni u konsultazzjoni mal-impjegati tal-Bord tal-Matsec dwar it-twaqqif tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Eżamijiet u t-trasferiment tagħhom lejha? Tista' tagħti d-dati ta' dawn il-laqgħat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 37143.
Aġenzija Nazzjonali tal-Eżamijiet — kundizzjonijiet tax-xogħol
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jkollha impjegati l-Aġenzija Nazzjonali tal-Eżamijiet u x'se jkunu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-gradi ta' kull wieħed u waħda minnhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-aħjar interess tal-kontinwazzjoni ta’ funzjonijiet kollha li jappartjenu lill-MATSEC Board u lid-Dipartiment tal-Eżamijiet, f’dan il-perjodu ta’ tranzizzjoni, l-Aġenzija se tuża s-servizzi kemm tal-impjegati li jappartjenu lill-Universita’ ta’ Malta kif ukoll dawk fid-Dipartiment tal-Eżamijiet tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni. Wara dan il-perjodu u diskussjonijiet dettaljati, issir struttura permanenti fejn jiġu ngaġġati jew detailed/deployed l-uffiċjali ta’ din l-Aġenzija.
Dipartiment tal-Eżamijiet u tal-Bord tal-Matsec — impjegati
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'se jiġri minn dawk l-impjegati tad-Dipartiment tal-Eżamijiet u tal-Bord tal-Matsec li mhux se jkunu qed jaħdmu mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Eżamijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 37145.
Manteniment tat-tfal f'każijiet ta' separazzjonijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena kemm kien hemm persuni li ngħataw nuqqas ta' manteniment f'każijiet ta' separazzjoni u f'każ ta' rifjut t'aċċess għat-tfal minn xi wieħed mill-ġenituri? Jista' jgħid f'kull każ x'kienu l-pieni li ngħataw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta’ persuni mressqa quddiem il-Qorti fuq akkużi li naqsu li jagħtu l-manteniment f’każijiet ta’ separazzjoni u dawk fuq akkużi li naqsu li jagħtu aċċess għat-tfal, kienu kif ġej:
2008
2009
2010
2011
2012
Numru ta’ persuni akkużati fuq nuqqas ta’ manteniment
450
456
539
520
435
Numru ta’ persuni akkużati fuq nuqqas ta’ aċċess għat-tfal
246
305
173
169
151
Il-pieni mogħtija lill-dawk misjuba ħatja, kienu jinkludu priġunerija, liberta kondizzjonata, twiddiba, sentenza sospiża u ordni ta’ trattament.
Sentenza ta' priġunerija — persuni li waqgħu lura fil-ħlas
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li fl-aħħar ħames snin, sena b'sena kellhom jiskontaw priġunerija minħabba li waqgħu lura fil-ħlas tal-VAT lid-dipartiment konċernat? Jista' jindika f'kull każ kemm kien l-ammont mhux imħallas u kemm kienet il-piena ta' priġunerija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li fil-Faċilità Korrettiva hemm numru ta’ priġunieri jservu sentenzi ta’ ħabs minħabba multi li jkunu ġew ikkundannati li jħallsu mill-Qorti li m’humiex ristretti għan-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT. Tali multi jiġu konvertiti fi priġunerija jekk ma jitħallsux, iżda m’hemmx konnessjoni diretta mal-ammont ta’ taxxa tal-VAT li ma tkunx ġiet mgħoddija lid-dipartiment tal-VAT.
Jista l-Ministru jghid kemm telqu nies minn ma l-Airmalta bis-somma jew b'post alternattiv s'issa? Kemm ġew impjegati nies part-time? Kemm gew impjegati nies full-time? Kemm-il promotion ingħatat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se tingħalaq id-dar residenzjali tal-anzjani fil-Gżira - il-Gżira Home? F'każ li se tingħalaq, jista' jagħti r-raġunijiet għala se tingħalaq? Jista' jgħid fejn se jmorru l-anzjani li hemm sal-lum f’din id-dar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li eventwalment, id-dar residenzjali tal-anzjani fil-Gżira se tingħalaq peress li din id-dar għandha bżonn xogħlijiet estensivi. Ir-residenti kollha ta’ din id-dar qed jiġu offruti postijiet alternattivi fi djar oħra.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm anzjani jistennew biex jidħlu f'home tal-anzjani tal-gvern?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Waiting list tal-Anzjani tammonta għall-1,165 għad-djar tal-anzjani u 716 għal San Vinċenz. Ta’ min jgħid li f’din il-leġiżlatura il-Gvern żied is-sodod tal-anzjani b’madwar 900 sodda ġdida.
La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - MFSA
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37015, 36820 u 35704 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jaf il-Ministru li dan kollu qed iseħħ f’wiċċ l-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji u taħt imnieħirha li allura qiegħda turi ruħha bla personalità u impotenti li tinforza r-Regolamenti tagħha stess li jeżiġu li Prospett irid ikollu “the essential elements of which to be kept up to date” sabiex “for investors to make informed judgement about the investment proposed to them”, inkluż informazzjoni dwar “the investment objectives, policies and restrictions of the scheme, together with the extent of use of leverage”?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-La Vallette Multi-Manager Property Fund hija entitá distinta mill-Bank of Valletta u mill-Valletta Fund Management Limited. Dawn tal-aħħar ġew immultati mill-MFSA minħabba li nterpretaw u applikaw b’mod ħażin uħud mill-provvedimenti tal-prospett tal-fond, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bħala kustodju u manager, rispettivament.
Dan ma jfissirx li l-prospett tal-fond jikser xi provvedimenti tal-Att dwar Servizzi ta’ Investiment jew ta’ xi liġijiet oħra.
La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - ksur ta' Investiment Restrictions
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37014, 36819 u 35703 u cioè: B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-konsegewenzi naturali tar-Rapport tal-istess Awtorità tas-16 ta’ Ġunju 2011 u dak tal-25 ta’ Ġunju 2011 fil-konfront ta’ Valletta Fund Management Ltd u tal-Bank of Valletta plc dwar il-La Valette Multi Manager Property Fund, fejn l-Awtorità kkonfermat ksur ta’ Investment Restrictions mil-Valletta Fund Management Ltd u ħruġ ta’ Rapporti annwali tal-Kustodju mhux veritjiera anzi li jiżvijjaw lil investituri mill-Bank of Valletta, u liema konkluzjonijet tal-Awtorità ma ġewx appellati, ifisser neċessarjament li l-Prospett Supplementari viġenti ta’ dan il-Fond hu inkorrett, falz, mhux veritjiet, jiżvijja lill-pubbliku u inkonsistenti, in kwantu il-Prospett ma ġiex aġġornat u ppubblikat biex jistqarr li Investment Restriction (vi) inkisret b’mod ripetut u fit-tul u li ħafna mill-fondi sottostanti għadhom fil-fond bi ksur tal-kondizzjoni tal-Prospett sal-ġurnata tal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 37171.