Tista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tagħha inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha? Tista' tgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — direct orders
Question
Tista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tagħha inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha? Tista' tgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Somma lis-sidien tal-artijiet ħdejn l-Għalqa ta' Kola
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet is-somma li tħallset lis-sidien tal-art magħrufa bħala l-Għalqa ta' Kola fejn illum hemm il-car park meta ġiet esproprijatha għal bini tal-istess car parks fir-Rabat?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi l-art indikata mill-Onorevoli Interpellant magħrufa bħala l-Għalqa ta’ Kola fir-Rabat fiha kejl ta’ 3579 metri kwadri. Minn din l-art ġie akkwistat 17/40 sehem indiviż ta’ 1557 metri kwadri għal prezz ta’ €245,960.87 u imgħax ta’ €299,902.16. Ġie akkwistat ukoll 1/4 ta’ 23/40 sehem indiviż tal-istess art bil-prezz ta’ €267,006.70 u imgħax ta’ €283,733.59 kif ġie stabbilit b’deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet. Għalhekk b’kollox sa issa tħallset is-somma ta’ €1,096,603.32. L-art rimanenti għada mhiex akkwistata mill-gvern peress li għadhom għaddejjin proċeduri quddiem il-Bord ta’ l-Arbitraġġ u għalhekk il-prezz tagħha għadu mhux stabbilit.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa tal-gvern għal kiri tal-car park fl-Għalqa ta' Kola, ġewwa r-Rabat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-Ministeru qed iħallas kera nominali ta’ 1 euro fis-sena lit Taqsima Proprjetà tal-Gvern fid-Dipartiment tal-Artijiet għall-kiri tal-car park f’ l-Għalqa ta’ Kola.
Dan il-ftehim kien sar biex il-Ministeru wettaq xogħol ta’ tisbiħ u
upgrading
f’dan is-sit li kien mitluq għal kollox.
In vista tat-tenders li ħarġu dwar il-car parks u peress li dawn it-tenders jagħtu d-dritt tal-ewwel rifjuż lil parkers eżistenti, jista' l-Ministru jgħid jekk il-car park il-ġdid li qiegħed jiġi mibni fix-Xagħra tal-Furjana ġiex diġà assejnat lil xi parker partikolari?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-post ta' parkeġġ pubbliku li bħalissa qiegħed jinbena fix-Xagħra tal-Furjana ġie assenjat liż-żewġ car park attendants li fil-preżent huma liċenzjati biex joperaw fis-sit ta’ parkeġġ ta’ ħdejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta; u dan minħabba li se jitneħħew minn dan is-sit ta' l-aħħar, li ser ikun parkeġġ riservat għall-membri Parlamentari.
Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' avelenament fl-ikel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħħlu l-isptar għal kura kawża ta' avelenament fl-ikel matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni tal-avelenament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary, in-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ avvelenament fl-ikel (food poisoning) fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, bejn Jannar u Awissu ta’ 2012 kien ta’ 69 persuna.
Fit-terminu “
food poisoning
” huma inklużi wkoll infezzjonijiet tas-sistema gastroenteroloġika kkawżati minn viruses li jistgħu jkunu trasmessi mill-ikel (
ICD-10 codes: A00-A09 u T61-T62
).
Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fis-swali tal-Isptar Mater Dei. Din l-informazzjoni hija proviżorja.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36505 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega d-differenza enormi li teżisti fil-prezz kif jinbiegħu l-pilloli Tamoxifen, 20mg. Pakkett ta’ 30 pillola, li fil-Polonja (Krakow) inxtraw għall-prezz ta’ 14.34 ZLT, equivalenti għal madwar €3.5. filwaqt li f’Malta, jekk persuna jkollha bżonn tixtri dawn l-istess pilloli, per eżempju, jekk dawn il-pilloli jkunu out-of-stock (għax normalment, dawn jingħataw b’xejn fis-sistema tal-Iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.), ċittadini Maltin ikollhom iħallsu l-prezz ta’ madwar €19? Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra b’liema prezz qiegħed jixtri dawn l-istess pilloli mingħand l-importatur?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li ‘Tamoxifin’ huwa l-ingredjent attiv tal-mediċina u mhux id-ditta tal-mediċina. Skond il-prezz indikat, il-mediċina Novardex D (20mg tablets X 30), u li għandha ‘Tamoxifin’ tinbiegħ għal-prezz ta’ €19.72 f’Malta. Wieħed irid jara jekk il-marka li qed jalludi l-interpellant hiex din jew ditta oħra li għandha it-‘Tamoxifin’.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36161 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk huwiex isir moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li jiġi importat ġewwa pajjiżna u jekk dan il-laħam ikunx ċertifikat bħala tajjeb għall-konsum tal-bniedem? Min huwa responsabbli li jagħmel dan u allura kemm ġew ċertifikati fis-snin li għaddew jiġifieri 2009, 2010 u 2011 tunellati ta' laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li ġew importati u li kienu tajbin għall-konsum tal-bniedem?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-monitoraġġ u ċertifikazzjoni fuq l-importazzjoni tal-laħam li jinkludi tiġieġ, fniek kif ukoll majjal issir fil-border inspection post ġewwa l-Freeport minn uffiċċjali tad-Dwana u, meta jkunu msejħa, mill-uffiċċjali veterinarji li jaqgħu taħt il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u peress li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali m’huwiex involut f’dawn l-ispezzjonijiet għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sasbiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36586 u jgħid liema toroq residenzjali ġodda nbnew matul din is-sena s'issa u kemm kienet in-nefqa għal kull triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36585 u jgħid x'sar mill-proġett ta' upgrading tal-Crafts Village f'Ta Qali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-aħħar xagħarejn sar xogħol fuq rikostruzzjoni tal-ħitan tal-konfini u oħrajn li kienu tas-sejjieħ. Sar ukoll pavimentar ta’ bankini ġodda u tisbiħ tal-paSsaġġ f’żoni varji tal-Crafts Village. Kisi tat-toroq f’żoni identifikati ser jibda wara li jsir stħarriġ permezz ta’ CCTV fuq id-dranaġġ li għaddej minn taħt dawn it-toroq, liema stħarriġ għandu jibda fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36509 u jgħid kemm hija n-nefqa tal-manutenzjoni li jonfoq id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar Mater Dei kull xahar, u allura kemm nefaq f'manutenzjoni matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu xahar b'xahar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36509.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36510 u jgħid kif mar l-eżerċizzju tal-organizzazzjoni tal-waiting list li kienet qed issir fid-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm fil-fatt kien hemm pazjenti li kienu fuq iktar minn lista ta' stennija waħda u allura jista' jgħid kemm huma l-pazjenti li issa qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija li għadhom kif ġew organizzati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36511 u jgħid kemm hemm listi ta' stennija fil-qasam tas-saħħa? F'liema oqsma huma dawn il-listi u kemm pazjenti jistennew għall-interventi fuqhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqieħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji tekniċi u xjentifiċi tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi u mhux tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali li fihom ġie kkonfermat dak li stqarr il-Ministru fil-media li bil-proġett kontra l-għargħar li l-ilma miġbur se jiżdied bi tliet darbiet minn ftit aktar minn 200,000 metru kubu għall-700,000 metru kubu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma kienx hemm ħtieġa li l-MRA tagħmel xi istudju apparti mill-istudju tekniku dettaljat u eżawjenti li kien kommissjonat mhux biss biex jipprovidi analiżi u gwidi tekniċi, imma wkoll kien jinkludi kemm Environment Impact Assessment (EIS) kif ukoll cost benefit analysis (CBA) tal-proposti għal twettiq tal-National Flood Relief Project. Dawn il-figuri msemmija ħarġu minn dan l-istudju.
waste electrical and electronic equipment — direttiva
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’qed iżomm lill-gvern milli tiġi implimentata l-WEEE Directive dwar waste electrical and electronic equipment minkejja li t-trażpozizzjoni fil-liġi Maltija kienet saret permezz ta' avviż legali ħames snin ilu?
Response (MARCO, MARIO DE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkwantifika l-benefiċċju li qed jinkiseb mis-servizz ta' emerġenza li qed jingħata mis-St. James Hospital matul il-weekend u jekk dan verament hux qed iwassal kif allegat minn xi uħud għall-thinning out tal-istaff mediku li jkun irid ilaħħaq maż-żewġt ibnadi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li min meta gie ffirmat il-kuntratt, jiġifieri mit-3 ta’ Mejju 2012 sa l-ewwel ġimgħa t’Ottubru 2012 marru total ta’ 2298 pazjent fl-isptarijiet St James Capua tas-Sliema u Haż-Żabbar.
Minn stħarriġ li sar mid-Direttorat għall-Provvediment ta’ Fondi dwar is- Servizzi tas-Saħħa, jirriżulta li aktar minn 80 fil-mija tal-pazjenti li użaw dan is-servizz iħossuhom sodisfatti mill-kwalita` tas-Servizz mogħti.
Fir-rigward il-kwistjoni tat-
thinning out
tal-istaff mediku li jkun irid ilaħħaq maż-żewġt ibnadi, ninforma lill-Onorevoli Interpellat illi fil-kuntratt hemm
key performance indicators
li huma applikabbli għaż-żewġt ibnadi (
St. James Capua
u
St. James
Zabbar
)
u li dawn qed jiġu moniterati kontinwament. Il-kuntratt jistipula li jrid ikun hemm tabib preżenti kemm f’
St. James Capua
u
St. James
Zabbar.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Isptar Mater Dei ma joffrix servizz ta' water babies – twelid fl-ilma?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li sal-llum, m’hemm l-ebda studju li jikkonferma li t-twelid fl-ilma huwa iżjed vantaġġjuż għat-tarbija minn metodi ta’ twelid izjed tradizzjonali. Barra minn hekk, rapporti ta’ riżultati mhux mixtieqa fit-twelid tat-tarbija, għalkemm rari u xi drabi anneddotali, jitlob kawtela mill-lat pedjatriku. Skont l-informazzjoni medika disponibbli sal-llum, u n-nuqqas ta’ studji mfassla b’mod xjentifikament rigoruż li jikkonfermaw is-superjorita’ tat-twelid fl-ilma kontra t-twelid tradizzjonali, ma jagħtix lok sabiex it-tim ostetriku tagħna jippjana l-introduzzjoni ta’ dan il-metodu ta’ twelid fl-Isptar Mater Dei.
Billi ftit qabel l-elezzjoni tas-sena 2008, il-Gvern Malti kien ħareġ sejħa għal talbiet dwar l-akkwist ta’ oqbra ġodda, hekk kif kien ġie mħabbar lejn tmiem is-sena li kienet għadha kif għaddiet qabilha, u li fiha kien tħabbar li l-progett kien se jinkludi l-bini ta’ 2,782 qabar ġdid, li 2500 minnhom kienu se jiġu allokati u mibjugħa lill-pubbliku, filwaqt li l-kumplament kienu se jinżammu mill-gvern għall-użu komuni, u billi nhar l-4 ta' Frar 2008 l-amminsitratur tat-Taqsima Amministrazzjoni tad-Dfin, Ċimiterju Santa Marija Addolorata kien saħansitra kiteb lill-applikanti biex jikkonfermaw l-interess tagħhom u anki kien stabbilixxa li l-informazzjoni mitluba kienet meħtieġa minn dan l-Uffiċċju fi żmien qasir stipulat, sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreparati d-dokumenti u l-formoli relatati mat-trasferiment tal-qabar fuq isem l-applikant/a għall-prezz ta’ €3,494.06 (Lm1,500), jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawn l-applikazzjonijiet għadhomx validi? Jekk le, meta l-applikanti ġew mgħarrfin li waqgħu u jista' jikkonferma wkoll li l-prezz se jibqa' l-istess meta ssir is-sejħa l-ġdida li hu ħabbar waqt konferenza stampa qrib iċ-Ċimiterju tal-Addolorata nnifsu ftit tal-jiem ilu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ittri li ntbagħtu fl-2008 mit-Taqsima Amministrazzjoni tad-Dfin m’għadhomx validi peress li il-proġett ta’ estensjoni tac-cimiterju minn dak iż-żmien ġie ridimensjonat.
L-applikanti kollha li qegħdin fil ‘
waiting list’
għall-akkwist ta’ qabar fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fi ftit żmien ser jiġu nfurmati bil-kundizzjonijiet ġodda għal akkwist ta’ qabar skont l-Avviż Legali 327 tal-2012. Jekk l-applikanti ikkoncernati juru x-xewqa li għadhom interessati fl-akkwist ta’ qabar, jibda il-proċess għall-akkwist tal-qabar skont kif inhu indikat fl-istess Avviż Legali. Il-prezz għall-akkwist ta’ qabar huwa ta’ €5,000.u konvenju għall-akkwist isir minnufih wara li tingħata it-tender għall-bini tal-istess oqbra, liema tender bħalissa qed tiġi iġġudikata.
Jista' l-Ministru jgħid x’verifiċi għamlet Transport Malta biex tiżgura li l-ismijiet tal-bus stops li hemm madwar Malta huma korretti u dan għaliex f’raħal wieħed biss, dak ta’ San Ġwann wieħed isib li l-istage ta' quddiem il-Knisja huwa immarkat Tal-Balal, tant li nies għal tal-Balal ġieli qed jitwaqqfu quddiem il-Knisja, l-istage li hemm fi Vjal ir-Rihan huwa immarkjat Xwieki meta dan huwa ferm eqreb lejn il-Għargħur u l-bus stop immarkat Vjal ir-Rihan qiegħda ferm aktar 'l isfel quddiem il-Maypole f’Naxxar Road, San Ġwann ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta flimkien mal-operatur tat-trasport pubbliku, Arriva Malta Ltd, għamlet numru ta’ tibdiliet fl-ismijiet ta’ bus stops f’diversi lokalitajiet hekk kif ġie ndikat lilha mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Infurmat ukoll li l-Awtorita’ ma’ rċeviet l-ebda talba sabiex isir tibdil fl-ismijiet tal-
bus stops
mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Madanakollu, l-Awtorita’ se tevalwa l-ismijiet ta’dawn il-
bus stops
u fejn hu xieraq, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, tagħmel it-tibdiliet meħtieġa.