Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni sabiex jagħtu s-servizz ta' biċċiera fil-Biċċerija tal-Marsa matul din is-sena? Kif intagħżlu dawn il-persuni u f'liema lokalità joqogħdu? Kemm tħallas kull wieħed minnhom s'issa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ġew ingaġġati ħdax-il (11) biċċiera wara sejħa pubblika għal applikazzjonijiet, maħruġa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn tpoġġew fuq il-minimu ta’ skala 16 b’rata ta’ €11,059 fis-sena konformi mal-klassifikazzjoni prelevanti fis-Servizz Governattiv.
Ninsab infurmat li dawn gejjin mill-lokalitajiet kif ġej: tlieta mix-Xewkija, tnejn mill-lokalitajiet tal-Munxar u tas-Sannat, u wieħed minn kull lokalità ta’ Kerċem, Rabat (Għawdex), Siġġiewi u Żebbuġ (Malta).
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se tiddaħħal is-sistema tal-palm readers fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet it-tender għal dan ix-xogħol? Kemm se jitwaħħlu palm readers minn min rebaħ dan il-kuntratt u x'inhu l-valur tal-kuntratt?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid mill-bidu tas-sena lil hawn kien hemm xi ingaġġ ta’ nies full-time jew part-time f’xi dipartimenti tal-Public Broadcasting Services inkluż fil-marketing eċċ.? Kemm kien hemm nies li rtiraw mill-Public Broadcasting Services fl-istess perjodu ta’ żmien u f’liema gradi kienu? Tikkonferma kemm u meta nħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għal personnel ġdid f’dan il-perjodu, jekk hux dejjem saru interviews u min kienu l-membri tal-interviewing boards?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
servizz tat-trasport pubbliku — rotot mhux regolari
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li waslu mingħand għadd ta' residenti minn San Ġwann dwar il-fatt li għalkemm hemm skeda fissa u aktar frekwenti ta' buses tal-Arriva permezz ta' numri 32, 22 u t-tourist bus 225 dawn mhux biss ma jżommux mal-ħinijiet stabbiliti f’ħafna drabi, iżda ġieli waslu kważi wara xulxin meta suppost it-trips tagħhom għandhom ikunu spazjati? Transport Malta hi konxija tal-fatt li biex wieħed jasal minn ħdejn il-lukanda Plaza Tas-Sliema sa San Ġwann dawn spiss jdumu medja ta' 35-40 minuta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li minbarra r-rotot imsemmija mill-Onor Interpellant, l-lokalita ta' San Ġwann hija servuta wkoll mir-rotot 24, 110 u 120, għal total ta' 12-il vjaġġ fis-siegħa komparat ma' 6 vjaġġi fis-siegħa li kien hemm qabel ir-riforma. Infurmat ukoll li Transport Malta hija konxja li hemm ċirkustanzi fejn l-iskeda mhux qed tinżamm. Għaldaqstant qiegħed isir moniteraġġ fuq numru ta’ rotot u fejn jiġi nnutat li ma jinżammx il-ħin skont l-iskeda, l-Awtorita’ tieħu azzjoni hekk kif provdut fil-kuntratt li ġie iffirmat bejn l-Awtorita’ u l-operatur tat-trasport pubbliku, Arriva Malta Ltd.
Rigward il-problemi tal-ażma kkawżati mill-acacia, billi huwa mifhum li San Ġwann huwa wieħed mill-aktar lokalitajiet miżgħud b’dawn it-tip ta' siġar, jista' l-Ministru jgħid jekk qatt sarx xi studju f’dan il-lokal u lokalitajiet oħrajn fejn hemm ħafna minn dawn is-siġar, sabiex jiġi stabbilit jekk għandhomx jittieħdu xi passi dwar dan kif wkoll dwar l-impatt kollettiv fuq is-saħħa taċ-ċittadini jekk jirriżulta dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li qatt ma sar dan l-istudju minn dan il-Ministeru fuq is-siġar tal-acacia li tħawlu f'pajjiżna l-aktar fis-snin sebgħin u l-bidu tas-snin tmenien. Fejn hu possibli jsir tħawwil ta’ siġar oħra b’mod gradwali ħalli siġar li hemm ma jiġux distrutti kollha f’daqqa. Tajjeb wieħed isemmi li siġar mħawla mill-MRRA huma siġar indiġeni Maltin. Ta’ min isemmi ukoll li f’San Ġwann il-Ministeru għamel masġar bi 300 siġra taż-żebbuġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx ġie investigat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ilment li spiss wasal li ħafna siġar qegħdin jitqaċċtu ħafna drabi b’mod kapriċċjuż bl-iskuża ta' proġett jew ieħor biex flok żbir jew ċaqliq ieħor tagħhom, dawn jipprovdu materjal għall-fire places kif ħafna drabi allegaw għadd ta' persuni miegħi u dan ovvjament għal skop ta' natura klandestina kummerċjali?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtorità ma għandha l-ebda rekord uffiċċjali li qatt rċiviet ilmenti rigward dan u għalhekk ma sarux investigazzjonijiet ta' dan it-tip.
Ninsab infurmat illi l-Golden Shepherd Group, li huma l-operaturi tal-Isptar St. Philips, ma rreġistrawx l-accounts tagħhom mar-reġistratur tal-kumpaniji għas-snin 2007, 2008, 2009 u 2010. Din l-informazzjoni hija pubblika fuq il-website tar-Reġistru tal-Kumpaniji.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xiri ta' shredders
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma xtrat ebda shredder mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin matul is-sena 2011 għall-użu f'uffiċċji f'Malta, filwaqt li din is-sena nxtrat waħda (1) flok oħra li ma taħdimx.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex dak magħruf bħala slug poison jinxtara over the counter, meta hu magħruf li hu perikoluż ħafna anke għall-bniedem?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li tali prodotti huma regolati mill-Awtorità dwar il-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa u l-għadira ilma qiegħed li hemm f'Dock nru. 1 Bormla, jew titneħħa jew titnaddaf għax qed iġġib ħafna nemus u qed ikun hemm inkonvenjent kbir għan-nies ta' Bormla?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rapport Regolatorju tal-MFSA — La Vallette Multi Manager Propery Fund tal-BOV
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37012, 36817 u 35701 u cioè:B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jaf il-Ministru li l-biċċa l-kbira tal-mijiet ta’ konsumaturi li għamlu l-ilment tagħhom ta’ misselling mal-Awtorità, ħafna minnhom sa 18-il xahar ilu, jifformaw parti minn dik il-faxxa tal-populazzjoni l-aktar vulnerabbli li tikkonsisti f’ċittadini anzjani li jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja fuq il-pensjoni soċjali minkejja l-ispejjeż riżultat tal-mard kroniku tagħhom, u li ħafna minn dawk li ilmentaw – mhux biss il-pensjonanti li ssemmew qabel – għandhom livell akkademiku bażiku u edukazzjoni finanzjarja mill-aktar fqira, u li sa frattant, lkoll ġew kategorizzati bħala “Experienced Investors” mill-Bank of Valletta bl-iskop li jbiegħulhom il-Fond, u li dawn li lmentaw lkoll taw evidenza dokumentata lill-MFSA li la huma investituri ta’ esperjenza fuq livell sostantiv u lanqas wieħed formali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, wara li temmet l-investigazzjoni dwar il-prattiċi mill-Bank of Valletta plc fil-bejgħ tal-La Valette Multi-Manager Property Fund (“il-Fond”), bagħtet rapport dettaljat lil kull investitur.
Dan ir-rapport, li nħareġ skont il-provvedimenti tal-artikolu 19 tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, jispjega x’ħareġ u l-konklużjonijiet mill-investigazzjoni tal-Awtorità, għall-benefiċċju tal-investituri u persuni oħra li għandhom interess fil-Fond.
Fid-dawl tar-riżultati msemmija fir-rapport, fl-1 ta’ Ġunju 2012, l-Aworità ħadet azzjoni amministrattiva kontra l-BOV, u applikat piena amministrattiva massima ta’ €203,150 għad-diversi kontravenzjonijiet.
Ninsab infurmat ukoll illi l-Awtorità ma waqfitx hemm, iżda ħarġet Direttiva lill-Bank sabiex jikkopera fir-rigward ta’ eżerċizzju li jinvolvi skrutinju tal-fajls tal-klijenti li nvestew f’dan il-fond. Dan l-iskrutinju qed isir minn ditta indipendenti professjonali u magħżula mill-Awtorità, bl-ispejjeż involuti f’dan l-eżerċizzju jitħallsu mill-Bank. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju hu li jiddetermina l-eżistenza u l-validità tad-dikjarazzjoni ta’ investituri b’esperjenza miżmuma mill-Bank. Il-Bank ġie ordnat li, meta l-ishma fil-Fond
La Valette Multi-Manager Property Fund
kienu mibjugħa lill-investituri permezz ta’ parir minn konsulenti finanzjarji tal-BOV u fejn il-klijenti ma kinux ta’ esperjenza taħt il-kriterji applikabbli, dawk l-investituri għandhom ikunu intitolati għal kumpens. Dan l-iskrutinju, li diġa beda u miexi bir-ritmu mistenni, għanda titlesta sal-31 Diċembru 2012.
Rapport Regolatorju tal-MFSA — Investment protection lill-min kellu La Vallette Multi Manager Property Fund
Question
No question text.
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji hija entità regolatorja u għaldaqstant ma taqax taħt l-influwenza tal-Gvern. L-Awtorità taġixxi skont il-liġi u tirregola is-settur tas-Servizzi Finanzjarji u tħares l-interessi tal-konsumatur.
Rapport Regolatorju tal-MFSA — BOV LA Vallette Multi Manager Property Fund
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37010, 36815 u 35699 u cioè: B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jista’ l-Ministru javza lill-Kamra għaliex l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta:
a) wara li diġa fit-23 ta’ Awwissu 2011 kienet stqarret f’Media Release tagħhom li “
it has arrived at its conclusions on this matter
”;
b) wara li fit-3 ta’ Novembru 2011 f’Media Release oħra, l-istess Awtorità stqarret li “
the investigations on misselling of the Fund to inexperienced investors it also at an advanced stage and the MFSA shall be communication its final position on this matter to Bank of Valletta by the end of the year
” bla spjegazzjoni u bl-ebda sens ta’ kontabilità bħala awtorità pubblika, għadha tkarkar saqajha u ttawal biex wara dawn ix-xhur kollha r-Rapport għadu ma ħariġtx waqt li l-investituri mġarrba jkomplu jbatu emozzjonalment u materjalment?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi kif ħabbret fl-4 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (l-MFSA), ikkonkludiet l-investigazzjoni dwar kif il-Bank of Valletta plc biegħ units tal-La Valette Multi-Manager Property Fund (“il-Fond”). Fid-dawl tar-riżultati msemmija fir-rapport, fl-1 ta’ Ġunju 2012, l-Aworità ħadet azzjoni amministrattiva kontra l-BOV, u applikat piena amministrattiva massima ta’ €203,150 għad-diversi kontravenzjonijiet.
L-MFSA bagħtet rapport dettaljat, bil-Malti u bl-Ingliż, lil kull investitur fil-Fond, fejn spjegat il-konklużjonijiet mill-investigazzjoni tal-Awtoritá.
L-istess rapport jispjega kif l-Awtorità ħarġet Direttiva lill-Bank sabiex jikkopera fir-rigward ta’ eżerċizzju li jinvolvi skrutinju tal-fajls tal-klijenti li nvestew f’dan il-fond. Dan l-iskrutinju qed isir minn ditta indipendenti professjonali u magħżula mill-Awtorità, bl-ispejjeż involuti f’dan l-eżerċizzju jitħallsu mill-Bank. L-għan ta’ dan l-eserċizzju hu li jiddetermina l-eżistenza u l-validità tad-dikjarazzjoni ta’ investituri b’esperjenza miżmuma mill-Bank. Il-Bank ġie ordnat li, meta l-ishma fil-Fond
La Valette Multi-Manager Property Fund
kienu mibjugħa lill-investituri permezz ta’ parir minn konsulenti finanzjarji tal-BOV u fejn il-klijenti ma kinux ta’ esperjenza taħt il-kriterji applikabbli, dawk l-investituri għandhom ikunu intitolati għal kumpens. Dan l-iskrutinju, li diġa beda u miexi bir-ritmu mistenni, għanda titlesta sal-31 Diċembru 2012.
Jista' l-Ministru jara li l-fencing li hemm idawwar ix-xogħlijiet fid-dawra ta' Dock 1, titwaħħal miegħu xi netting biex ma jidhirx id-diżastru li hemm, u dan bħal ma isir f'postijiet oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa qed jiġu studjati arranġamenti alternattivi ta' hoarding biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt visiv.