Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar St Luke's — cost/benefit analysis

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx cost/benefit analysis fuq il-binja tal-ex Sptar St Luke's biex din il-binja tintuża għal xi proġett li għandu pjanijiet għalih il-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise qed tipprepara development brief dwar użu alternattiv u aktar vijabbli ekonomikament tas-sit tal-Isptar l-antik ta’ San Luqa.

Arriva — investigazzjoni fuq skema ta' tariffi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema ta' tariffi tal-Kumpanija Arriva, kif approvata minn Transport Malta, hiex qed tiġi investigata mill-Kummissjoni Ewropea għal xi ksur ta' acquis communautaire? Jekk iva, ġewx Transport Malta u l-Ministeru konċernat, avviċinati mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu spjega għall-istruttura ta' tariffi u jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, jekk inhu l-kaz, kopja tal-korrispondenza li għaddiet bejn iż-żewġ naħat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Art assenjata għall-Carers for Stray & Abondoned Felines

Question

Wara li d-Dipartiment tal-Artijiet assenja żona magħrufa bħala ċ-ċimterju fl-inħawi ta' Bormla lill-Carers for Stray & Abandoned Felines, u peress li din hija għaqda ta' voluntiera li m’għandhomx fondi biex iwettqu l-ħidma tagħhom, jista’ l-gvern jara jekk din l-għaqda tistax tingħata assistenza ta' perit tal-gvern biex ikunu jistgħu jġibu l-permess tal-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħalli jnaddfu u jirranġaw iż-żona bl-għajnuna ta’ ħaddiema tal-gvern kif għandi nifhem li diġà wieħed il-Ministru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dan il-Ministeru diġà wera d-disponibilità tiegħu li jikkunsidera talba għal għajnunu lill-għaqda Carers for Stray & Abandoned Felines. Filwaqt li ninformah li l-Ministeru diġa wera d-disponibilità li jewalwa talba għal assistenza li tista’ ssirlu.

ħlas lil kumpanija tal-awditjar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37156, u peress li l-Ministru qed jesiġi li nkun ċar, aktar milli ppruvajt inkun s’issa, jista' jgħid kemm tħallset il-kumpanija tal-awditjar Price Waterhouse Cooper għal kull tip ta' xogħol li ngħatat minn kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu u allura taħt ir-responsabiltà politika tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Applikazzjoni għal reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li applika għall-reserved parking imma għadu mingħajr risposta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Servizz ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li applikat biex idaħlulha s-servizz tal-ilma imma għadu ma sar xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-servizz ta’ l-ilma ġie insallat fit-28 ta’ Settembru 2012.

Kont tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Reserved Parking

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li neħewlha r-reserved parking, liema reserved parking kienet ilha aktar minn ħames snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat

stennija għal operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir l-operazzjoni li għandu bżonn l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li ilu jistenna żmien twil?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħed taħt il-kura tas-Sur Esposito. Saru kuntatti ma’ dan il-konsulent fejn ġie assigurat li l-intervent kirurġiku li għandhu bżonn din il-persuna ser isirlu kif meħtieġ u f’waqtu. Dati speċifici f’każijiet bħal dawn ma jistgħux jingħataw minħabba urġenzi ta’ każijiet oħra. Huwa ilu fuq il-lista ta’ stennija sa mill-2010 u klassifikat bħala każ li mhuwiex urġenti.

talba għall-kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jirċievi l-kont tad-dawl u l-ilma peress li ilu li għamel it-talba tiegħu lill-Arms Ltd żmien twil?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' xorb aċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' xorb aċċessiv matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) u l-Electronic Case Summary (ECS) jirriżulta li fl-ewwel tmin xhur ta’din is-sena ddaħħlu 208 każ minħabba f’xorb eċċessiv fl-Isptar Mater Dei. Dawn il-każijiet jitqassmu fi tliet kategoriji: Kategorija A : Sindromu ta’ dipendenza fuq l-alkoħol, jew stat ta’ ‘withdrawal state’ minħabba li min jkun dipendenti fuq l-alkoħol jkun waqqaf jew naqqas l-ammonti li s-soltu jixrob, jew dawk li jabbużaw mill-alkoħol (ICD-10 codes F10.2, F10.3, F10.1 u F10.9) Kategorija B : Intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol iżda il-persuna ma kenitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 code F10.0) Kategorija C : Mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70) Importanti li wiehed jgħid li dawn il-figuri li ġejjin ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar. NOTA IMPORTANTI: IL-FIGURI HUMA PROVVIŻORJI In-numru ta’ każijiet f’kull kategorija jidhru hawn taħt:

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' korriment fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' korriment fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma tistax tingħata informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li ddaħħlu fl-emerġenza kawża ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta’ din is-sena. Wieħed għandu jkun imgħarraf li fl-Electronic Case Summary/Hospital Activity Analysis System jiġi mniżżel biss dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza tal-inċident bla ma jkun hemm referenza għall-fatt li dan l-inċident ikun seħħ fuq il-post tax-xogħol.

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' inċidenti tat-traffiku matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptar Mater Dei bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu 2012, fejn korriment ta’incident tat-traffiku (Land Transport Accidents ICD-10 Code V01-V89) kienu irreġistrati bħala discharge diagnosis, ammontaw għal mitejn u sitta (206). Importanti li wieħed jgħid li dan in-numru ma jinkludix dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment ta’ l-Emergenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bhala pazjenti fis-swali ta’ l-isptar. Importanti wkoll li wiehed jiċċara li mhux dejjem jitniżżel it-tip ta’ incident li jkun kkawza l-korriment għax jista’ jagħti l-kaz li jkun hemm drabi fejn il-korriment li jkun soffra il-pazjent biss jitnizzel bħala discharge diagnosis. Din l-informazzjoni hija proviżorja.

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' inċidenti fuq il-baħar teritorjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' inċidenti fuq il-baħar teritorjali matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Iinfurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptar Mater Dei bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu 2012, fejn inċidenti fuq il-baħar (Water Transport Accidents ICD-10 Code V90-V94) kienu irreġistrati bħala discharge diagnosis, ammontaw għal sebgħa (7). Importanti li wieħed jgħid li dan in-numru ma jinkludix dawk il-pazjenti li jiġu inviztati fid-Dipartiment ta’ l-Emergenza u għal xi raguni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali ta’ l-isptar. Importanti wkoll li wieħed jiċċara li mhux dejjem jitnizzel it-tip ta’ inċident li jkun kkawza l-korriment għax jista’ jagħti l-kaz li jkun hemm drabi fejn il-korriment li jkun soffra il-pazjent biss jitnizzel bħala discharge diagnosis. Din l-informazzjoni hija proviżorja.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36101 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: Entità Numru ta' Serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija Sptar Mater Dei 16 Dipartiment tal-Anzjani 17 Sptar Monte Carmeli 3 Sptar Sir Paul Boffa 1

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36100 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu imsemmi, kien hemm sitt każijiet rapportati lill-Pulizija mid-Dipartimenti, dikasteri u entitajiet taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru.

Impjant Sant' Antnin — skart organiku trattat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' skart organiku li qiegħed jiġi trattat fl-impjant ta' Sant' Antnin meta mqabbel mat-total ta' skart prodott f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ mhix l-unika entità li tircievi l-iskart li jigi ġġenerat f’Malta peress li hemm ukoll faċilitajiet privati li huma involuti f’dan it-tip ta’ operat. Ghalhekk nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u Ippjanar li hija responsabbli fuq livell nazzjonali. Il-Wasteserv tista tiprovdi l-volum ta’ skart organiku li jidħol għandha biss.

Imtarfa — French drains

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36582 u jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol fil-bini tal-French drains li kellu jinbena matul il-bypass tal-Imtarfa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba li s-soluzzjoni tal-French drains kienet ġiet proposta minn perit li llum m'għadux ma' Transport Malta, reġgħet ġiet evalwata s-sitwazzjoni u qegħdha tkun ikkunsidrata, li jista' jkun li hemm soluzzjonijiet aħjar mill-French drains, għal din is-sitwazzjoni f'din it-triq.

Paying Agency — technical support officers impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni sabiex jagħtu s-servizz ta' techincal support officers fi ħdan il-Paying Agency matul is-sena? Kif intagħżlu dawn il-persuni u f'liema lokalità joqogħdu? Kemm tħallas kull wieħed minnhom s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33604, ninformah li matul din is-sena kien hemm sittax-il uffiċjal li jkunu imsejħa jagħtu is-servizz tagħhom skont il-ħtieġa bħala Techincal Support Officers fi ħdan il-Paying Agency. Għaldaqstant il-ħlas jkun determinat minn-numru ta’ siegħat li kull wieħed minnhom jaħdem skont il-ħtieġa servizz u d-disponabbilità tal-individwu meta dan jissejjaħ. L-għażla ta’ dawn it-Technical Support Officers saret permezz ta’ intervistati min board ta’ għazla u ġew eżaminati skond kriterji li jintużaw fis-sistema tas-servizz publiku wara sejħa pubblika għal applikazzjonijiet. Il-kriterji li intżaw għall-għażla kienu skont kriterji użati fis-sistema tas-servizz publiku u kienu jinkludu tagħrif relatat, esperjenza relevanti, abiltajiet, kwalifiki u kwalitajiet personali. Ninsab infurmat li dawn it-Technical Support Officers gejjin kif ġej: tnejn miż-Żebbug Malta, tnejn mill-Mosta, u wieħed minn kull lokalità ta’ Għargħur, Gudja, Luqa, Marsaxlokk, Pieta', Qawra, Qormi, San Ġwann, Santa Luċija, Siġġiewi, Victoria, Żabbar. Globalment dawn s’issa tħallsu €77,623.50 bejniethom.

Observers onboard on towing vessels impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni sabiex jagħtu s-servizz ta' observer onboard on towing vessel matul din is-sena? Kif intagħżlu dawn il-persuni u f'liema lokalità joqogħdu? Kemm tħallas kull wieħed minnhom s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 36938 u 33604, ninfurmah li kienu ngaġġati tlettax-il (13) osservatur permezz ta’ Sejħa għal Servizz ta’ Observers on Board li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern. Ninsab infurmat li dawn l- Observers gejjin mill-Lokalitajiet kif ġej: ħamsa minn Marsaxlokk, u wieħed minn kull lokalità tal-Gzira, Ħad Dinġli, Mosta, San Ġiljan, San Pawl u Żejtun. Globalment dawn s’issa tħallsu €56,100 bejniethom. Il-ħlas jkun determinat minn-numru ta’ siegħat li kull wieħed minnhom jaħdem skont il-ħtieġa servizz u d-disponabbilità tal-individwu meta dan jissejjaħ.