Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni Enemalta — events tal-euroelectric

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36206 u jagħti breakdown tal-ispejjeż li l-Korporazzjoni Enemalta ħarġet relatati mal-events kollha tal-euroelectric? Jista' jgħid min kienu l-kantanti li ħadu sehem f’dan l-event u kemm tħallsu l-kantanti jew l-aġenti tagħhom? Jista' jgħid jekk din l-ispiza tidhirx ġustifikata meta wieħed iqis il-qagħda finanzjarja prekarja tal-korpoazzjoni bħalissa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Merchant Shipping — board room - sett ta' siġġijiet mibdula

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36292, jista' l-Ministru jgħid min kien dak in-negozju jew kuntrattur li esegwixxa x-xogħol ta' manutenzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant illi fil-mistoqsija tiegħu Nru. 36292 hu ried ikun jaf in-nefqa sabiex ġie mixtri sett ġdid u dak li jien irrispondejt. Ninsab infurmat li ma sar l-ebda xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-siġġijiet minn negozju jew kuntrattur. Dawn is-siġġijiet ttieħdu mill-maintenance department sabiex jiġu merufgħa u wżati f’uffiċini oħra.

Transport Malta — bord tal-evalwazzjoni tat-tenders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36553, jista' l-Ministru jgħid, stante l-fatt illi Transport Malta mhux qed issegwi l-proċeduri maħruġa mid-Direttur tal-Kuntratti, fuq liema bażi u/jew kriterji jiġu magħżula l-individwi biex jagħmlu parti mill-bord tal-evalwazzjoni tat-tenders fi Transport Malta u x'inhu l-inqas grad tal-impjegat li hu kkunsidrat sabiex jintagħżel biex jagħmel parti minn dan il-bord?

Response (GATT, AUSTIN)

Għal kuntrarju ta' dak li qed jgħid l-Onor. Inerpellant, ninsab infurmat li Transport Malta ssegwi l-iStandard Operating Procedures / Guidelines maħruġa mid-Direttur tal-Kuntratti. Il-persuni li huma magħżula biex jiffurmaw parti mill-evaluation committee jikkonsistu f’Chairman, segretarju/a u tliet evalwaturi. Ic-Chairman u l-evalwaturi għandhom ikunu fi grad manġerjali filwaqt li segretarji jistgħu jkunu fi gradi inqas. L-evalwaturi jinkludu individwi li għandhom tagħrif ġenerali adegwat u li hu assoċċjat mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inklużi fit-tender. Is-segretarju/a jkun individwu li huwa familjari ma’ proċeduri ta’ procurement u dan dejjem skond il-proċeduri msemmija li ma jindikawx ħtieġa li l-persuna jrid ikollha xi grad minimu.

Trasport Malta — ġudizzju fuq l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni tal-kriterji li fuqhom Transport Malta tiġġudika lill-impjegati tagħha u cioè tikkonsidra dawk li huma responsabbli minn dawk li huma meqjusa bħala irresponsabbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun iktar speċifiku fid-domanda tiegħu.

Transport Malta — Omas Pass

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36550, ġaladarba l-persuni li f'isimhom inħarġu l-omas passes u li mill-informazzjoni kurrenti jirriżulta li rari jaċċedu f'dan il-konfini, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nħarġu l-omass passes f'isem dawn il-persuni?

Response (GATT, AUSTIN)

M'għandix għalfejn niddubita l-informazzjoni li diġà tajt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija Nru. 36550. Jekk l-Onor Interpellant għandu xi informazzjoni konkreta differenti, nitolbu jgħaddihieli.

Transport Malta — spejjeż fuq delegazzjoni 5+5

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għal Transport Malta fuq spejjeż li saru għad-delegazzjoni tal-5+5? Jista' jipprovdi r-rendikont fiex kienet tikkonsisti din in-nefqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

implimentation senior manager

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36549, jista' l-ministru jgħid jekk il-pożizzjoni msemmija mhijiex attwalment fis-seħħ fit-Transport Malta? Jista' jipprovdi l-lista ta' dawk l-uffiċjali li qed jesegwixxu xogħolhom b'terminu ta' kuntratt fi ħdan Transport Malta? Jista' jipprovdi d-dati tal-kuntratti promessi lilhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi — meeting mal-operatur tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi ilu jistenna aktar minn tliet xhur għall-meeting mal-operatur tat-trasport pubbliku dwar issues ġenerali fil-lokalità u ta' kull darba qed ikun pospost? Ma jaħsibx li dan huwa dewmien esaġerat ma' rappreżentanti tal-gvern lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Naqbel ma' l-Onor. Interpellant li l-operatur tat-trasport pubbliku għandu jsib żmien biex jiltaqa' mal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Qormi. Ser nitlob lill-Transport Malta tikkomunika lill-operatur l-osservazzjonijiet ta' l-Onor. Interpellant.
Leg 11 PQ #37420 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni li għandhom l-età tal-irtirar imma għandhom jaħdmu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nisa/rġiel ta' età aktar minn 61 sena għadhom jaħdmu mal-gvern? Jista' jagħti numru skont l-età? X'persentaġġ ta' dan in-numru jagħmel mit-total ta' dawk 61+ li għadhom fis-suq tax-xogħol F'liema gradi qegħdin? X'kienu r-raġunijiet li tħallew ikomplu meta oħrajn ma ngħatawx iċ-ċans li jagħmlu dan meta l-politika tal-gvern hi li n-nies ikomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar? Kemm minn dawk 61+ li għadhom fis-suq tax-xogħol qed jaħdmu f'family business? Jista' jagħti l-informazzjoni maqsuma taħt nisa u rġiel? X'inhu l-persentaġġ mit-total?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 153 impjegat fis-Servizz Pubbliku li l-età tagħhom hi ‘l fuq minn 61 sena u għadhom jaħdmu. Dan it-total huwa magħmul minn 33 mara u 120 raġel. Dettalji tal-gradi ta’ dawn l-impjegati jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-etajiet ta’ dawn l-impjegati huma mqassmin kif ġej: Eta’ Numru ta’ Impjegati 80 1 77 2 76 3 75 2 74 3 72 1 71 2 70 3 69 5 68 18 67 12 66 18 65 29 64 25 63 24 62 5 Total 153 Dan it-total jirrapreżenta 1.57% ta’ dawk l-impjegati kollha, li skont statistika tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) huma full-time u part-time , għandhom ‘il fuq minn 61 sena u għadhom jaħdmu. Ir-raġuni ewlenija għaliex dawn l-impjegati jitħallew jaħdmu wara l-eta’ tal-irtirar hi sabiex fl-assenza ta’ uffiċjal ieħor, tiġi salvagwardjata l-kontinwità. Raġunijiet oħra jinkludu n-nuqqas t’impjegati f’setturi partikolari, bħal fil-qasam tas-saħħa, u persuni li jagħmlu xogħol speċjalizzat f’oqsma partikolari; kontinwità sakemm il-post jimtela’ minn persuna adatta; kif ukoll persuni ta’ fiduċja li għadhom jistgħu joffru s-servizzi tagħhom lill-Gvern. Dwar kemm hemm impjegati ‘l fuq minn 61 sena li għadhom fis-suq tax-xogħol u qegħdin jaħdmu f’Family Business , ninsab infurmat li l-ETC ma żżomx statistika f’dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #37424 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsill lokali ta' Ħal Lija — kwestjonijiet rigward impjieg

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36866, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din il-korrispondenza mingħand id-dipartiment? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li ilu li tlesta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-korrispondenza (li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament) kollha bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Kunsilli Lokali ta' Ħal Lija mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Twegiba tinghata f’xi seduta ohra.
Leg 11 PQ #37425 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Gżira — Triq magħluqa minħabba skola primajra

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu kontra l-pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li nhar l-Erbgħa, 24 ta' Ottubru 2012 fit- 7.45am għalaq triq fil-Gżira, kontra sinjali immarkati ta' dħul fi triq ħdejn l-iskola primarja tal-Gżira u meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament prova jkellmu biex jgħidlu li fadal aktar minn 15-il minuta biex tingħalaq it-triq skont is-sinjal ta' triq, il-pulizija irrikataħ li jagħtih ċitazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi skont ir-regolament 124 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur kull min isuq jew ikollu fil-kontroll tiegħu vettura bil-mutur għandu f’kull waqt jobdi minnufih kull ordni, indikazzjoni jew sinjal mogħti jew magħmul mill-Pulizija jew minn gwardjan lokali sabiex jitmexxa t-traffiku jew għal kull raġuni oħra fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Infurmat ukoll illi mhux l-ewwel darba li jkun hemm okkażjonijiet fejn membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu jagħtu servizz fil-viċinanzi ta’ skejjel, għall xi raġuni jew oħra jkollhom iwaqqfu il-passaġġ ta’ vetturi minn toroq fil-viċinanzi ta’ l-iskejjel anke’ qabel il-ħin indikat fit-tabelli tat-traffiku fuq il-post. Dwar dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi il-kuntistabbli imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, ġie mitkellem mis-superjuri tiegħu, fejn spjega li huwa kien waqqaf il-passaġġ tal-vetturi mit-triq imsemmija fit-tmienja se jdoqqu. Huwa kategorikament ċaħad li rrikatta lill xi membru tal-pubbliku u kompla jispjega illi peress li x-xufier tal-vettura beda jargumenta miegħu li ried jgħaddi, l-kuntistabbli qallu sabiex ma jkomplix itellfu minn xogħolu. Għaldaqstant, ma jidhirx li hemm lok li jittieħdu passi fil-konfront tal-kuntistabbli.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36918 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32818, jista' l-Ministru jgħid jekk dan iffisirx li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità politika tal-Ministru ma jżommu l-ebda kontroll fuq l-impjegati u dawk li jingħataw xi xogħol xi jwettqu? Jekk fin-negattiv, l-mistoqsija oriġinali tkun tista' tiġi mwieġba?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Adult Training Centre — studenti li spiċċaw mil-livell sekondarju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 36965 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm spiċċaw studenti mil-livell sekondarju u bdew jattendu fl-Adult Training Centres?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilità kabbru iċ-Ċentru tal-Mtarfa Resource sabiex dan ikun jista' jakkomoda 10 (għaxar) klijenti ġodda li se jkunu ġejjin mil-livell sekondarju. Qegħdin fil-proċess li jibdew jattendu 9 (disgħa) minn dawn il-klijenti f’dan iċ-Ċentru minbarra f’każ wieħed li l-ġenituri tal-persuna b’diżabilità irrifjutaw is-servizz meta dawn ġew ikkuntatjati mis-social worker tas-servizz.

Valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u Malta

Question

JJista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37233 u jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta' affarijiet ta' merċa (goods) xahar b'xahar minn April ta’ din is-sena sal-lum maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Valur miżjud gross għall-prezzijiet bażiċi

Question

Nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37232, fejn tlabtu jgħid kemm kien il-valur miżjud gross ras għal ras fi prezzijiet bażiċi kull sena mill-2010 sal-2011 f’Malta u f’Għawdex b’mod separat tal-attivitajiet (i) ta’ intermedjazzjoni finanzjarja, (ii) ta’ proprjetà immobbli, (iii) ta kiri, (iv) ta’ negozju, (v) ta’ kummerċ bl-ingrossa, (vi) ta’ kummerċ bl-imnut (vii) ta’ biedja, (viii) ta’ sajd, (ix) ta’ manufattura, (x) ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel; (xi) professjonali, xjentifiċi u tekniċi; (xii) ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni u sapport; (xiii) amministrazzjoni pubblika; (xiii) ta’ ħidma soċjali; (xiv) ta’ arti, divertiment u rekrejazzjoni; (xv) ta’ tiswija vetturi, muturi, oġġetti personali u tad-dar; u (xvi) ta’ kostruzzjoni u peress li jiena tlabtu biex jagħti t-tagħrif ras għal ras u huwa rreferieni għal News Release 244/2011 maħruġa mill-NSO fit-22 ta’ Diċembru 2012 fejn it-tagħrif huwa għal Għawdex kollu u mhux ras għal ras, jista’ jekk jogħġbu jagħti t-tagħrif kif mitlub, jiġifieri ras għal ras u għas-16-il settur identifikat fil-mistoqsija?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ras għal ras f’termini ta’ popolazzjoni tista’ tinħadem biss fuq it-total tal-valur miżjud gross fi prezzijiet bażiċi hekk kif muri f’Tabella 1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informazzjoni ras għal ras f’termini ta’ min jaħdem bi qligħ (impjegati u min jaħdem għal rasu ) hija preżentata f’Tabella 2 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #37442 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Kummissarju tal-Pulizija — rilaxxar ta' armi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma rrilaxxax l-armi li ilhom fil-pussess tiegħu snin twal wara li l-President tar-Repubblika kien ta l-maħfra minn konfiska wara sentenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi din it-talba ġiet finalizzata u l-armi se jiġu rreġistrati mal-Pulizija.

Misraħ ta' Ħaż-Żabbar — sleeping policeman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandiex il-ħsieb jew fil-preżent hemmx xi talba biex isir sleeping policeman fil-misraħ jew madwar il-misraħ ta' Ħaż-Żabbar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Leg 11 PQ #37444 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

San Pawl il-Baħar — estensjoni tal-iskola primarja

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm ġiet tiswa l-estensjoni fl-iskola primarja f'San Pawl il-Baħar? Kemm tfal se jibbenefikaw minn din l-estensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa l-estensjoni fl-iskola primarja f’San Pawl il-Baħar ġiet tiswa €300,000. Għad fadal xogħol li qed isir li l-ħlas tiegħu għadu ma ġiex iffinalizzat. Se jibbenefikaw 420 studenti minn din l-estensjoni.