Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għoti ta' għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36603 u jgħid jekk il-gvern hux se jagħti għajnuna lil bdiewa li ġarrbu ħsarat kbar fil-maltempata li laqtet lill-pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet is-sejħa għall-għoti ta' għajnuna u jekk iva, kemm daħlu talbiet s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li wieħed irid jżomm quddiem għajnejh li l-ħsarat minn maltempati jolqtu setturi diversi tal-ekonomija u mhux biss is-settur agrikolu jew tas-sajd. Filwaqt li setturi oħra jieħdu ħsieb li jkopru lilhom infushom kontra dawn ir-riskji, is-setturi tal-biedja u tas-sajd sa llum għad ma humiex koperti. Dan ma jeskludix il-fatt li f’każ ta’ kalamità l-Gvern mhux se jżomm milli jestendi l-għajnuna immedjata tiegħu fejn anki jeżistu parametri fuq livell Ewropew meta din titqies bħala kalamità ta’ ċertu daqs u li anki jikkwalifikaw għal għajnuna mill-Unjoni. Imma għalkemm nistgħu ngħidu li għall-grazzja t’Alla s’issa ma ntlaqtniex minn disgrazzja simili, il-gvern qiegħed jaħdem biex jkun hemm skema biex partikolarment tgħin lill-dawn iż-żewg setturi partikolari kontra riskji anki ta’ ħsarat mhux daqshekk kbar. Nisperaw li x-xogħol li qiegħed isir jkun konkluż u jagħti l-frott fl-iqsar żmien possibbli ħalli jkun hemm mekkaniżmu meħtieġ biex tingħata l-għajnuna meta jkun hemm ħsarat bħal f’dan il-każ imsemmi.

fidi taċ-ċens fuq plots

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jidhirlux li l-kundizzjonijiet imposti fuq il-fidi taċ-ċens fuq plots tal-gvern kienu ibsin wisq f'każ ta' persuni li akkwistaw id-djar mingħand terzi bi prezzijiet tas-suq u li ma kenux huma l-benefiċċjarji oriġinali tal-plots?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern jidhirlu li l-kundizzjonijiet għall-fidi taċ-ċens fuq proprjetajiet tal-gvern mhux talli mhumiex iebsin iżda huma meħtieġa. Tajjeb li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant, li qabel ma ġew introdotti l-emendi għall-Iskema dwar ix-Xiri tad-Dirett Dominju Temporanju ta’ proprjeta’ tal-Gvern, użata bħala residenza, ma kien hemm l-ebda kundizzjoni speċifika li kienet taħseb biex tirregola li ma ssirx spekulazzjoni tal-proprjeta li ċ-ċens tagħha jkun infeda. Il-Gvern kien ħass li l-bejgħ ta’ proprjeta’ li ċ-ċens tagħha ikun għadu kemm jinfeda ftit ġranet qabel, u dan bi prezz għexieren ta’ drabi ogħla mill-prezz tal-fidi, kien imur kontra l-ispirtu tal-Ftehim li l-Gvern Malti u s-Santa Sede iffirmaw fil-1992 u għalhekk kellu jintervjeni u fl-2009 ħa l-miżuri neċessarji biex dan ma jibqax isir. Dan biex l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskema tkun tirrifletti fedelment l-iskop u l-ispirtu tal-Ftehim li l-Gvern ta’ Malta u s-Santa Sede iffirmaw u li jgħid, fost oħrajn, li l-proprjeta’ li ġiet mill-Knisja għandha tintuża “for the Country’s most pressing social requirements, such as social housing….”

kwestjoni dwar xiex tintuża l-karta r-roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-każ li persuna tikkwalifika għall-katra r-roża f'każ biex jekk ikollha bżonn mediċini u dan għaliex il-karta r-roża tintuża għall-għoti ta' servizzi oħrajn bħal roħs fil-kera tal-linja tat-telefon anke minn persuni li m'għandhomx bżonn mediċini?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażżati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23. Persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skond id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża). Min ikollu l-kartuna r-roża ntitolat għal numru limitat ta’ mediċini, li huma speċifikament immarkati fil-Formularju tal-Gvern. Mediċini jistgħu jingħataw lill-pazjenti permezz ta’ riċetta valida minn tabib awtorizzat hekk kif stipulat fl-Avviż Legali 292 tal-2006 ta’ l-Att Dwar il-Mediċini Kap 458 - Regoli ta’ l-2006 dwar il-Ħruġ ta’ Riċetti u Dispensa ta’ Mediċini.

Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern — aċċess għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern f'Malta hux konformi mal-istandards ta' aċċessibilità tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità peress li dan l-uffiċċju jżuruh ħafna persuni inkluż anzjani bi problemi ta' mobilità?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Ufficcju tan-Nutar tal-Gvern jikkonsisti f’żewg binjiet antiki fil-Belt Valletta, cioe’ l-uffiċċju prinċipali li jinsab f’ numru 2/3, Triq Mikiel Anton Vassalli, fejn huma arkivjati l-atti nutarili oriġinali, u dak f’ numru 24, Triq San Kristofru, fejn huma arkivjati r-reġistri tal-atti. Naturalment, peress li l-bini huwa antik, jeżistu certi restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċessibilita’ sabiex ikun totalment konformi mal-istandards ta’ aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’. Madankollu l-Ufficcju tan-Nutar tal-Gvern xorta jipprovdi faċilitajiet ta’ aċċess lill-persuni anzjani jew b’dizabilita’ fil-limitazzjonijiet tiegħu. Per eżempju, f’każ ta’ persuna fuq wheelchair tigi pprovduta rampa sabiex taghti aċċess minn fuq il-bankina għall-pjan terran tal-Ufficcju, minn fejn imbagħad jingħata s-servizz. Ta min isemmi wkoll illi persuni anzjani jew b’diżabilita’ li ma jifilħux jitilgħu taraġ jingħataw servizz fil-pjan terran mill-uffiċċjali f’dan id-dipartiment li dejjem ikunu lesti sabiex jagħtu l-assistenza meħtieġa. Dawn il-persuni jistgħu wkoll jordnaw kopji ta’ atti nutarili mill-Arkivji Nutarili permezz tal-posta elettronika (notarial.archives@gov.mt) u din is-sistema għenet ħafna sabiex jitjieb is-servizz offrut, speċjalment lill-persuni anzjani bi problemi ta’ mobilita’ kif ukoll persuni b’dizabilita.

impjanti tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew flus it-tliet impjanti tat-trattament tad-drenaġġ li nbnew f'dawn l-aħħar snin kull impjant separatament jiġifieri tal-Mellieħa, ta' Għawdex u Ta' Barkat, Xgħajra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tlett impjanti saru b’investiment ta Ewro 96.5 miljun. L-impjant taċ-Ċumnija fil-Mellieħa sar b’investiment ta’ €8.4 miljun, dak ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex b’investiment ta’ €8.9 miljun, u dak Ta’ Barkat ġewwa x-Xgħajra b’investiment ta’ €79.2 miljun. Permezz ta’ dan l-investiment qawwi fit-trattament ta’ drenaġġ, pajjiżna huwa l-ewwel pajjiż fil-Mediterran illi jittratta d-drenaġġ kollu qabel dan ma jintefa fil-baħar. Dan kollu fl-aħjar interess tas-saħħa tagħna lkoll u tat-turisti li jżuru pajjiżna kull sena.

Struttura tal-pensjoni tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu l-gvern jirranġa s-sitwazzjoni tal-istruttura tal-pensjonanti tat-Tarzna li l-anomaliji li kien hemm immultiplikaw ruħhom bl-istruttura li saret dan l-aħħar meta hemm nies li kienu f'kategoriji tnien jew tlieta iżgħar minn ta' fitter u spiċċaw li għandhom pensjoni aktar minn ta' fitter u anke hemm differenzi kbar bejn fitters u kategorija oħrajn?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li r-reviżjonijiet imsemmija saru abbażi tal-Provedimenti, tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Kull reviżjoni ssir skont is-sitwazzjoni ndividwali ta’ kull każ partikolari u għalhekk ma tistax tqabbel każ ma’ieħor, fejn jista’ jkun hemm varjazzjoni bejn każ u ieħor.
Leg 11 PQ #37194 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36720 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru inkluż id-dekasteru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 36720 fit-23 ta’ Ottubru 2012. Ovvjament ma stajtx nagħti tal (10) għaxar xahar għaliex għadu ma għalaqx.

Biċċerija tal-Marsa — inċineratur bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-inċineratur tal-biċċerija fil-Marsa kien sospiż kawża ta' ħsarat matul l-2011 u din is-sena? Kemm kienet tiswa f'ċifra ta' flus globali l-manutenzjoni li saret matul l-2011 u s'issa din is-sena separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2011 kien hemm biss total ta’ sitt waqfiet kawża ta’ ħsarat minuri u li b’kollox ikkagunaw għaxart ijiem li l-inċineratur ma setax ikun operat ħtija tal-istess ħsarat. Fid-dawl tal-limiti tal-parametri stretti ta’ operat li huma permessi mir-regolatur, biex ikun żgurat li l-inċineratur jibqa jopera f’dawn il-parametri, huwa meħtieġ li l-inċineratur jitwaqqaf regolarment sabiex issirlu bir-reqqa l-manutenzjoni bir-reqqa meħtiega. L-ispiza ta’ manutenzjoni globali għas-sena 2011 kienet ta’ €311,153.97 filwaqt li għas-sena 2012 (minn Jannar sa Awwissu) kienet ta’ €220,690.72.
Leg 11 PQ #37196 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Flus miċ-ċitazzjonijiet tal-wardens

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36702 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien id-dħul f'ċifra ta' flus globali miċ-ċitazzjonijiet tal-wardens matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Rabat Għawdex — appartament li għandu bżonn it-tikħil

Question

Peress li r-residenti tal-Block F B f'Taċ-Ċawla, Rabat Għawdex qed jilmentaw għaliex ilhom żmien twil jirrapurtaw li dieħel l-ilma fl-appartament tagħhom għax irid isir it-tikħil minn barra iżda dan qatt ma sar, u peress li kull darba li tagħmel ix-xita, dawn kull darba qed jimtlew bl-ilma u qed jikkaġuna danni, jista' l-Ministru jara li jsir dan it-tikħil b'mod immedjat?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar se tieħu ħsieb din it-talba mill-aktar fis possibli.

Rabat Għawdex — xogħlijiet fil-partijiet komuni tal-Housing Estate taċ-Ċawla

Question

Peress li r-resident ta' Block F B taċ-Ċawla Housing Estate, Rabat Għawdex, qed jilmentaw minħabba xogħol ħażin li sar fil-partijiet komuni mill-kuntrattur imqabbad, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan u jgħid meta se jsir ix-xogħol rimedjali opportun u x'passi se jittieħdu fil-konfront tal-kuntrattur talli għamel xogħol ħażin?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan ix-xogħol sar minn kuntrattur imqabbad mill-kunsill lokali. L-Awtorità tad-Djar ukoll hija mħassba dwar il-kwalità tax-xogħol u mhix se toħroġ pagamenti għalih. Fl-istess waqt l-istess awtorità qed tara x’passi tista’ tieħu min-naħa tagħha biex issolvi l-inkonvenjent li nħoloq minn dan il-kuntrattur.

Rabat Għawdex — Taċ-Ċawla Housing Estate - periklu ta' wires u pipes mikxufin

Question

Peress li r-residenti ta' Block G fil-Housing Estate taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex qed jilmentaw minħabba periklu li ġej mill-wires u pipes mikxufin li hemm fil-partijiet komuni tal-block, jista' l-Ministru jara li jitneħħa dan il-periklu billi jsir ix-xogħol meħtieġ?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan ix-xogħol qed isir minn kuntrattur imqabbad mill-kunsill lokali. L-Awtorità tad-Djar qed tinsisti mal-Kunsill Lokali li jitnehha kull periklu li jista’ jezisti u li x-xogħol isir fi żmien qasir.

Rabat Għawdex — Taċ-Ċawla Housing Estate - bozoz fit-triq

Question

Peress li r-residenti taċ-Ċawla Housing Estate fir-Rabat Għawdex qed jilmentaw għaliex mhemmx bozoz biżżejjed u f'ċertu inħawi hemm id-dlam għax bla dawl, bħal dik il-parti ħdejn il-ground, jista' l-Ministru jara li dawn l-inħawi jiġu mdawwla adegwatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru l-pjanti neċessarji sabiex dan ix-xogħol isir mill-Awtorità tad-Djar fil-ġimgħat li ġejjin.

Kuntratt tal-BWSC — performance guarantee

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saretx performance guarantee mal-kuntratt tal-BWSC għall-estensjoni l-ġdida ta' Delimara? Jista' jgħid jekk saret, kemm hu l-valur ta' din il-performance guarantee? Jista' jgħid jekk hux se ssir claim mill-Korporazzjoni Enemalta kontra din il-garanzija? Jekk ma saritx jew mhux se ssir, jista' jispjega għaliex? Jekk saret, x'inhu r-riżultat tal-claim s'issa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

AFM — Request għal laqgħa mal-Brigadier rigward promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx requests pendenti minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta biex jiltaqgħu mal-Brigadier dwar il-proċess tal-promozzjonijiet fl-Armata? Jekk hemm requests pendenti, għaliex dawn il-membri għadhom ma ngħatawx l-opportunità li jiltaqgħu mal-Brigadier minkejja li l-proċess tal-promozzjonijiet jinsab fl-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li skont proċeduri stabbiliti tal-armata fir-rigward tas-smiegħ tal-ilmenti, kull membru tal-Forzi Armati jkun jeħtieġlu jidher quddiem l-Officer Commanding u l-Commanding Officer tiegħu rispettivament qabel ma jkun jista jressaq tali ilment quddiem il-Kmandant. Fir-rigward tal-promozzjonijiet li ġew ippublikati fit-13 t’April 2012 u b’seħħ mill-1 t’Ottubru 2011 ninsab infurmat li l-proċess għadu għaddej hekk kif kull min għamel ilment diġa deher quddiem l-Officer Commanding u l-Commanding Officer tiegħu. Minn dawn, 60 individwi xtaqu li jressqu ilment quddiem il-Kmandant u sa issa 42 ġew intervistati. Is-smiegħ tal-ilmenti li fadal huwa skedad għal-ġimgħat li ġejjin. Nixtieq niċċara li dan il-proċess huwa assoċjat mal-promotion exercise 2010-2011 u mhux relatat mal-eżerċizzju li għaddej bħalissa li jkopri is-snin 2011-2012.

Staff Enrolled Nurse Conversion Course Certificate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iStaff Enrolled Nurse Conversion Course Certificate li huwa segwit mill-Università ta' Malta, hux rikonoxxut fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? F'liema pajjiżi anke mhux fl-Unjoni Ewropea dan iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Enrolled Nurse to Staff Nurse Conversion course mhuwiex course organizzat mill-Universita’ ta’ Malta imma huwa course li ilu jorganizzah id-Dipartiment tas-Saħħa għal dawn l-aħħar 10 snin u li dan għandu jintemm fl-2014. Il-course li huwa miftuħ għall-Enrolled Nurses (Infermieri reġistrati fit-tieni parti tar-Reġistru) huwa mqassam fuq sena u nofs u huwa aċċettat mill-Kunsill dwar l-Infermiera u Qwiebel u allura jintitola ‘l min jgħaddi mill-eżami finali u l-komponenti kollha tal-course għal Reġistrazzjoni tal-Ewwel Livell (SRN). Għalhekk dan iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u per konsegwenza anke minn dawk il-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jirronoxxu r-Reġistrazzjoni Ewropea u/jew Maltija ta’ Infermier tal-Ewwel Livell.

BWSC — Kwestjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema qorti ta' liema nazzjonalità sovran għandha ġurisdizzjoni fuq kull kwestjoni li tinqala mal-BWSC? Jista' jgħid jekk tintuża l-power station tal-Marsa jkollniex inħallsu multi? Jekk iva, kemm se jkunu dawn il-multi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi skont il-kuntratt iffirmat bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-kuntrattur BWSC, l-arbitraġġ isir f’Londra, l-Ingilterra l-International Chamber of Commerce, iżda l-liġi applikabbli hija l-liġi Maltija. Il-penali mill-MEPA marbuta ma’ l-użu tal-power station tal-Marsa huma magħrufa. Il-Korporazzjoni qed tikkunsidra li tagħmel claim għalihom lill-kuntrattur.

Sezzjoni Ħaddiema tax-Xatt — xogħol li ngħata lill-privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol li kienu jagħmlu impjegati ta' Transport Malta mas-sezzjoni ħaddiema tax-Xatt (Port Work Scheme) ingħata lill-privat u qed jiswa lill-poplu eluf kbar ta' Euros meta kien hemm u għad hemm min hu kapaċi jagħmlu? Jista' jgħid jekk din il-manuvra saritx biex tingħata tender lill-persuna li diġà għandha monopolju ġewwa l-Freeport?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif spjegajt fir-risposta għal-mistoqsija Parlamentari parlamentari nru. 37217, Transport Malta preżentament għandha arranġament mal-Malta Dockers Union li qegħda tipprovdi kuljum tlett ħaddiema tal-port liċenzjati biex jassistu għall-funzjoni ta' Roster Keeping. Dan biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm impatt fuq l-attivita` fil-portijiet Maltin. Ninsab infurmat li Transport Malta qegħdha tevalwa xi soluzzjonijiet fit-tul għal din is-sitwazzjoni u fosthom hemm il-possibilta` li dan ix-xogħol jiġi kuntrattat lil terzi wara li ssir sejħa pubblika għall-offerti. Ma hemm l-ebda manuvri fis-sens li qed jallega l-Onor. Interpellant.

Studenti infermiera li ma jgħaddux mis-sena akkademika

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-istudenti infermiera li ma jkunux għaddew mis-sena akkademika u għalhekk ikollhom jirrepetu s-sena jispiċċaw jagħmlu xogħol fl-Isptar fil-vaganzi tas-sajf bla paga meta l-istudenti l-oħrajn li jkunu għaddew jitħallsu? Jista' jgħid għandux student li jkun se jirrepeti għallanqas jagħżel li ma jaħdimx f'dak is-sajf ta' bejn is-sentejn ripetuti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-lista tal-istudenti li jitħallsu mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ tasal għand dan il-Ministeru mill-Università ta’ Malta. Ghaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — salarju ta' ħaddiema li ġie rivedut darbtejn

Question

Jista' l-Ministru, għal kull dekasteru, jipprovdi lista ta' nies li s-salarju (jeskludi l-performance bonus) tagħhom ġie revedut mill-anqas darbtejn mis-sena 2007 sal-lum? Jista' jinkludi ż-żieda fis-salarju, il-pożizzjoni l-ġdida, id-data ta' meta dan seħħ, min kienu dawk il-persuna/persuni li approvaw u kienu parti minn dan il-proċess filwaqt li jindika jekk kienx hemm call for application?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Rigward il-MITA ninsab infurmat li kull sentejn isir eżerċizzju fejn is-salarji tal-impjegati kollha jiġu evalwati mill-Management u jingħataw rakkomandazzjonijiet rispettivi lill-Kap Eżekuttiv tal-MITA u l-Bord tad-Diretturi. Dawn ir-rakomandazzjonijiet jirriflettu iċ-ċaqlieq fil-pagi fl-industrija tal-ICT, tibdil li jkun meħtieg fid-dmirijiet marbuta mall-pożizzjonijiet rispettivi, kif wkoll l-esperjenza tal-impjegati fuq livel individwali.