Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — postijiet b'soqfa ikkundannati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37104 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk huwiex minnu li l-proġett ta' Bormla se jkollu jieqaf fuq fin-naħa tar-regatta peress li dawn għandhom is-soqfa ikkundannati u li m'hemmx fondi għalihom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m'għandu l-ebda tagħrif jew involut fil-proġett ta' Bormla. Dwar is-soqfa ikkundannati fuq in-naħa tar-regatta, dan il-fond huwa amministrat mill-Kunsill Malti għall-Isport u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

tneħħija ta' postijiet ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36307 u 35939 u jgħid minn sena ilu 'l hawn kemm tneħħew postijiet ta' parkeġġ minn l-awtoritajiet kkonċernati f'kull lokal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

problema f'binja tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-awtoritajiet ikkonċernati mhux qed jieħdu azzjoni rigward il-problema f'binja tal-gvern li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li mhemmx opra morta?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba tal-applikant qed tigi pprocessata.

għajnuna għal negozji żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna/skemi/inizjattivi joffru lil dawk li jixtiequ jiftħu negozju żgħir bħal persuna li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Peress li mhux ċar għal liema jew x’tip ta’ għajnuna/skemi/inizjattivi qed jirreferi għalihom nitlob lill-Onorevoli Membru sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li huwa responsabbli mill-Malta Enterprise.

Siġar li ma jistgħux jidħlu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema siġar (speċi partkulari) ġew dikjarati li ma jistgħux jidħlu f'Malta, matul l-ewwel disa xhur ta' din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-siġar li ġew iddikjarati li ma jistgħux jidħlu f'Malta matul l-ewwel disa’ xhur ta' din is-sena huma l-istess siġar li ġew iddikjarati li ma jistgħux jidħlu fl- Unjoni Ewropea liema lista kienet ippublikata fl-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004, Skeda III, Parti A. Ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri din il-lista kif publikata fl-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004.

Rapporti ta' importazzjoni ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waslulux rapporti ta' importazzjoni ta' siġar minn pajjiżi fejn setgħa kien hemm riskju ta' mard partikulari, u li kien għadu ma ġiex rekordjat f'Malta? Jekk iva x'passi ttieħdu dwar dawn is-siġar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġa kien indikat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 37494, l-importazzjoni tas-siġar f’pajjizna ssir skont l-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004 u l-emendi. Dan l-Avviż ma jikkonċernax biss siġar imma jkopri wkoll planti u partijiet u/jew derivattivi tagħhom bħal injam u fjuri. Kull importazzjoni ta’ siġar minn pajjiżi terzi jridu jkunu notifikati minn qabel u għalhekk huwa diffiċli li jidħlu konsenji mingħajr ma dawn ikunu spezzjonati. Hemm pajjizi li fihom hemm riskju ta' mard partikulari, u għaldaqstant biex tkun tista’ issir l-importazzjoni minn dawn il-pajjizi jkun hemm bżonn ta’ dokumentazzjoni u nfomazzjoni addizzjonali skont l-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004, Skeda IV, Parti A qabel ma dawn jidħallew jidħlu fil-pajjiż/Unjoni Ewropea.. Tajjeb li jingħad li f’dawn l-aħħar disa’ xhur kien ta’ 225 każ ta’ importazzjoni li fuqhom kollha saret ispezzjoni iżda fl-ebda każ ma rriżulta li kien hemm mard. Inżid billi ngħid li fil-każ li jinstab mard, il-konsenja jew terġa’ tintbgħat lura jew inkella tiġi distrutta fl-inċineratur.

Siġar tal-Palm — Bumunqar l-Aħmar

Question

Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-problema tal-Bumunqar l-Aħmar għadhiex qed teffetwa s-siġar tal-palm li għandna f'Malta u f'Għawdex? Kemm siġar hu rrapurtati li ġew infettati matul l-aħħar disa' xhur? Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' rapporti li kien hemm fis-snin ta' qabel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-problema tal-Bumunqar l-Aħmar għadha taffettwa lis-siġar tal-palm f'Malta u f'Għawdex però x-xejra matul is-snin tindika li din naqset. Ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri din il-lista in- numru ta’ siġar tal-palm meqruda fl-ewwel disa’ xhur tas-sena f’dawn l-aħħar erba’ snin

Pjanijiet għall-policies rigward shooting ranges

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet għall-policies li jikkonċernaw ix-shooting ranges, il-kmamar tan-nar u l-applikazzjonijiet għal faċilitjiet marbutin mal-pompi tal-petrol?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li iktar kmieni din is-sena, l-abbozz tal-Policy Guidance dwar is-Shooting Ranges intbgħat lill-Ministeru responsabbli mill-Isport biex jiġi analizzat minnu. Sar ukoll rapport dwar is-sitwazzjoni tal-pompi tal-petrol li ttella għall-attenzjoni tal-bord tal-MEPA. Abbażi ta' dan ir-rapport il-bord tal-MEPA ddeċieda li l-applikazzjonijiet dwar il-pompit tal-petrol jistgħu jiġu pproċessati bil-policies viġenti li għandha l-istess Awtorita'. Fir-rigward il-policy li tikkonċerna l-kmamar tan-nar, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajna għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 5597, 15711, 19250, 19321, 30564 u 35336.
Leg 11 PQ #37498 Sitting 515 2012-10-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Donazzjonijiet mill-Kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' donazzjonijiet huma permissibbli mill-kunsilli lokali għal dawk li huma ċelebrazzjonijet tal-festi tal-lokal, ta' għoti ta' xi forma ta' soveniers f'okkazjonijiet bħal preċetti, u festi (bħal dik ta' San Martin), u għotjiet oħra simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li legalment kull donazzjoni kemm fi flus kif ukoll mhux bi flus minn xi kunsill lokali hi pprojbita.

MEUSAC — skemi għat-titjieb ta' faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' skemi hemm, imħaddma mill-MEUSAC, biex faċilitajiet sportivi jtejbu l-attrezzaturi tagħhom? X'tip ta' skemi kien hemm għal dawk li huma għajnuniet biex jitwaħħlu LEDs fil-grounds partkulari, u li għalihom tista' tapplika s-soċjeta li tmexxi l-faċilità?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEUSAC ma tħaddem ebda skema indikata mill-onorevoli interpellant. Ir-rwol tal-MEUSAC hu li jassisti organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u kunsilli lokali biex japplikaw għal proġetti ffinanzjati jew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Fil-perjodu ta’ programmar finanzjarju 2007-2014, ma kienx hemm programm ta’ fondi partikolari, li jippermetti li entita’ tibbenifika minn somma sostanzjali biex jinxtraw attrezaturi meħtieġa għall-għaqdiet sportivi. Madankollu, il-MEUSAC assista proġett li ġie sottomess taħt il-Youth in Action Programme fejn żgħażagħ minn klabb tar-regatta ħadmu flimkien biex jitgħallmu kif tinbena dgħajjsa tradizzjonali tal-pass u kif ukoll biex jtejbu l-attrezzaturi fil-gym li jinsab fil-klabb. Pero l-għan ta’ dan il-proġett ma kienx li tinxtara l-attrezzatura iżda li ż-żgħażagħ jaħdmu flimkien biex itejbu il-ħiliet tagħhom u kif ukoll biex jippromwovu l-inkużjoni soċjali. Dan il-programm jiffinanzja sa massimu ta’ €5,200 biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jwettqu inizjattiva lokali marbuta ma prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Youth in Action Programme. Bħala punt ta’ informazzjoni, ngħarraf lill-onorevoli membru li jeżisti Fond Ewropew li jippermetti investimenti li jagħmlu użu minn riżorsi ta’ enerġija effiċjenti, bħal LEDs. Dan huwa il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fejn waħda mill-prijoritajiet ta’ dan il-fond hija l-Mitigazzjoni u l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima. Dan il-Fond huwa mmeniġjat mid-Diviżjoni għall-Ippjanar u l-Kordinazzjoni tal-Prijoritajiet (PPCD) tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-aktar sejħa riċenti fejn għaqdiet volontarji setgħu japplikaw biex jwettqu proġetti li jiffukaw fuq l-użu ta’ enerġija effiċjenti għalqet fit-30 ta’ Awissu 2012.

Kalkara — xogħlijiet fi Triq Patri Mattew Sultana

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li ssir Triq Parti Mattew Sultana fil-Kalkara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat ill peress li l-kuntrattur li ngħata l-kuntratt biex jagħmel ix-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ma ffirmax dan l-istess kuntratt, Transport Malta kellha tirtiralhu l-kuntratt. Dan ifisser li trid tinħareġ sejħa oħra għall-offerti u allura s'issa ma' nistax ngħid meta dan ix-xoghol se jsir.
Leg 11 PQ #37511 Sitting 515 2012-10-30 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Industrial Projects and Services Ltd. — chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Contracts of Service u jekk inhu l-każ tal-Letters of Appointment rispettivament taċ-chairman u separatament tal-Kap Eżekuttiv tal-Industrial Projects and Services Ltd.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra il-‘Letter of Appointment’. F’dawn il-ħatriet ma jsirx ‘contract of service’.

Omas Pass

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika liema huma l-istanzi li fihom persuna li jkollha l-OMAS pass għax taħdem f'post tax-xogħol li tirrikjediha tidħol fl-ajruport titlef id-dritt li tibqa' żżomm dan l-OMAS pass? Fi kliem ieħor liema huma l-istanzi li minħabba fihom jista' jittieħed jew jiġi rtirat l-OMAS pass mill-awtorità kompetenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

MEPA — policy tal-flexible approach

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm files fil-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li jinsabu pendenti jew sospiżi biex jistenna l-eżitu tal-policy tal-flexible approach li tinsab għall-konsultazzjoni pubblika?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra

Ta' Xbiex Seafront — kjosk

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kif kjosk, donnu fixed f'Ta' Xbiex Seafront, mal-jottijiet u biswit upgrading tal-promenade, li qed ikun imwelli min wieħed għal ieħor u llum qiegħed f'idejn barranin, għandu permess kemm għal kjosk u għal post u b'xi sitt imwejjed u 24 siġġu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindika fuq site-plan il-kjosk in kwistjoni sabiex id-Dipartiment ikun jista’ jidentifika dan il-kjosk u jwieġeb din il-mistoqsija.

skemi għax-xiri tad-dar — diskrepanza

Question

Jidhirlu l-Ministru għal dak li jikkonċerna skemi għax-xiri tad-dar li hemm dispkrepanza inġusta bejn skema A “Sir sid ta’ darek” u skema B “Ninvesti fid-dar tiegħi”? Jaf il-Ministru li fi skema waħda, A, l-inkwilin li ma jkollux assi kapitali li ma jeċċedux il-€100,000 jingħata sussidju sat-30% fil-prezz u jista’ jixtri l-fond by instalments, filwaqt li fi skema l-oħra B, ma jingħata l-ebda sussidju ta’ xejn jekk ikollu tali assi kapitali? Jafx ukoll li taħt l-iskema A l-inkwilin jista’ jixtri l-fond by instalments filwaqt li taħt l-iskema B ma jistax? Jidhirlu li din hija inġustizzja manifesta u li l-iskema B għandha tiġi riveduta?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant billi naghmel referenza ghat-twegiba moghtija f’PQ 35175 datata 29 ta’ Mejju 2012 u nzid illi kull skema hija differenti minn ohra. F’dan il-kaz fit-tieni skema ma kienx hemm xiri t’art bhal ma kien hemm fuq possession and use ghalhekk kien hemm spejjez inqas ta’ xiri t’art u ghalhekk l-Awtorita’ tad-Djar setghet tohrog din l-iskema b’dan il-mod.

Stallazzjoni ta' lift

Question

Japprezza l-Ministru li n-nies li joqogħdu fi blokk appartamenti li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed ibatu ferm peress li hemm ħafna turġien u mhemmx lift? Japprezza li l-Awtorità tad-Djar qed tirrifjuta li tistalla lift minħabba diskrepanza żgħira ta’ 24 ċentimetru fil-wesgħa tat-taraġ? Jidhirlux li dan l-ostaklu daqstant żgħir jistax jiġi facilment superat billi per eżempju, jinstab lift kemxejn izghar minn size standard? Jidhirlux li fiż-żminijiet tal-lum mhux aktar aċċettabbli li blokk appartamenti daqshekk għoli ma jkollux il-faċilità ta’ lift?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar qatt ma rrifjutat illi tinstalla lift ghax hija sensittiva ghall-bzonnijiet t’accessibilità. L-Onorevoli Interpellant jifhem, izda, illi l-Awtorità trid timxi mal-Ligi, inkluz regolamenti tal-MEPA u KNPD.

Fgura — Triq Carapecchia u Triq Sigismondu Savona - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ilmenti rigward xogħol ħażin li sar minn Transport Malta ġewwa Triq Carapecchia fil-Fgura, li minħabba dan qed jergħqu r-residenti u l-garaxxijiet ta' Triq Sigismondu Savona fil-Fgura? Jista' jgħid xi pjanijiet hemm għal dawn iż-żewġ toroq u meta se jsir ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #619 Sitting 514 2012-10-29 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Reklutaġġ t'għalliema li temmew il-kors din is-sena

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew reklutati għalliema fl-iskejjel statali minn dawk li temmew il-kors din is-sena u tindika x'suġġett qed jgħallmu u f'liema skola qegħdin? Tista' tgħid kemm fadal għalliema li ma ġewx reklutati skont is-suġġett tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.