Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju l-Appoġġ, meta jkun qed jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal jitlob li ssir eżami mediku tat-tifla biex jiġi stabbilit il-fatt tal-abbuż lil hinn mill-allegazzjonijiet, meta din l-allegazzjoni tinkludi li fl-abbuż kien hemm penetrazzjoni u allura suppost li jitħalla effett fiżiku tal-abbuż?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi meta jkun hemm rapport ta’ allegat abbuz sesswali fuq minorenni li jinkludi penetrazzjoni ta’ kull tip, il-haddiema socjali jitkellmu mal-minuri u/jew mal-genituri, skond il-kaz, u immedjatament jirreferi l-kaz lill-pedjatra tal-Agenzija li tiehu l-azzjoni opportuna fl-iqsar zmien possibbli sakemm ma jkunx hemm ragunijiet validi fil-ligi biex il-kaz jigi riferut mill-ewwel lill-pulizija tat-Taqsima kontra l-Vizzji (Vice Squad).
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin, sena b'sena, kemm kien hemm rapporti ta' abbużi sesswali fuq it-tfal li waslu għand l-Appoġġ u kemm minnhom, sena b'sena ġew riferuti lill-pulizija u kemm minnhom spiċċaw il-Qorti?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li in-numru ta’ rapporti ta' abbużi sesswali fuq it-tfal li waslu għand l-Agenzija APPOGG f’dawn l-ahhar erba` snin huma:
Jannar sa Gunju 2012 63
Jannar sa Dicembru 2011 118
Jannar sa Dicembru 2010 188
Jannar sa Dicembru 2009 165
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ta’ kemm minn dawn il-kazijiet gew referuti lill-pulizija u kemm minnhom spiccaw il-Qorti tinzamm mill-Pulizija u mhux mill-Agenzija APPOGG.
Ħaddiema tal-Appoġġ — investigazzjonijiet dwar każijiet ta' abbużi sesswali
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi proċeduri jsegwu l-ħaddiema tal-Appoġġ huma u jinvestigaw każijiet ta' abbużi sesswali fuq tfal fejn l-allegazjonijiet ikunu ġejjin mill-omm jew il-missier u l-qraba tagħhom u żwieġ ikun għaddej minn problemi serjissimi li jwasslu għal sitwazzjoni fejn it-tfal jintużaw kontra xulxin u anke jiġu mħarġa biex jaqilgħu allegazzjonijiet serjissimi fuq xulxin?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Agenzija APPOGG tinvestiga kull rapport tal-allegat abbuz sesswali fuq tfal billi preliminarjament titkellem mal-minuri u l-persuni kollha relevanti. Meta mill-investigazzjoni preliminari ikun hemm suspett li allegazzjoni ta’ abbuz sesswali ma tkunx veritierja, l-Agenzija generalment tipproponi li ssir investigazzjoni separata minn psikologu/a tat-tfal sabiex jigi ddeterminat jekk l-abbuz huwiex minnu jew le u jekk hemmx xi influwenza esterna fir-rigward tar-rakkont tal-minuri. Fejn jirrizulta li hemm provi cari li hemm abbuz sesswali, l-Agenzija tirreferi kazijiet bhal dawn lill-Pulizija. Dan sabiex it-tfal ma jkollhomx bzonn jghaddu minn investigazzjoni mal-pulizija jekk ma jkunx hemm il-bzonn.
Meta l-Agenzija tkun infurmata li hemm kaz ta’ separazzjoni pendenti l-Qorti, hija titlob lill-parti li tkun qed taghmel ir-rapport sabiex tinforma lill-istess Qorti bl-allegazzjonijiet. Il-Qorti Imbaghad titlob biex l-Agenzija APPOGG tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet, jekk jidhrilha opportun. Dan sabiex il-hidma tal-Agenzija APPOGG tkun ko-ordinata mal-hidma tal-Qorti u biex il-minuri kkoncernati ma jkunux esposti ghal proceduri repetuti.
Skola sekondarja subien tal-Ħandaq — laqgħa għal għażliet post-sekondarji għall-istudenti
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'kienu r-raġunijiet biex laqgħa fl-iskola sekondarja subien tal-Ħandaq dwar għażliet post-sekondarji għall-istudenti nhar il-Ġimgħa 19 t'Ottubru 2012 ġiet imwaqqfa u ma komplietx wara li bdiet? Tista' tgħid jekk b'xi mod iddaħlitx il-pulizija fl-inċident u għaliex? Tista' tgħid matul is-sena li għaddiet kemm-il darba l-pulizija ssejħet f'din l-iskola u f'kull każ għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nhar il-Ġimgħa 19 t’Ottubru 2012 saret laqgħa mill-għalliema tal-Guidance fl-iskola sekondarja subien tal-Ħandaq dwar għażliet post-sekondarji għall-istudenti tal-ħames sena. Il-laqgħa kienet mifruxa fuq żewġ lezzjonijiet bil-break fin-nofs. Fl-ewwel lezzjoni l-istudenti qagħdu attenti u ġabu ruħhom sewwa, fit-tieni lezzjoni ta’ wara l-break uħud mill-istudenti tilfu l-attenzjoni u bdew jitkessħu tant illi l-għalliema tal-Guidance iddeċidew li aħjar iwaqqfu l-laqgħa.
Filgħaxija saret laqgħa simili għall-ġenituri ta’ dawn l-istudenti tal-ħames sena fuq l-istess suġġett fejn ġie spjegat lilhom għalfejn kienet twaqqfet il-laqgħa ta’ filgħodu u li kienu ser isiru numru ta’ laqgħat qosra waqt il-
break
it-twil għall-istudenti tal-ħames sena biex tkompli tingħata iżjed informazzjoni fuq l-għażliet post-sekondarji.
Fl-ebda ħin dakinhar ma kien hemm bżonn il- preżenza tal-pulizija fl-iskola.
Matul is-sena skolastika 2011-2012 il-pulizija ġiet l-iskola darbtejn:
§ darba issejħet mill-amministrazzjoni tal-iskola minħabba li fuq xi studenti kbar instab ammont żgħir ta’ stoppini (bħal beraq żgħar li jintużaw fil-logħob tan-nar);
§ darb’oħra żewġ studenti kienu skartaw l-iskola , rawhom il-pulizija, ġabruhom u ġabuhom l-iskola.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36723 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36726 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Direct Order
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36724, jista' jagħti l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti mogħtija dwar l-istess suġġett fil-Mistoqsijiet Parlamentari numru 23470 - Direct Orders 2010; 30122 - Direct Orders 2011; 36724 - Direct Orders 2012.
B'referenza għat-task force u għad ta' ilmenti/inċidenti kawżati mill-bendy buses fit-toroq lokali kif ukoll għal fatt li numru ta' kunsilli f'Malta huma tal-opinjoni li aħjar jitneħħew, jista' l-Prim Ministru jinforma jekk sarx xi rapport f'dan ir-rigward tal-istudju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jibqa’ dejjem impenjat li jara li s-servizz li tipprovdi l-kumpanija Arriva jibqa’ dejjem jitjieb. Għalhekk isiru diskussjonijiet minn żmien għal żmien bejn iż-żewġ partijiet sabiex naraw fejn jistgħu jsiru miljoramenti.
Madankollu mill-informazzjoni li għandi ma jirriżultax li sar xi rapport partikulari dwar il-Bendy Buses.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet il-proċedura sabiex jiġi ppubblikat ir-riżultat tal-interviews li sar f'Ġunju 2012 għal pharmacy technicians wara sejħa mid-dipartiment aktar kmieni din is-sena? Kemm hemm postijiet vakanti fid-Dipartiment tas-Saħħa għal pharmacy technicians? Għaliex għadhom ma ġewx ingaġġati dawn il-pharmacy technicians? Meta se jiġu ingaġġati dawn il-pharmacy technicians?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pubblikazzjoni tar-riżultat għall-grad ta’ Pharmacy Technician u l-ingaġġ fl-istess grad għandhom isiru mill-iktar fis possibli. Il-vakanzi f’dan il-grad jimtlew skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.
Dipartiment tas-Saħħa — applikazzjonijiet għal diversi karigi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35944 u jgħid kemm ħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għal mili ta' diversi karigi mad-Dipartiment tas-Saħħa fis-snin 2009, 2010, 2011 u fis-sena kurrenti - 2012? Fuq liema bażi jiġi deċiż jekk kariga partikolari għandiex toħroġ mis-Servizz Pubbliku jew inkela mill-Foundation for Medical Services? Kemm inħarġu sejħiet mill-Foundation for Medical Servces jew b'sejħa diretta (mhux mill-PSC), kemm ġew ingaġġati nies b'dan il-metodu u jekk kienx hemm impjegati li wara li ġew ingaġġati b'dan il-metodu (mhux mill-PSC), ġew irregolarizzati mall-PSC?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fis-snin 2009 sa 2012 inħarġu total ta’ 428 sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta’ diversi karigi mal-Ministeru għas-Sahha, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’: 134 fl-2009, 102 fl-2010, 72 fl-2011 u 120 fl-2012 sa llum il-ġurnata.
Id-deċiżjoni dwar jekk kariga partikolari tinteliex permezz ta’ sejħa li toħroġ mis-Servizz Pubbliku jew mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, ssir abbażi tal-ħtiġijiet neċessarji.
Matul is-snin 2009 sa 2012, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (F.M.S.)ħarġet 40 sejħa għall applikazzjoni u preżentament hemm seba’ persuni li ġew ingaġġati b’mod dirett. Ma kien hemm l-ebda persuni ingaġġati mal-F.M.S. li ġew irregolarizzati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qieghed iżomm lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi milli jieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex isir ix-xogħol fuq it-trejqa fl-area magħrufa bħala Ta' Parak fil-limiti tas-Siġġiewi, liema trejqa, saritilha ħsarat estensivi waqt il-maltemp ta' dan l-aħħar u li ġiet imsewwija permezz ta' patching u li l-vettura li ntużat ghal dan il-patching minħabba d-djuq f'din it-trejqa, għamlet ħsarat kbar fil-ħajt li jżomm it-trejqa, tant li dan l-istess ħajt waqa' f'għalqa u bil-konsegwenza li nħoloq periklu ġdid għal kull min juża din it-trejqa u speċjalment għar-residenti li hemm fl-area u li jkollhom jużaw din l-unika aċċess kontinwament? Jista' jassigura li x-xogħol meħtieg isir b'urġenza u dan sabiex jiġi evitat aktar periklu li tkompli ċċedi t-triq kemm minħabba l-ammont ta' vetturi li jgħaddu minnha kuljum kif ukoll b'konsegwenza tal-ilmijiet tax-xita li jinżlu fiha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li ddiskuta l-ħsarat imsemmija waqt seduta li saret it-Tnejn 22 ta’ Ottubru 2012, u li għaliha kienu preżenti wkoll uħud mir-residenti taż-żona magħrufa bħala Ta’ Parak fil-limiti tas-Siġġiewi.
Il-Kunsill Lokali ddeċieda li jinkariga lill-perit tiegħu sabiex fl-iqsar żmien possibbli jistabbilixxi kif seħħew il-ħsarat fit-triq u fil-ħajt li jżommha, kif għandha tissewwa l-ħsara waqt li jħejji stima tax-xogħolijiet meħtieġa. Il-Kunsill Lokali nforma b’dan lir-residenti preżenti għas-seduta u għarrafhom ukoll li ser ikun qiegħed jikkomunika direttament magħhom biex iżommhom infurmati dwar l-iżviluppi rigward il-ħsara fiż-żona.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reserved parking minn persuni d'diżabilità, skont it-tip ta' diżabilità f'dawn l-aħħar sentejn, kemm minnhom ġew milqugħa, kemm minnhom ġew appellati u kemm minnhom ġew milqugħa wara li sar l-appell?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li, minn riċerka li saret fl-arkivji ta' Transport Malta, irriżulta li f'dawn l-aħħar sentejn l-Awtorita' rċeviet 1,827 applikazzjoni għal Parkeġġ Riżervat għal Persuni b'Diżabbilta' fejn 325 ġew approvati għal sena li tiġġedded, 6 ġew approvati għall-erba’ xhur tas-sajf, waħda ġiet approvata għal tlett xhur, tnejn ġew approvati għal sitt xhur u 52 ġew approvati għal metru u nofs (1.5m) KEEP CLEAR. Kien hemm 117-il applikazzjoni ta' appell fejn 17-il każ minnhom ġew approvati fl-appell mir-Review Panel. Hemm 38 applikazzjoni li għadhom iridu jiġu eżaminati mill-Bord għal Parkeġġ Riżervat għal Persuni b'Diżabbilta'. L-Awtorita' ma żżommx statistika li tirrigwarda t-tip ta' diżabbilta'.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-diaprtiimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nbniet rampa pedonali quddiem l-entratura ta’ Kastilja li hemm fi Triq San Pawl. Din ir-rampa tiffaċilita l-aċċess minn nies inklużi dawk b’diżabilità għal ġol-bini ta’ Kastilja.
Fil-bini l-ġdid tad-Diviżjoni għall-Fondi u Programmi u d-Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prioritajiet saret rampa quddiem il-bieb ta’ barra, kif ukoll l-kmamar tal-banju huma adattati għal persuni b’diżabiltà.
Qed isiru wkoll xogħolijiet strutturali fis-sular t’isfel ta’ binja mikrija fi Strada Żakkerija fejn fil-preżent jinstabu d-Direttorat għall-Operat u Implimentazzjoni ta’ Programmi, d-Direttorat għal
HR Management Systems
u d-Direttorat għal
Employee Relationship Management.
Ix-xogħolijiet li qed jitwettqu mis-sid tal-proprjetà jinkludi twaqqiegħ ta’ taraġ u twittieħ tal-entratura u t-tarġa ta’ barra biex titjieb l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità mit-triq safejn il-lift.
Fil-Forzi Armati ta’ Malta f'dawn l-aħħar sitt xhur ġew finalizzati żewġ proġetti ġodda li huma aċċessibli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl. Dawn jinkludu Hangar ta' l-Avjazjoni biex jakkomoda żewġ
King Air B200 Maritime Patrol Aircraft (MPA)
, u binja fuq tlett sulari biex takkomoda uffiċini, ċentru ta' taħriġ u servizzi oħra għall-Iskwadra Marittima tal- Forzi Armati ġewwa
Haywharf
.
Dawn il-faċilitajiet hawn fuq elenkati jkomplu jiżdiedu ma’ inizjattivi oħrajn li ttieħdu qabel ħalli d-diversi binjiet li jaqu taħt il-Ministeru tiegħi jkunu dejjem iktar aċċessibli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-diaprtiimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul dawn l-aħħar sitt xhur ġie mibdul il-lift tal-Ministeru, jiġifieri ġewwa Palazzo Parisio. Dan ġie mibdul għal wieħed li huwa magħmul skont ir-regolamenti tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' allura huwa aċċessibli għal dawk in-nies li jużaw is-siġġu tar-roti. Ta' min iżid li l-buttuni li wieħed jagħfas sabiex jitla' jew jinżel fil-lift għandhom ukoll il-breil sabiex jiffaċilitaw lil dawk b'nuqqas ta' dawl.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-diaprtiimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-diaprtiimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-diaprtiimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 22977, 28829 u 29453, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li barra xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-faċilitajiet diġa’ installati, fl-aħħar sitt xhur imbniet rampa fl-entratura principali fiċ-Ċentru ta’ Riċerka u Żvilupp ġewwa l-Għammieri biex tiżdiet aktar aċċessibilità għal persuni fuq ‘wheel chairs’. Minn naħa l-oħra, fil-Biċċerija il-Marsa, ġew installati toilets għal persuni b’dizabilita’.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36678 u 36315 u cioè: B'referenza għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 34533, 35174 u 35169 u ġaladarba l-Ministru ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba fil-mistoqsija parlamentari 35174, jista' l-Ministru jgħid taħt liema klawsola tal-kapitlu 268 tal-Liġijiet ta' Malta, jiġifieri tal-att li jirregola t-trasferiment tal-proprjetà tal-gvern, saret il-konċessjoni esklussiva lill-Island Caterers?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36680, 36308, 36223, 35975 u 35823 u jgħid ta' min hi l-art li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta tuża għall-Gas Division fil-Qajjenza, limiti ta' Birżebbuġa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36750 u 36573 u jgħid kemm intefqu flus fuq xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji matul din is-sena sal-lum, kull triq separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.