Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt Valletta — Pavimentar - miżuri biex ma jitebbax biż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu biex il-pavimentar ġdid li qiegħed isir fil-Belt ma jibqax jiġi mtebba' biż-żejt tal-vetturi li jgħaddi minn fuqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36580.

Ministeru għat-Turiżmu. l-Ambjent u l-Kultura — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36728 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

MEPA — xogħlijiet ta' riabilitazzjoni ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-permessi li ħarġet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħlijiet ta' rijabilitazzjoni tal-widien f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat għaxar applikazzjonijiet rilatati ma' rijabilitazzjoni ta' widien f'Malta u Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti rendikont tal-applikazzjonijiet sena b'sena inkluż il-lokalità hux f'Malta jew f'Għawdex (Annex 1), kif ukoll tabella oħra li turi aktar fid-detall il-proposta u l-lokalità ta' kull applikazzjoni (Annex 2).

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta. Negozji Żgħar u Konsumatur — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36729 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li sa Settembru saru b’kollox ħdax (11)-il Direct Order li b’ kollox jammontaw għal €195,564 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu.

Transport Malta — Administration Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha Transport Malta mingħajr Administration Department liema dipartiment huwa integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rwol tal-Administration Department kien integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services tal-Awtorita’ mat-twaqqif tagħha fl-2010.

Transport Malta — xogħlijiet tal-ispeed bumps

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36548, ġaladarba l-informazzjoni tinżamm mal-istatistika ta' xogħlijiet oħra, jista' l-Ministru jipprovdi din l-istatistika flimkien mal-lista tal-kuntrattur/i u jindika dawk il-postijiet ta' fejn ġie stallat ix-xogħol imsemmi? Jista' jgħid jekk kienx hemm direct order fuq dawn ix-xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ġbir ta' informazzjoni sabiex titwieġeb din il-mistoqsija jirrikjedi ammont sproporzjonat ta' ħin u riżorsi u sakemm l-Onor. Interpellant ma' jispjegax ir-raġuni għaliex għandu bżonn din l-informazzjoni, ma' jidhirlix li jkun utli li naħlu riżorsi finanzjarji u umani biex dan isir.

Wardija u Burmarrad — Wied Qannota - tħammil tal-wied

Question

Jista' l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied Qannota bejn il-Wardija u Burmarrad matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'permess relatati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 32260, tajjeb li nfakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant f’dak li diġa kont spjegajt fl-istess tweġiba li l-widien maġġuri jiġu mnaddfa kull sena biex barra li jkunu jistgħu jilqghu fihom volum akbar ta’ ilma, fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar u li d-deċiżżjoni dwar l-għażla ta’ fejn isir dan it-tindif tittieħed wara li jsiru spezzjonijiet fihom wara konsultazzjoni mal-MEPA biex tigi protetta l-ekologija u l-biodiversita’ tal-istess widien. Barra minn hekk, id-Dipartiment konċernat fl-2012 ippropona li isir tindif ta’ parti oħra minn dan il-wied u ntbagħtet notifika lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien ma sottomissjoni ta’ studju ekoloġiku kif mitlub mill-istess awtorità. Il-permess għal dan ix-xogħol għadu ma nħariġx.

Rabat — Wied tal-Fiddien - tħammil ta' wied

Question

Jista' l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'permess relatati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37415, ninfurmah li fl-ewwel parti ta’ din is-sena, intbagħtet notifika lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex isir xogħol ta’ tindif f’parti mill-Wied tal-Fiddien. Dan ix-xogħol inbeda f’Awwissu wara li ħareġ il-permess neċessarju fiż-żona fejn hemm il-Picnic Area.

Rabat u Mosta — Wied il-Qlejjgħa - tħammil ta' wied

Question

Jista' l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied il-Qlejjgħa fil-limiti tar-Rabat u Mosta matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'permess relatati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37415.

Titolu ta' proprjetà f'San Ġiljan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-gvern ta' Malta għandux xi titolu jkun li jkun fuq din il-proprjetà?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fond li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament huwa proprjetà tal-Gvern skont il-Ftehim li sar bejn il-Gvern u s-Santa Sede.

tfal weħidhom fuq il-vannijiet tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi l-policy dwar jekk tfal kindergarten jitwasslux il-kindergarten ġo vannijiet waħidhom u ma jkollhom lil ħadd jakkumpanjahom? Min hu responsabbli għas-sigurtà tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-provediment tas-servizz tat-trasport fil-livell primarju hu konformi mal-obbligi legali, jiġifieri jkopri l-istudenti primarji, li huma ta’ eta’ obbligatorja. Dawn l-istudenti jikkwalifikaw għas-servizz tat-trasport skont jekk jikkwalifikawx għat-trasport minħabba distanza jew riskju fit-triq. Jekk fuq il-van/coach partikolari li jwassal l-istudenti ta’ xi rotta tal-primarja jkun fadal postijiet vojta, dawn jistgħu jimtlew minn studenti tal-kindergarten li jkollhom ħuthom akbar minnhom fil-primarja. Oltre minn hekk, jistgħu jiġu approvati ġenituri li b’mod volontarju joffru s-servizz tagħhom, skont ftehim bejn il-kap tal-iskola u l-ġenituri volontarji. Dan il-ftehim irid ikun approvat mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi. Wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitatjiet konċernati, fosthom Transport Malta, l-Pulizija, l-Kunsilli Lokali, qiegħed jitħejja dokument sabiex iservi ta’ gwida f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-iskejjel.

supply LSAs

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm fil-lista supply LSAs li għaddew mill-intervisti tagħhom u qed jistennew li jintużaw skont il-bżonn? Kemm kien hemm li bagħtu għalihom s’issa din is-sena u kemm fadal fuq il-lista?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ supply LSAs li għaddew mill-intervisti li saru b’kollox jammontaw għal 375. S’issa din is-sena ssejħu 160. Għaldaqstant fuq il-lista fadal 215. Dawn jissejħu skont il-ħtieġa.
Leg 11 PQ #37438 Sitting 516 2012-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

Pembroke — Triq Gabriel Henin - karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta beħsiebha l-pulizija tieħu l-passi meħtieġa biex tneħħi karozzi ilhom xhur ipparkjati illegalment u abbandunati fi Triq Gabriel Henin, Pembroke?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li ttieħdu l-passi neċessarji.
Leg 11 PQ #37439 Sitting 516 2012-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

karozza li tinsaq minn guvni taħt l-età

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jistgħux l-pulizija jindagaw fuq min hi reġistrata l-karozza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tinstaq illegalment minn ġuvni taħt l-età regolarment u jieħdu l-passi meħtieġa beix iwaqqfu dan l-abbuż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Pulizija ħadu l-passi neċessarji.

Żieda fil-pensjoni tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-miżura ta’ għoti ta’ €300 għal anzjani ‘il fuq minn 80 sena ħaduha l-anzjani kollha intitolati u sħaħ jew proporzjonalment skont meta twieldu għax spiċċajna li €300 jidher li ħaduha biss dawk li għalqu sninhom f’Jannar?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li l-għotja msemmija ta’ €300 fis-sena hi dovuta lil dawk l-anzjani li jilħqu 80 sena u li jkunu għadhom jgħixu ġewwa darhom jew ma’ familjari. Għaldaqstant dawk l-anzjani li f’Jannar kienu diġa laħqu l-eta’ ta’ 80 u kienu qegħdin jgħixu ġewwa darhom jew ma’ familjari ingħataw is-somma sħiħa ta’ €300 filwaqt li dawk li laħqu l-eta’ ta’ 80 matul is-sena kurrenti qegħdin jieħdu somma pro-rata ta’ €300 li tkopri mid-data li fiha jilħqu 80 sal-aħħar tas-sena. Inżid ukoll illi kull anzjan li matul is-sena kurrenti irċieva jew ser jirċievi is-somma ta’ €300 jew parti minnha, f’Jannar tas-sena d-dieħla jirċievi l-ammont sħiħ.

Stat tal-Fortizza Campbell

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stat tinsab il-Fortizza Campbell, limiti tal-Mellieħa? Xi pjanti għandu d-dipartiment ikkonċernat ta' din il-fortizza?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi kif għidt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37186, ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-ħsarat li hemm f'din il-Fortizza li ilha żmien twil abbandunata. Apparti ħsarat kawżati mill-elementi, il-Fortizza kemm il-darba ġiet vandalizzata peress li m'hemm l-ebda ilqugħ li jipprojbixxi l-access. Intant, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu biss pjanta magħmula fuq survey sheet li turi ż-żona ta' din il-Fortizza. Il-pjanta qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

pjanijiet għall-Isptar Zammit Clapp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pajnijiet għall-binja li hemm bħala Sptar Zammit Clapp li kienet tintuża bħala sptar ta' riabilitazzjoni għax-xhur u snin li ġejjin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa l-Isptar Żammit Clapp, qiegħed jintuża bħala Nursing Home għall-Anzjani wara li saritlu refurbishment estensiv. Ta’ min jgħid li permezz ta’ dan il-proġett, kien hemm żieda ta’ 96 sodda għall-anzjani.

Birkirkara — rotta tal-linja għaċ-ċentru tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex anzjani li soltu jagħmlu użu miċ-ċentru tas-saħħa fil-Mosta u li issa dawn is-servizzi imxew għaċ-ċentru tas-saħħa ta' Birkirkara bid-differenza li issa dawn l-anzjani li jaqbdu l-karozza tal-linja biex jagħmlu dan ikollhom jinżlu fil-bypass ta' Birkirkara jaqsmu l-bypass u jinżlu niżla? Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex Transport Malta tbiddel temporanjament ir-rotta tagħha u jkun hemm karozza tal-linja li tgħaddi apposta minn ħdejn il-klinika tas-saħħa ta' Birkirkara ħalli dawn l-anzjani u persuni bi problemi ta' mobiltà jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mosta -servizzi fil-klinika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi tħallew fil-klinika tal-Mosta issa li fil-bini ta' din l-klinika għaddej xogħol estensiv ta' rranġar u modernizzar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-bini taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta baqa’ jingħata biss servizz ta’ Radjoloġija. Pero`, sar arranġament biex fil-binja tal-Kunsill Lokali, tinfetaħ berġa għal bżonnijiet tar-residenti tal-lokal b’mod temporanju, sakemm isiru x-xogħolijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Mosta — ċentru tas-saħħa - servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li x-xogħol ġewwa ċ-ċentru tas-saħħa fil-Mosta jitlesta u jerġa' jibdew jingħataw is-servizz li kien mdorri jieħu l-poplu minn dan iċ-ċentru tas-saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sakemm il-proċess tat-tenders jitlesta mingħajr dewmien, huwa ippjanat li l-proġett ikun finalizzat matul l-ewwel sitt xhur tal-2013.