Jista' l-Ministru jgħid x'użu se jsir mid-dar tal-anzjani tal-Gżira la titbattal kompletament? X'inhi r-raġuni li meta ttieħdet id-deċiżjoni li jingħalaq dan iċ-ċentru, il-familjari konċernati allegatament ma ġewx konsultati, tant li kien hemm ilmenti ta' rabja kbira mill-familjari li għandhom xi ġenitur, li dan iċ-ċentri qed jitbattal u li l-qraba qegħdin jinferxu f'bosta postijiet mingħajr konsultazzjoni ta' xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s’issa ma ġiex identifikat kif ħa tintuża d-Dar tal-Anzjani tal-Gżira la darba titbattal.
Meta ttieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq id-Dar tal-Gżira il-kap ta’ din id-Dar beda proċess ta’ diskussjoni kemm mar-residenti kif ukoll il-qraba tagħhom biex b’hekk jindikaw il-preferenza tagħhom għal djar oħra fejn tista’ tiġi offruta kura fit-tul.
B'referenza għall-problemi li hemm fil-promenade bejn il-Gżira u Sliema li qed ikun għal ġranet sħaħ bla dawl fuq in-naħa ta' mal-baħar, jista' l-Ministru jgħid jekk din hiex problema purament tal-kunsilli lokali jew jekk hemmx xi xogħol jew għajnuna li hija mistennija ukoll mill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi rimedjata din il-problema li qed twassal għal ħafna ilmenti mill-pubbliku?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħsara f’dawn il-lampi tul il-promenade bejn il-Gżira u Tas-Sliema kienet ħsara estensiva għax partijiet mill-lanterni kienu mkissrin u mmermra u kawża ta’ dan beda anke jsir ksur fil-globi. Għaldaqstant ix-xoghol ta’ tiswija kien jirrikjedi ħafna ħin u minħabba raġunijiet ta’ sigurtà kellha tinqata` l-provvista tad-dawl għal dawn il-lampi. Ix-xogħol fuq it-tiswijiet issa tlesta u d-dwal ġew mixgħula. Independentament minn din il-ħsara, kien hemm ukoll aċċident fejn il-kuntrattur li qed jaħdem fuq ix-xogħol tal-promenade laqat kejbil li jissuplixxi parti minn dawn id-dwal. Għaldaqstant, il-parti affetwata minn dan l-aċċident se tibqa` mitfija sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji.
Transport Malta — Traffic Impact Assessment fuq Kappara Junction
Question
ista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36952 u 36758 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha ambjentali u dawk ħolistiċi fuq traffic impact assessments li saru jew ġew ikkumissjonati minn Transport Malta qabel għamlet l-għażliet rakkmandati tagħha dwar l-iżviluppi proposti dwar Kappara Junction? Meta saru dawn l-istudji? Minn min saru, u meta ġew ikkummissjonati? Id-deċiżjonijiet ta' Transport Malta dwar din l-issue, fuq liema livell ittieħdu u jekk qabel sar dan kienx hemm konsultazzjoni ma Ministeri u entitajiet governattivi oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-istudji li saru rigward dan il-proġett huma aċċessibbli mill-website tal-Malta Environment and Planning Authority (MEPA) u dawn jinkludu diversi studji ambjentali hekk kif speċifikati mill-MEPA stess u studji ta’ Cost Benefit Analysis li jinkorporaw fihom traffic modelling tat-tip ta’ junctions proposti. Minbarra dawn l-istudji, ġew ikkummissjonati wkoll Health and Safety Plan, Geotechnical Investigation, Acoustic Studies li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra permezz ta’ CD. Ġie kkummissjonat ukoll studju dwar performance specifications ta’ strutturi iżda dan għadu mhux finalizzat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll, lista ta’ l-istudji li għadni kif irreferejt għalihom flimkien mad-dettalji dwar meta saru, minn min u meta ġew ikkummissjonati. Dwar kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u l-konsultazzjoni li saret, jien infurmat li kien hemm diversi diskussjonijiet dwar dan il-proġett fil-livelli tas-Senior Management ta’ Transport Malta tul l-andament tal-istudji u anke wara. Tul dawn id-diskussjonijiet saru konsultazzjonijiet ma’ diversi residenti tal-inħawi, rappreżentanti ta’ Kunsilli Lokali, il-MEPA, kumpaniji ta’ servizzi bħal GO, Melita, Enemalta, Water Services Corporation, Planning and Priorities Coordination Department, Superintendence of Cultural Heritage u l-MRRA. Minbarra hekk, saret ukoll konsultazzjoni pubblika li għaliha attendew diversi residenti tal-inħawi. F’din il-laqgħa kienu spjegati l-alternattivi li qed jiġu kkunsidrati mal-MEPA biex l-istess MEPA tieħu deċiżjoni dwar dan il-Proġett. Kien ġie diskuss illi ż-żewġ alternattivi huma proġetti tajbin li jtaffu il-konġestjoni fl-inħawi u waħda minnhom kellha potenzjal li timpatta inqas fuq il-flow tat-traffiku waqt il-kostruzzjoni. Bħalissa qed isiru wkoll preparamenti għal studji oħrajn biex ikompli l-proċess ħalli tinstab soluzzjoni li ttaffi l-konġestjoni f’din il-junction bl-inqas impatt fuq l-ambjent tal-madwar u biex ikunu kkunsidrati s-sottomissjonijiet li Transport Malta rċeviet bħalha parti mill-konsultazzjoni msemmija.
Skola Sekondarja Ħaż-Żebbuġ — settijiet tat-televiżjoni fil-klassijiet
Question
Tista' l-Ministru tikkonferma li fl-iskola sekondarja ta' Ħaż-Żebbuġ li qed tilqa' fiha studenti li kienu fl-iskola sekondarja tal-Marsa, hemmx settijiet tat-televiżjoni fil-klassijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ hemm erba’ klassijiet li għandhom LCD monitor 42 inch installat fihom. Fil-Games Room hemm installati tliet LCD 42 inch monitors oħra. Ta’ min jinnota li fi skejjel sekondarji oħra m’hemmx television f’kull klassi. Bl-introduzzjoni tal-Interactive Whiteboard f’kull klassi m’għadx baqa’ bżonn ta’ Television f’kull klassi.
Tista' l-Ministru tikkonferma li fl-iskola sekondarja ta' Ħaż-Żebbuġ li qed tilqa' fiha studenti li kienu fl-iskola sekondarja tal-Marsa, il-labs tal-Fiżika, it-toilets huma dojoq ħafna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-laboratorju tal-Fiżika hu ta’ daqs kbir, wiesgħa u għoli.
Riċentament sar tisbiħ fit-toilets. Wieħed jifhem u jixtieq li jkollu toilets aktar spazjużi, pero’ madankollu l-popolazzjoni preżenti tal-iskola tippermetti li dawn il-kmamar jintużaw b’mod komdu.
Din l-iskola ilha tintuża bħala skola sekondarja u t-toilets dejjem kienu l-istess daqs. Fl-iskejjel, bħal fid-djar, wieħed isib daqsijiet varji ta’ toilets.
Skola sekondarja tal-Marsa — studenti li ntbagħtu f'Ħaż-Żebbuġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru dwar l-iskola sekondarja tal-Marsa, li l-istudenti li kienu fiha ntbagħtu fl-iskola sekondarja ta' Ħaż-Żebbuġ? Tista' tgħid għaliex l-istudenti li kienu f'din l-iskola intbgħatu fl-iskola sekondarja ta' Ħaż-Żebbuġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudenti għandhom ambjent aħjar Ħaż-Żebbuġ biex ikomplu jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità.
Bħalissa l-Ministeru qed jistudja diversi proposti dwar l-użu tal-iskola tal-Marsa.
San Pawl il-Baħar u Mellieħa — Titjir ta' ajruplani
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ħadd 14 t'Ottubru għal ħabta tat-7:45 kien hemm tliet ajruplani jittajru f'altezza għoja waqt li jħallu trail ta' exhaust qawwija warajhom b'linja twila li jibqa' għal ħin twil fl-arja li dehru fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u Mellieħa kif ukoll kien hemm episodju ieħor fl-10:00am u fil-11:30am? Jista' jagħti idenfikazzjoni ta' dawn l-ajruplani u ta' liema għamla huma li qed jittajru fl-ispazju tal-arja ta' Malta u jekk dan it-trail tal-exhaust huwiex ta' detriment għat-tniġġis tal-arja u jekk hux qed isir xi moniteraġġ tagħhom mill-avjazzjoni ċivili?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ajruplani li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu ajruplani tal-passiġġieri li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru ta' Malta u l-linja li jħallu warajhom hija riżultat tad-differenza fit-temperatura meta l-gassijiet mill-makni tal-ajruplani joħorġu fl-atmosfera kiesħa u jifforma linja li jidher qisu sħab. Dan huwa magħmul minn ilma u mhuwiex ta' detriment għat-tniggiż tal-arja.
San Pawl il-Baħar u Mellieħa — Titjir ta' ajruplani
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ħadd 14 t'Ottubru għal ħabta tat-8:45 kien hemm tliet ajruplani jittajru f'altezza għoja waqt li jħallu trail ta' exhaust qawwija warajhom b'linja twila li jibqa' għal ħin twil fl-arja li dehru fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u Mellieħa kif ukoll kien hemm episodju ieħor fl-10:00am u fil-11:30am? Jista' jagħti idenfikazzjoni ta' dawn l-ajruplani u ta' liema għamla huma li qed jittajru fl-ispazju tal-arja ta' Malta u jekk dan it-trail tal-exhaust huwiex ta' detriment għat-tniġġis tal-arja u jekk hux qed isir xi moniteraġġ tagħhom mill-avjazzjoni ċivili?
Response (MARCO, MARIO DE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Rigward l-emissjonijiet mill-ajruplani, meta jkunu fil-għoli ħafna, għandhom effett minimu fuq il-kwalita' tal-arja li tiġi mkejjla fl-aktar parti baxxa tal-atmosfera.
Jista' l-Ministru jara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jagħti dettalji (breakdown) tal-investiment fin-National Accounts għas-snin 2008 - 2012 fejn jiddistingwi kemm minnu hu investiment tal-gvern u mill-gvern u kemm minnu hu investiment mill-privat u tal-privat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li f’dawn l-aħħar sitt xhur saru xogħolijiet relatati ma’ aċċess aħjar għall-persuni b’diżabilità f’dawn id-dipartimenti:
L-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech: fetaħ is-sala RW1 bi kmamar u faċilitajiet li huma aċċessibli faċilment minn persuni b’diżabilita fiżika.
Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’: f’dawn l-aħħar sitt xhur saret rampa fin-Night Shelter ġewwa r-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule biex ikun aċċessibbli għal persuni b’diżabilita’.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm xi xogħolijiet li saru biex jiġu indirizzati l-problemi ta' aċċessibbiltà fid-Dipartimenti u uffiċini fosthom fir-Reġistru tal-Artijiet fejn saru poġġamani ġodda bil-ħsieb li jgħinu partikolarment nies anzjani kif ukoll ċertu kategoriji ta’ persuni b’diżabilità fiżika. F’każijiet oħra fejn persuni b’diżabilità ma jkunux jistgħu jitilgħu t-taraġ isiru arranġamenti prattiċi biex xorta jingħata s-servizz. L-Uffiċċju tal–Passaporti qiegħed f’taħditiet mal-Kummmissjoni Nazzjonali għal Persuna b’Diżabilità (KNPD) u mal-entitajiet l-oħra li jużaw l-istess bini, li jinkludu r-Reġistru Pubbliku u l-Uffiċċju għall-Immaniġjar tal-Identità, sabiex jinsabu mezzi ħalli tingħeleb il-problema tal-aċċessibbiltà b’mod effettiv. Fil-fatt diġa' tqabbad perit u ġew imfassla xi pjanti f’dan is-sens. Sakemm din il-kwistjoni tiġi solvuta b’mod definit, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jagħmel dak kollu li jista' sabiex persuni li jużaw siġġu bir-roti jew li ma jistgħux jitilgħu taraġ jinqdew xorta waħda. Fil-fatt dan l-aħħar ġie installat apparat f’uffiċċju fil-pjan t’isfel sabiex persuna b'diżabilità ma jkollhiex għalfejn titla’ l-Evans Building fis-sular ta’ fuq biex tagħmel il-passaport. Wieħed jista wkoll jordna ċertifikati mir-Reġistru Pubbliku permezz tas-sit www.ċertifikati.gov.mt.
Infurmat ukoll illi l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kif ukoll diversi Għasses tal-Pulizija huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità u li fil-preżent għaddejjin taħdidiet bejn il-Pulizija u l-Kummissjoni Nazzjoni Persuni b’Diżabilità, bl-iskop li jitjiebu dawn il-faċilitajiet.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettaq xogħol biex tinbena rampa fit-Taqsima Marittima li tinsab il-Marsa li din saret skont linji gwida li ħarġu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.
Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
- Dipartiment Standards fil-Harsien Socjali: f’dawn l-ahhar 6 xhur ma sarux xoghlijiet peress li d-Dipartiment kien diga’ attrezzat sabiex ikun milhuq minn persuni b’dizabilta’ kemm fizika kif ukoll minn dawk li ghandhom nuqqas ta smigh u dawl
- Sigurta’ Socjali: il-binjiet tal-Access gewwa l-Qawra, l-Kottonera u l-Msida saru xoghlijiet sabiex tkun accessibli minn persuni b’dizabilta’, kif ukoll fil-kmamar tal-banju rispettivi. Saru xoghlijiet ukoll fl-ufficju distretwali tal-Hamrun u ser johrog tender ghal-lift. Vicinn kull ufficju distretwali hemm ukoll reserved parking ghal persuni b’dizabilta’
- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilta’: ma kienx hemm il-bzonn li jsir xoghol ta’ din in-natura ghaliex huma accessibli. Barra minnhekk, gie installat il-Maltese Speech Engine zviluppata mill-FITA fuq il-computers ta’ staff li ghandhom nuqqas ta dawl u li juzaw screenreader sabiex juzaw il-computer.
- Qrati tal-Gustizzja: fl-ufficju tal-membri tal-Gudikatura u fir-raba’ sular tal-Qorti sar Accessibility Audit mill-KNPD
- MEUSAC: f’dawn l-ahhar sitt xhur ma sarux xoghlijiet pero’ l-ufficju hu accessibli permezz ta’ rampa li saret fuq barra
- Awtorita’ tad-Djar: l-Awtorita’ diga’ hi accessibli
- Dipartiment ghar-Relazzjonijiet Industrijali: saret rampa biex il-bini ikun aktar accessibli
- Kummissjoni Nazzjonali ghal Promozzjoni tal-Ugwaljanza: ma saru l-ebda xoghlijiet f’dawn l-ahhar sitt xhur pero’ l-bini hu accessibli
- Kummissarju ghall-Ghaqdiet Volontarji: ma saru l-ebda xoghlijiet f’dawn l-ahhar sitt xhur pero’ l-post hu accessibli permezz ta’ rampa li tinsab fl-entratura tal-bini
- Kummissarju ghat-Tfal: ma saru l-ebda xoghlijiet f’dawn l-ahhar sitt xhur ghaliex il-bini hu accessibli u anki ghandu kmamar tal-banju accessibli
- MCESD: ma saru l-ebda xoghlijiet f’dawn l-ahhar sitt xhur pero’ l-bini hu accessibli permezz ta’ rampa li tinsab fl-entratura tal-bini
- Fondazzjoni ghas-Servizzi tal-Harsien Socjali: saru rampi u kmamar tal-banju accessibli minn persuni b’dizabilta’ fizika gewwa l-fondazzjoni, qed tigi rrangata l-binja residenzjali gewwa Birzebbugia billi qed jitwessaw il-bibien u giet installata kmamar tal-banju accessibli, gewwa l-Mtarfa Day Centre trangaw il-kmamar tal-banju u trangat rampa fl-entratura tac-Centru ta’ Fleur de Lys.
Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (MARCO, MARIO DE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar sitt xhur l-Awtorità dwar il-Medicini fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta Negozji Żghar u l-Konsumatur saħħet is-sistema tas-sound li għandha fil-board room għall-beneficcju tal-impjegati li għandhom nuqqas ta' smigħ.
Ministeru għal Għawdex — aċċessibilità fl-uffiċini
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtha biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36786 u jgħid x'inhi r-raġuni għala l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet skont l-iskema li għadha kif inħarġet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal binjiet mhux konformi mal-liġijiet tas-sanità mhux qegħdin isiru mill-uffiċjali tas-sanità iżda minn persuni li ftit għandhom esperjenza fit-tħaddin tar-regolamenti sanitarji?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema li ħarġet tikkonsisti minn konċessjonijiet minn miżuri ta' infurzar. Din hi l-ewwel darba li ġiet imniedija din it-tip ta' skema li hi regolata permezz ta' Artikoli 91 u 92 u Kategorija B tat-Tmin Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Miżura iktar limitata li ilha fis-seħħ numru twil ta' snin, dik li qabel kienet irregolata minn Artikolu 55B tal-Att dwar l-Iżvilupp tal-Ippjanar u li llum ġiet inkorporata f'Kategorija A tat-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, fil-fatt dejjem kienet amministrata mis-Sezzjoni tal-Infurzar.
L-Artikoli hawn fuq imsemmija huma inkorporati f'Parti VI.2 tal-Att, jiġifieri 'Enforcement of Control' li tirrigwarda responsabbilitajiet tad-Direttorat tal-Infurzar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset capital gain tax fuq trasferiment ta' proprjetà mill-1 ta' Jannar 2011 sal-lum kull xahar separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-capital gain tax fuq trasferiment ta’ proprjetà mill-1 ta’ Jannar 2011 sa Settembru 2012 huma kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala lift li ġie stallat bejn Block 4 u 5 f'Għerixien Housing Estate fir-Rabat sal-lum mhux qiegħed jitħaddem u dan meta ilu xhur li ġie stallat?
Response (SAID, CHRIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 32595. Iċ-ċirkustanzi sallum ma nbidlux u r-reżidenti għadhom qed jonqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom li joħorġu mill-kuntratt ta’ bejgħ. U dan minkejja li l-Awtorità tad-Djar onorat il-parti tagħha u nefqet €47,711 biex isir dan il-lift.
Il-lift ma jistax jinxtegħel mill-installatur sakemm jiġi appuntat persuna responsabbli hekk kif titlob il-Liġi.
Tista' l-Ministru tara li t-tifel ta' ħames snin li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jiġi trasferit mill-iskola primarja ta' Tal-Pietà għal dik tar-Rabat peress li ommu dejjem tkun ir-Rabat fejn toqgħod ma' missierha sabiex tieħu ħsiebu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Din l-applikazzjoni għadha pendenti sakemm tkun ikkonfermata ċerta informazzjoni mogħtija dwar il-post tar-residenza tal-omm u l-istudent.
Sptar Mater Dei — Underground Car Park - kuntratt għall-immaniġjar tal-car park
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-underground car park tal-Isptar Mater Dei biex jinbena u jitlesta? Liema hi l-kumpanija li ngħatat il-kuntratt għall-immaniġjar ta' dan il-car park? Kemm qiegħda titħallas din il-kumpanija lill-gvern kull sena għal dan il-car park?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ispiża tal-Isptar Mater Dei kienet waħda stabbilita bħala somma fissa għall-isptar kollhu, għalhekk l-informazzjoni li qed jistaqsi m’hijiex possibli li tingħatalu. Il-kumpanija li ngħatat il-kuntratt għall-immaniġjar ta' dan il-car park hija Parksec Ltd. Din il-kumpanija qegħdha titħallas €118,192.40c fis-sena.