Jista' l-Ministru jgħid x’qed tistenna l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tieħu azzjoni diretta dwar il-kaz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn sid ta’ trakkijiet industrijali ilu ħames snin jikser il-liġi u jħarbat il-ħajja tar-residenti tat-toroq li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fin-Naxxar? Għaliex ma ħaditx passi f’dawn il-ħames snin u meta se tieħu dawn il-passi?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bini indikat huwa żvilupp fil-konfini għall-iżvilupp u li sar qabel l-1 ta' Jannar, 1993 eżattament bil-forza tal-permess PB 2892/89 maħruġ f' Novembru tal-1989. Għaldaqstant il-persuna li ġiet notifikata bl-Avviż tat-Twettiq ECF 266/07 li jgħid "Għandek żvilupp li jikkonsisti f'garaxx għoli aktar minn kif approvat fil-permess PB 2892/89 datat 03/11/1989 kif ukoll alterazzjonijiet oħra fuq il-faċċata mhux skond il-pjanta approvata PB 2892/89/1C" għandha kull dritt issostni li dak l-Avviż ma jkunx esegwit skont it-Tmien Skeda Kategorija A tal-Art 91(1). Il-pjanti approvati jindikaw żvilupp ta' residenza u garaxx għall-karozzi privati.
Pero investigazzjonijiet sussegwenti li saru xi ġimgħat ilu urew li l-persuna konċernata, x-xogħol tiegħu huwa burdnar. Apparti l-karozza privata qed jipparkja wkoll żewġ vetturi li jġorru il-ġebel. L-Awtorita` ser tara li dawn iż-żewġ trakkijiet ma jibqgħux ikunu ipparkjati f'dan il-garaxx.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jgħid għalfejn:
a) f'kull każ, dawn il-konsulenti kollha ġew appuntati b'
direct order
; u
b) ma ġewx applikati l-provediment tar-regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi skont l-Att dwar l-Amministrazzjoni Finanzjarja u l-Verifika?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li d-direct orders jirreferu għal konsulenza, riċerka u / jew żvilupp ta' mudelli u liġijiet finanzjarji, strutturi regolatorji internazzjonali, sistemi fiskali u regoli ta' kondotta fin-negozju finanzjarju. Dan ix-xogħol ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni jagħmilha possibli għal Malta biex tikkonfronta b’suċċess lill-kompetituri tagħha fil-kamp finanzjarju. B’din ir-riċerka u dan l-iżvilupp, stajna nirrispondu aħjar u aktar malajr għad-domanda ta' attivita’ finanzjarja u dan minkejja l-isfidi ekonomiċi u istituzzjonali li d-dinja tinsab fihom illum. Dan huwa qasam ta' sensitivita’ kummerċjali kbira għal Malta li ma jippermettix sejħiet pubbliċi u l-MFSA tapplika r-regolament 17 (1) (k) tar-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubblici sabiex tipproteġi din il-kunfidenzjalita’ u l-interessi kompetitivi tagħna.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hu kienx jaf u approva din il-prassi tul dawn is-snin kollha li kull wieħed minn dawn il-konsulenti jiġu appuntati b'direct order? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din l-ittra ta' approvazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li r-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma japplikawx għal għoti ta’ servizzi jew konsulenza fuq riċerka, żvilupp u innovazzjoni, l-Awtorita’ għas-servizzi Finanzjarji tinforma lill-Ministeru tal-Finanzi b’kuntratti ta’ din in-natura.
Servizzi ta' konsulenti provduti lill-MFSA — għażla tal-konsulenti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jgħid:
a) meta dawn il-konsulenti ġew magħżula b'
direct order
, xi proċess ġie applikat biex ġew
assessed
, magħżula u appuntati; u
b) kif ġie aċċertat li l-konsulenti magħżula kienu l-aħjar possibli kemm fil-kompetenza kif ukoll fil-kwalifiki u li l-fees mħallsa lilhom kien l-aħjar valur għal flus possibli?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li esperti ta’ fama fil-qasam ta’ suq finanzjarju regulat ma jiġux magħżulin fuq konsiderazzjoni ta’ prezz biss, iżda jingħata piż kbir lejn il-qasam speċjalizzat tagħhom, il-fiduċja li jgawdu u r-riżultati li jistgħu jġibu għal Malta. Dawn huma l-konsiderazzjonijiet prinċipali li jigwidaw lill-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA fl-għażla tagħha.
Rata tal-Fees fissa għas-servizzi ta' konsulenti provduti lill-MFSA
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jgħid meta ma ġietx iffissata r-rata tal-fees fis-siegħa, fuq liema bażi ġew ikkalkulati u mħallsa l-fees lil kull konsulent?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li il-konsulenti fil-lista provduta fir-risposta għal mistoqsija parlamentari numru 36897
kienu ingaġġati jew fuq bażi ta’
service contract,
fejn jitħallsu ammont fiss fis-sena għal
xogħol ta’ konsulenza kontinwa skond il-bżonn, jew fuq bażi ta’ ammont miftiehem
minn qabel għal proġett ta’ xogħol definit, jew fil-każ ta’ konsulent wieħed, fuq pagament
fis-siegħa ta’ rata ta’ fees li tkun miftiehma minn qabel u li tvarja skond il-grad
tal-Konsulent (jiġifieri per eżempju jekk ikun
partner
b’rata mod u
junior
b’rata differenti).
F’kull każ partikulari, meta jkun qed jiġu negozjati l
-fees,
tittieħed konsiderazzjoni tal-
proġett innifsu u t-tip ta’ xogħol li jkun qed jiġi kkuntrattjat.
Servizzi ta' konsulenti provdutio lill-MFSA — kuntratti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti rispettivi ta' kull konsulent indikat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ippubblikar tal-kuntratti ikun ta’ ħsara ghall-kompetitivita tagħna, peress li kif ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 37450, il-konsulenzi, ir-riċerka u l-iżvilupp fil-kamp finanzjarju huwa ta' sensitivita’ kummerċjali kbira għal Malta. Ħafna minn dawn il-kuntratti ġew innegozzjati fuq livell għoli ta’ kunfidenzjalita’ - hekk li l-ippubblikar ta' dawn il-kuntratti jippreġudika il-kompetitivita’ ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni finanzjara meta kkomparata ma' ġurisdizzjonijiet oħra. Barra minn hekk ikun hemm riskju fejn dawn il-konsulenti, li huma pjuttost uniċi fil-qasam tagħhom, ma jibqgħux jagħtu konsulenzi lill-MFSA jekk il-kuntratt li sar magħhom b’mod kunfidenzjali jiġi espost fil-kamp pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-biċċerija prinċipali hijiex akkreditata u ċertifikata u allura tikkwalifika bl-istandards rikjesti mill-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant li l-biċċerija prinċipali hija akkreditata u ċertifikata skont l-istandards rikjesti mill-Unjoni Ewropea, nistiednu jirreferi għas-sit elettroniku http://vafd.gov.mt/list-of-approved-establishments fejn l-istabbiliment imsemmi jidher fil-lista tal-istabbilimenti approvati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqerdu palm matul l-ewwel xhur tas-sena 2011 minħabba l-bumunqar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 28096 li kienet saret mill-istess Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fid-Dipartiment tas-Saħħa matul is-snin 2010 u 2011? Mil-liema grad għal-liema grad u kemm fadal vaganzi vojta li għad iridu jimtlew?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fl-2010 kien hemm 125 promozzjoni, kollha fi gradi tekniċi, u li fl-2010 kien hemm 73 promozzjonijiet f’diversi gradi.
Vaganzi vojta oħra jimtlew skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fid-dipatimenti tiegħu matul is-snin 2010 u 2011? Mil-liema grad għal-liema grad u kemm fadal vaganzi vojta li għad iridu jimtlew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2010 ingħataw 127 promozzjonijiet u fis-sena 2011 ingħataw 75 promozzjonijiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument b’aktar informazzjoni.
In-numru ta’ vaganzi pendenti ma tistax tingħata minħabba li vaganzi jinħolqu l-ħin kollu meta ħaddiema jieħdu promozzjoni jew jirriżenjaw mis-Servizz Pubbliku dawn joħolqu l-possibilità ta’ promozzjonijiet fil-gradi ta’ taħt.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-gradwati tal-podjatrija li għamlu interviews f'Ġunju 2012 u ġew ikklassifikati skont lista li ħarġet l-Public Service Commission lejn l-aħħar ta' Ġunju u li issa wara li ħarġu r-riżultati tal-finals għad-degree, l-istess Public Service Commission ħarġet il-lista bl-istess marki iżda l-kandidati qed jidhru fuq żewġ listi, jiġifieri lista A - candidates who, by the beginning of August 2012, have satisfied all the requireiments for being appointed, u lista B - Candidates who despite being eligible may only be appointed at a later stage? Dan ifisser li dawk fuq lista B muhx se jkunu impjegati? Jekk iva, se jitħallew fuq il-waiting list? Jekk iva, għalkemm żmien? Kemm għandu podiatrists nieqsa fis-settur tas-saħħa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ingaġġ ta’ podjatri mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jsir skont kif approvat mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Public Administration HR Office, skont l-esiġenzi tas-servizz.
Il-kandidati fuq Lista B jiġu maħtura ladarba tkun eżawrita l-lista ta’ kandidati taħt Lista A, sakemm ikun hemm vakanzi approvati. Ir-riżultat ikun validu sa sena wara li jiġi ppubblikat.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37164 hijiex korretta għaliex skont il-website tal-Awtorità tal-Mediċini (li minn Frar, issa ġiet updated f'salt għall-19 t'Ottubru), jirriżulta li hemm biss sitt liċenzji għal spiżeriji ġodda li qed jiġu pproċessati? Jista' jikkonferma jekk hemm applikazzjonijiet pendenti għal spiżeriji tan-nies fil-Fgura, l-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u ż-Żurrieq? Skont l-aħħar statistika tal-popolazzjoni pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta' Ġunju 2012, u skont l-Avviż Legali 279/2007, f'dawn il-lokalitajiet jistgħu jiġu proċessati aktar liċenzji?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-Extra Budgetry Units inkluż magħhom korporazzjonijiet u entitajiet governattivi kollha? Jista' jagħti dettalji dwar kemm irċevew fondi mingħand il-gvern f'forma ta' sussidju u/jew transfers oħra sena b'sena bejn 2004 u 2012? Jista' jagħti lista sena b'sena minn min dawn EBUs kollha li kkontribwew flus lill-gvern mir-revenue tagħhom sena b'sena bejn 2005 u 2012 cioè ma ħadux sussidju imma ikkontribwew lill-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
studenti li spiċċaw l-iskola minagħjr ħiliet akkademiċi
Question
Fid-dawl tal-istatititika uffiċjali li madwar 365 tal-istudenti fl-iskejjel tal-gvern jispiċċaw mingħajr ħiliet akkademiċi u/jew vokazzjonali, tista' l-Ministru tgħid fid-dawl tal-introduzzjoni ta' kulleġġi fil-livel sekondarju u riformi oħra fl-edukazzjoni kif din ir-realtà se tiġi magħluba x'inhuma l-miri tal-Ministeru f'dan ir-rigward għas-snin 2012 u 2018? Rigward ir-riforma u l-implimenatzjoni tal-kulleġġi fil-livel sekondarju, tista' tikkonferma jekk qabel l-introduzzjoni tagħha hija kelliex l-appoġġ tal-għalliema għal din ir-riforma? Qed issir xi forma ta' audit dwar ir-riżultati li qed jintlaħqu u x'inhi l-opinjoni tal-għalliema u dan peress li l-għalliema li niltaqa' magħhom b’vuċi waħda gergru kontra s-sistema introdotta u kontra l-implimentazjoni tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37102 u jagħti dettalji lil dan il-Parlament dwar x'inhija l-funzjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, f'Kastilja u min huma n-nies u l-karigi tagħhom li għandu u li qed joperaw taħtu u x'inhuwa l-kuntratt li ngħataw? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-salarju annwali kemm tal-individwu indikat nnifsu u kemm tan-nies li hemm jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36744.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37063, jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-barranin impjegati fil-qasam tas-saħħa fil-grad rispettiv kif ġie mitlub oriġinarjament, kif ukoll f'liema sena dawn ġew ingaġġati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xi studju għamlet biex Transport Malta waslet għal konklużjoni li mhemmx bżonn aktar garaxxijiet tal-VRT f'Malta u Għawdex? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju, jekk sar, li jispjega r-raġunijiet wara din il-konklużjoni? Jista' jikkwota dik il-parti tal-liġi li tillimita in-numru ta' garaxxijiet tal-VRT għal erbgħin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi kien sar studju biex jiġi ddeterminat in-numru ta' test lanes li huma meħtieġa biex ikunu eżaminati vetturi f’Malta u f’Għawdex, u dan kien tħejja minn konsulent barrani f’Lulju tas-sena 1996, liema konsulent kien imqabbad mid-Dipartiment tal-Liċenzji u l-Ittestjar fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Portijiet ta’ dak iż-żmien.
Dan l-istudju, li kien intitolat “Vehicle roadworthiness testing in Malta”, kien irrakkomanda illi jekk it-
test lanes
ikunu qed joperaw b’kapacità medja, in-numru ta’ dawn it-
test lanes
kellu jkun limitat għal 20. Jidher illi din ir-rakkomandazzjoni kienet intlaqgħet mill-Ministru responsabbli ta’ dak iż-żmien (l-Onorevoli Joe Debono Grech), tant illi fi stqarrija għall-istampa li ħarġet fit-3 ta’ Settembru 1997, li fiha ġiet ippreżentata l-White Paper bl-isem “White Paper li Tipproponi l-Introduzzjoni ta’ Eżami ta’ Vetturi għat-Triq (VRT)”, l-ex Ministru Debono Grech stqarr illi abbażi tad-daqs ta’ Malta, huwa stmat illi jkunu meħtieġa 20
test lane
.
Minkejja dan, bejn is-sena 1999 (meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti għall-ewwel darba) u s-sena 2003, l-Awtorità ta’ dak iż-żmien ħarġet total ta’ 40 awtorizzazzjoni, u sal-lum in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet baqa’ dak ta’ 40. Minn dak iż-żmien li sar dan l-istudju 'l hawn, l-Awtorità ma' kkummissjonat ebda studju ieħor dwar in-numru ta’
test lanes
jew in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li għandhom jinħarġu. Biss jekk wieħed juża l-istess analiżi li saret fl-istudju tal-1996 u jestrapola il-kalkoli li saru fl-istess studju għaż-żmien tal-lum, jirriżulta illi biex l-istazzjonijiet ikunu qed joperaw b’kapacità medja, hemm bżonn ta’ mhux aktar minn 40
test lane
.
Ninsab infurmat ukoll illi fir-Regolamenti dwar Testijiet biex Jiċċertifikaw li Vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq (L.S. 65.15), m’hemm l-ebda provediment li jillimita n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li għandhom jinħarġu. Fil-fatt, Transport Malta, flimkien mal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, qiegħdha fil-proċess li tressaq notifika u proposta għall-emenda fir-Regolamenti msemmija lill-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li dan in-numru jibqa’ limitat għal 40. Din in-notifika qed issir skont il-provedimenti tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, u speċifikament skont Artiklu 15 tal-istess Direttiva.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti elenkati hawn taħt:
1. Kopja tal-istudju intitolat “Vehicle roadworthiness testing in Malta”, li tħejja f’Lulju tal-1996;
2. Kopja tal-Istqarrija għall-Istampa intitolata “White Paper on Vehicle Roadworthiness Testing Presented”, maħruġa fit-3 ta’ Settembru 1997; u
3. Kopja tal-White Paper intitolata “White Paper li Tipproponi l-Introduzzjoni ta’ E¿ami ta’ Vetturi għat-Triq (VRT)”, datata Settembru 1997.
Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — rendikont ta' infiq mill-vot
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-vot allokat għall-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur mis-sena 2008 'l hawn, sena b'sena, u jagħti rendikont ta' kif intnefaq dan il-vot għas-snin imsemmija, sena b'sena?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.