Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36918 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32818, jista' l-Ministru jgħid jekk dan iffisirx li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità politika tal-Ministru ma jżommu l-ebda kontroll fuq l-impjegati u dawk li jingħataw xi xogħol xi jwettqu? Jekk fin-negattiv, l-mistoqsija oriġinali tkun tista' tiġi mwieġba?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37579.
Tista' l-Ministru tgħid x'se jiġri miż-żgħażagħ li applikaw u ġew aċċettati u bdew l-ewwel sena fil-kors MCAST Diploma in Masonry Heritage Skills Mastru Level 4, ġewwa l-MCAST tan-Naxxar fejn il-kors huwa tliet ijiem skola u jumejn apprentistat u dawn iż-żgħażagħ għadhom bla sponsor? Kif se titħaddem is-sistema tal-apprentistat tagħhom wara li ntbagħtu jsibu sponsor u ilhom xahar ifittxu għalxejn għax hawn nuqqas ta' xogħol fil-qasam u l-kuntratturi mhux iħaddmu jew idaħħlu apprentisti magħhom? Meta fis-snin ta' qabel kienu joffrulhom apprentistat bħala sponsor il-Heritage Malta jew it-Taqsima Tar-Restawr tal-Gvern għaliex mhux qed jiġri l-istess din is-sena? X'tip ta' kors se jkollhom dawn l-istudenti u x'taħriġ prattiku u esperjenza tax-xogħol se jingħataw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-MCAST joffri żewġ programmi ta’ taħriġ fuq restawr tal-ġebla, mfassla fuq sistema ta’ apprentistat. Dawn iż-żewġ programmi ta’ taħriġ jiġu offruti fuq żewġ livelli: Diploma in Masonry Heritage Skills (Sewwej) Level 3 u Diploma in Masonry Heritage Skills (Mastru) Level 4. Biex wieħed jidħol fl-apprentistat, l-ewwel irid ikun ġie aċċettat bħala student mill-MCAST imbagħad wara japplika mal- Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) għall-apprentistat. B’kollox din is-sena applikaw 24 apprentist. 11 minn dawn l-apprentisti diġa’ qiegħdin impjegati ma’ Heritage Malta u t-Taqsima tar-Restawr tal-Gvern li bejniethom jimpjegaw total ta` 26 apprentist fil-qasam tar-restawr tal-ġebla. L-ETC qiegħda f`kuntatt kontinwu mal-Heritage Malta, it-Taqsima tar-Restawr tal-Gvern kif ukoll ma’ kuntratturi privati sabiex tassisti lil min għad m`għandux sponsor.
Sadanittant, sakemm jinstab ‘sponsor’, l-istudenti involuti se jkunu qed jingħataw taħriġ prattiku żejjed mill-Istitut tal-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni tal-MCAST stess.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn skejjel li għadhom mhumiex aċċessibbli għal tfal li jużaw wheelchair? Kemm hawn skejjel li ma għandhomx lifts stallati u allura qegħdin iġibu ċertu ristrizzjonijiet għal min jagħmel użu minn dan is-siġġu tar-roti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
dipartimenti mhux aċċessibbli għal persuni bil-wheelchair
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn dipartimenti tal-gvern li għad mhumiex aċċessibbli għall-persuni bil-wheelchair? Kemm hawn dipartimenti tal-gvern li jagħtu servizz liċ-ċittadini li għad ma għandhomx lift għall-użu tal-persuni li jagħmlu użu mill-wheelchair?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hemm tmien Direttorati li għandhom xi uffiċini li jaqgħu taħthom li m’humiex aċċessibbli għal persuni bil-wheelchair.
Minn dawn id-Direttorati msemmija hemm tnejn li jagħtu xi tip ta’ servizz lill-pubbliku. Ta’ min jinnota li dawn id-Direttorati jinsabu fl-istess binja u l-Gvern approva l-bini ta’ lift għall-aċċess tagħhom. Hemm ukoll żewġ Dipartimenti oħra, li l-uffiċini tagħhom, li qed joffru xi servizz lill-pubbliku jinsabu fis-sular ta’ isfel u għal daqstant huma aċċessibbli mingħajr il-bżonn ta’ lift.
Rigward Ministeri oħrajn nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-djar privati tal-anzjani għandhomx restrizzjonijiet ta' kemm jistgħu jieħdu anzjani ġewwa fihom? Jista' jgħid jekk dan in-numru huwiex marbut ma' kemm-il anzjan jista' jitpoġġa f'kull kamra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li id-djar privati tal-anzjani għandhom restrizzjoni ta' kemm jistgħu jieħdu anzjani ġewwa fihom. Dan in-numru jigi stabbilit wara spezzjonijiet u tingħata liċenzja għan- numru ta’ soddod konsistenti mal-faċilitajiet, apparat u staff li huma disponibbli biex jiġi assigurat l-għoti ta’ kura adegwata. In-numru ta’soddod f’kull kamra, jiġi evalwat waqt l-ispezzjoni biex jiġi żgurat li id-daqs tal-kamra jiflaħ in-numru ta’ sodod li jkun hemm fiha u jkun hemm spazju biżżejjed biex jiġu moqdija il-bżonnijiet tal-anzjaniu residenti fl-istess kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kull dar tal-anzjani għandha l-permess li tieħu anzjani? Jista' jgħid kemm hemm f'kull dar preżentament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat hekk:
DAR
Permess għal Sodod
Anzjani Preżenti Illum
Bormla
130
130
Floriana
46
46
Gżira
31
11*
Mellieħa
154
154
Mosta
68
68
Msida
64
64
Mtarfa
123
123
Żejtun
167
167
Żammit Clapp Hospital RH
96
96
TOTAL
879
859
* Minħabba d-deċiżjoni li ttieħdet li d-Dar tal-Anzjani tal-Gżira se tingħalaq mhumiex qed jiġu ammessi residenti f’din id-dar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm djar tal-anzjani li għandhom il-kapaċità li jieħdu anzjani ġewwa fihom imma l-gvern għadu mhux qed jagħmel użu mis-servizzi ta' dawn id-djar anki meta dawn id-djar urew ix-xewqa li jridu jagħtu dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li minn żmien għal żmien id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ joħroġ sejħa għall-operaturi fil-privat li huma nteressati li jissuplixxu sodod għal kura fit-tul. Dawn is-sottomissjonijiet jiġu evalwati skont il-livell ta’ servizzi li joffru u l-bżonnijiet tad-Dipartiment.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tad-dħul kollu mill-Open Weekend tal-Agribusiness Institute, MCAST ta’ matul is-sena 2012 ? Tista' tagħti dettalji tal-attivitajiet individwali tal-Open Weekend minn fejn inġabru l-flus u kemm inġabru minn kull attività? Tikkonferma jekk inżammx parti mid-dħul tal-Open Weekend imsemmi u jekk l-MCAST ġabarx l-irċevuti kollha ta’ din l-attività? Min żammhom dawn il-flus u x'passi ttieħdu kontra l-persuna li żammet dawn il-flus għandha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dħul kollu mill-edizzjoni tal-2012 tal-‘Open Weekend’ tal-Istitut tal-Agrikummerċ kien ta’ €3,325.10. L-attivitajiet fejn sar bejgħ waqt din l-attivita’ kienu: ikel u xorb, luminata u deżerta, ħaxix frisk, qsari, arranġamenti ta’ fjuri, bejgħ ta’ tiġieġ, flieles, bajd, fniek, għasel, inbid u ġammijiet. Ma setax isir rendikont separat għal kull attivita’ għaliex il-ħlasijiet saru minn ‘cash points’ komuni. Il-maġġoranza tad-dħul u l-irċevuti minn din l-attivita’ ngħataw lill-MCAST fil-bidu ta’ Ġunju 2012, waqt li parti oħra ngħatat f’Ottubru 2012. Sar stħarriġ intern biex isir magħruf x’wassal għal dan id-dewmien u r-rapport ta’ dan l-istħarriġ wasal għand il-Prinċipal fl-aħħar t’Ottubru.
MITA — Chairman - Contract of Service u Letter of Appointment
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37273 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Contract of Service u l-Letter of Appointment taċ-Chairman preżenti tal-Aġenzija MITA?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċhairman tal-MITA m'għandux contract of service bħala Ċhairman tal-MITA.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuta tal-Cabinet relattiva taċ-Ċhairman preżenti tal-MITA.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37136 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta (inkluż section) kif ukoll tal-permessi tal-ġibjun ġdid li qiegħed jinbena fil-foss tal-Imdina fejn qabel kien hemm it-tennis courts?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif mitlub qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-ġibjun (inkluz section) li qed jinbena fejn qabel kien hemm it-tennis courts fil-Foss tal-Imdina. Ninfurmah ukoll li qiegħda ukoll tigi annessa il-layout plan kif approvata mill-MEPA permezz ta’ Minor Amendment tal-PA5306-09.
Ċentru Interattiv tax-Xjenza — spiża fuq ix-xogħlijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ic-Ċentru Interattiv tax-Xjenza u x’kienet l-ispiża minfuqa biex sar dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li x-xogħol imwettaq sa llum fuq iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza huwa:
· Twaqqaf is-‘Science Popularisation Unit’ fi ħdan l-MCST biex jiġi żviluppat il-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali għax-Xjenza Interattiva
· Saret riċerka għall-iżvilupp tal-kontenut taċ-Ċentru li tinkludi, l-esebizzjonijiet, xows tax-xjenza u ‘workshops’
· Saru diversi studju dwar kif għandu jitmexxa ċ-Ċentru mil-qasam operattiv kif ukoll kif għandhom jiġu iddisenjati l-esebizzjonijiet interattivi u l-attivitajiet diversi taċ-Ċentru;
· Sar ‘Cost Benefit Analysis’ iddettaljat kif ukoll ‘Business Plan’ biex iċ-ċentru ikun kompletament autosostenibbli. Sar ukoll ‘Traffic Impact Statement’.
· Ħareġ u intrebaħ it-Tender u ġie iffirmat il-kuntratt għas-servizzi tax-xogħolijiet ta’ l-arkitettura, inkluż id-disinn, s-superviżjoni u l-immaniġjar tax-xogħolijiet taċ-Ċentru (CT3098/2010)
· Tħejjew konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fuq il-kontenut taċ-ċentru
· Ġew sottomessi l-pjanti ta’ l-arkitettura lill-MEPA u fl- 4 ta’ Ottubru 2012 ingħata il- ‘Full Development Permit’ għar-restawr u kostruzzjoni taċ-Ċentru
· Wasal biex johrog it-Tender ghax-xogholijiet, restawr, kostruzzjoni, servizzi u ‘finishing’ tac-Centru
· Waslu biex joħorġu wkoll sitt tenders oħra għad-disinn, fabrikazzjoni u installazzjoni ta’ l-esebizzjonijiet interattivi kif ukoll tender għad-disinn, ‘supply’ u installazzjoni ta’ ‘Planetarium’
· F’Settembru 2012 ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-Fondi ta’ l-Ewropa
L-ispiża “cash” minfuqa sal 31 ta Ottubru 2012 biex sar dan ix-xogħol tammonta għal €1,531,118.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu n-nies fl-2012 li għamlu użu mill-Employability Programme tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u x’kien l-investiment li sar f’dan il-programm fl-istess sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu n-nies fl-2012 li għamlu użu mill-Community Work Scheme tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u x’kien l-investiment li sar f’din l-iskema fl-istess sena ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa fil-Community Work Scheme hemm 349 parteċipant.
L-investiment relatat hu kompost mill-benefiċċju tal-qgħad li l-istess parteċipanti kienu u għadhom jieħdu anke qabel iddaħlu fl-iskema, kif ukoll ħlas addizzjonali (top up) li kull parteċipant jieħu biex l-istess benefiċċju jiġi ekwivalenti għal 75% tal-paga minina Nazzjonali. Bħal fil-każ tal-benifiċċji kollha (inkluż dak tal-qgħad) wara li jkun notifikat mill-ETC li l-persuna tkun bdiet tipparteċipa fl-iskema, tinħareġ anke ż-żieda addizzjonali mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu n-nies fl-2012 li għamlu użu mit-Training Aid Programme tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u x’kien l-investiment li sar f’dan il-programm fl-istess sena ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Trasferiment ta' xogħol ta' back office għal Għawdex
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29797, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’xogħol ta’ back office hu maħsub li jiġi trasferit għal Għawdex fl-2012, 2013 u 2014? Meta hu mistessi li jiġi trasferit f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li aktar xogħol konness ma’ Children Allowances ser jiġi trasferit għal Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin. Barra minn dan, għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet sabiex jiġi deċiż xogħol ieħor li għandu jiġi trasferit għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-Gvern u mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jirreklamaw lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?
Response (MARCO, MARIO DE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-Gvern u l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jippromwovu lil Għawdex fis suq turistiku bħala destinazzjoni rurali unika? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?
Response (MARCO, MARIO DE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.