Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #37502 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Gżira — Triq ir-Rebħa - ilmenti rigward garaxxijiet kummerċjali

Question

Fid-dawl tad-diversi ilmenti li wasluli mingħand residenti ta’ Triq ir-Rebħa, Gżira li għandhom twieqi jagħtu għal Triq il-Kubrit fejn hemm ħafna garaxxijiet kummerċjali, jista' l-Prim Ministru jikkonferma dan li ġej: a) jekk dawn il-garaxxijiet humiex koperti bil-liċenzji meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti; b) hemmx minnhom li ma għandhomx liċenzji; c) sa x’ħin jistgħu jibqgħu joperaw billi hemm min idum jopera sad-9.30pm – dejjem skont ma ġejt infurmat; u d) jekk minħabba l-impatt li dawn qed jkollhom fuq is-saħħa ambjentali tar-residenti huwiex il-każ li jiġi kkunsidrat relocation ta’ uħud minnhom wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet l-oħra kompetenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-pulizija, jirriżulta illi fl-inħawi indikati hemm 5 garaxxijiet. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni dwar kull wieħed minn dawn il-garaxxijiet. Ma jirriżultax illi dawn qed joperaw wara s-7.00pm kif huwa permess bil-liġi.

ERDF Innovation — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li applikanti taħt l-ERDF Innovation (Environment Grant Scheme) Tat-3 ta' April 2012 li applikaw fiż-żmien stipulat, ġew mgħarrfin li l-Malta Enterprise kienet qiegħda toħroġ approvals u/jew tweġibiet li uħud biss mill-applikanti? X’qed isir min-naħa tal-Malta Enterprise biex kull applikant ikollu moħħu mistrieħ li l-proċess huwa wieħed trasparenti u mhux diskriminatorju mal-applikanti kollha kkonċernati? Fuq liema kriterji qed jiġu mgħarrfa ċerti kumpaniji qabel kumpaniji oħrajn? Kif tispjega l-fatt li ċerti applikanti ngħataw x’jifhmu li kienu se jieħdu tweġiba fi żmien 3 xhur u issa jingħad li għaddew 'il fuq minn sitt xhur u għadhom bla tweġiba? Min se jġorr ir-responsabilità għal kull dewmien eċċessiv jekk dak kollu allegat huwa minnu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi numru ta’ grant agreements diġa nħarrgu u beda l-proċess mal-benefiċjarji konċernati. Minħabba li kien hemm numru ta’ applikazzjonijiet li setgħu kellhom xi kwistjoni teknika jew li kienu borderline, dawn l’applikazzjonijiet qed jiġu awditjati indipendentament sabiex jkun hemm deċiżjoni finali. Dan il-proċess qed isir sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm każijiet ta’ applikazzjonijiet li ma jibbenefikawx mill-iskema purament fuq bażi ta’ interpretazzjoni teknika jew fuq xi ġudizzju suġġettiv. Dan il-proċess ta’ verifika jinsab fl-aħħar stadju. Ta’ min ifakkar li applikanti li ma jinagħatawx il -grant taħt l-iskemi ERDF ser ikollhom l-opportunita’ li jappellaw. Dan l-appell jinstema’ minn bord tekniku indipendenti. Fejn ikun applikabbli, tingħata direzzjoni għal xi assistenza alternattiva bħal m’huma l-Microinvest jew l-Investment Aid.

Online shops lokali — ħlas ta' VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi żgurat li l-online shops lokali jiġbru u jħallsu l-VAT kif suppost?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma l-Onorevoli Nterpellant li kemm-il darba l-online shops ikunu qegħdin jagħmlu provvisti ta’ servizzi u prodotti li fuqhom hemm l-obbligu li titħallas il-VAT, id-dipartiment juża dawk il-metodi ta’ monitoraġġ ġeneralment applikabbli fuq persuni oħra reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT biex jassigura li dawn jħallsu l-VAT kif suppost.

nurses li se jindew jippreskrivu l-mediċini

Question

Filwaqt li napprezza li din setgħet kienet talba tal-MUMN u ma għandi ebda interess li nidħol fi kwestjonijiet ta' natura ta' relazzjonijiet industrijali, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm konsultazzjoni man-nurses kollha minn qabel, billi uħud minnhom kuntrarju għal dak li qed jingħad ma riedux li jiġu mgħobbijja bir-responsabilità li jippreskrivu mediċini ġaladarba la huma tobba, dentisti u fil-każ tal-annimali – veterinjarji? X’preparamenti qed isiru biex dawn jippreskrivu mediċini flok tobba bħala nurses fil-qasam tal-ambulanzi? A bażi ta’ liema liġi se ssir din il-bidla peress li huwa reat kriminali li wieħed jippreskrivi mediċini jekk ma jkunx kwalifikat biex jagħmel dan? X’tahrig se jingħataw dawn l-infermiera biex jibda jsir xogħol simili minnhom? Huwa minnu jew le li kien hemm uħud minnhom li saħansitra ġew mhedda mill-avukat tal-Isptar Mater Dei? X’inhi l-urġenza ta’ din il-bidla peress li hu fl-interess pubbliku li l-Kamra tiġi aġġornata dwar policy simili dwar Nurses fl-Accident And Emergency Department?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm konsultazzjoni sħiħa u twila mal-infermiera kollha sakemm dawn kollha qablu li din il-proċedura tista’ sseħħ. Il-preparamenti saru billi ingħata t-taħriġ neċessarju lill-infermiera biex fl-ambulanza jamministraw ċertu mediċini partikulari. L-avukat tal-Isptar ma hedditx lill-infermiera, iżda spjegat lill-infermiera kollha nvoluti u affermat li dak li qed isir teknikament m’huwiex preskrizzjoni ta’ mediċini. L-Infermiera se jkunu qed jagħtu l-mediċina taħt direzzjoni medika, u għalhekk ma jirrikjedi l-ebda bdil fil-leġiżlazzjoni. Dan il-proċess ta’ taħriġ kien ilu li beda u għalhekk l-infermiera kollha issa kisbu dan it-taħriġ. L-infermiera kollha qablu li jsir u jieħdu dan it-taħriġ.

Fgura — Triq Carapecchia u Triq Sigismondu Savona - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ilmenti rigward xogħol ħażin li sar minn Transport Malta ġewwa Triq Carapecchia fil-Fgura, li minħabba dan qed jergħqu r-residenti u l-garaxxijiet ta' Triq Sigismondu Savona fil-Fgura? Jista' jgħid xi pjanijiet hemm għal dawn iż-żewġ toroq u meta se jsir ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta tiċħad li sar xogħol ħazin ġewwa Triq Carapecchia, Fgura. L-imsemmija ħsara saret minħabba l-fatt li t-triq ma' ġietx iffurmata kif suppost skont il-livelli kif stabbiliti mill-MEPA mill-istess residenti. Biex inaqqsu l-inkonvenjent ta’ dawn ir-residenti, Transport Malta għamlet xogħol temporanju, proprju sabiex ittaffi minn dan l-għarar kif ukoll minn ammont ta’ tajn li kien jinżel fil-proprjetajiet tar-residenti kull meta tagħmel ix-xita. Transport Malta kienet ħarġet kuntratt biex isir ix-xogħol fi Triq Carapecchia, liema xogħol iżda ma' kienx beda minħabba li l-kuntrattur ma' ffirmax il-kuntratt tax-xogħol meħtieġ. Għaldaqstant, Transport Malta waqqfet dan il-kuntratt u fil-ġimgħat li ġejjin se terġa’ toħroġ sejħa għall-offerti oħra sabiex jintgħażel kuntrattur ieħor.
Leg 11 PQ #37541 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel tal-Istat — każijiet ta' scabies

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta' scabies fl-iskejjel tal-Istat din is-sena, xahar b'xahar? Tista' tindika ukoll il-lokalitajiet ikkonċernati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-djar — post bi problema fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li għandu problema fis-sistema tad-drenaġġ fil-post li jaqgħa taħt l-Awtorità tad-Djar?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda talba mingħand l-inkwilin msemmi għal dawn ix-xogħlijiet. L-inkwilin huwa għaldaqstant ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex jagħti iktar dettalji dwar l-ilment tiegħu.

MEPA — żvilupp fuq art tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed isir żvilupp fuq art tal-gvern?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninsab infurmat illi x-xogħol fil-bitħa tal-fond imsemmi, li qiegħda f' livell iżjed baxx mit-triq pubblika fuq in-naħa ta' wara tal-propjeta`, jinvolvi ż-żieda fl-għoli tal-ħajt ta' wara b'żewġ filati. Tali xogħol, għalkemm relattivament minuri, jirrekjeda notifika skont l-Ordni ta l-2007 dwar Notifikazzjoni dwar l-Iżvilupp (DNO). Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi każ differenti, nitolbu jerġa’ jinfurmani u idealment jipprovdi ritratt jekk dan huwa possibbli, biex tinġabar l-informazzjoni korretta.

Binjiet tal-Awtorità tad-Djar — katusa li qed tagħmel drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' kopja anzjana li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu ġewwa flat tal-gvern fejn il-katusa tad-drenaġġ ta' fuqhom qed tqattar?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda talba mingħand l-inkwilin msemmi għal dawn ix-xogħlijiet. L-inkwilin huwa għaldaqstant ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex jagħti iktar dettalji dwar l-ilment tiegħu.

Ħsarat fl-apramorta ta' binja tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li fil-flat tiegħu wara l-maltempata li kienet għamlet, kien hemm xi ħsarat fl-apramorta?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda talba mingħand l-inkwilin msemmi għal dawn ix-xogħlijiet. L-inkwilin huwa għaldaqstant ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex jagħti iktar dettalji dwar l-ilment tiegħu.

Sewwieqa tal-Arriva — xuffiera li ġew agrediti, insultati, mhedda u msawta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti intavolati minn sewwieqa tal-Arriva fejn irrappurtaw każijiet fejn huma ġew agrediti, insultati, mhedda u anke msawta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qatt ma rċeviet ilmenti fir-rigward ta' agressjoni fuq xufieri tal-Arriva.

Transport Malta — servizz tal-Arriva - rotta li tidħol f'Popeye's Village

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-Transport Malta li fost it-rotot ta' Malta permezz tal-Arriva, tiddaħħal Popeye's Village bħala post minn fejn tgħaddi l-Arriva, speċjalment meta dan il-post huwa destinazzjoni turistika?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma' taqbilx li ssir modifika speċifikament fil-lokal ta’ Popeye Village u dan peress li l-Awtorità ma tħossx li dan it-tibdil fin-network, li jista’ jirriżulta f’żieda fis-sussidju, huwa ġustifikat.

Persuni li jbatu minn Alzeihmer Diseases — mediċina b'xejn

Question

Billi xi xhur ilu kien approvat f'din il-Kamra li persuni li jbatu minn Alzeihmer Diseases huma intitolati għall-mediċina b'xejn taħt l-iskema V tas-Servizzi Soċjali, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li: a) il-gvern jixtri din il-mediċina; b) kemm-il kartuna tax-Schedule V (kartuna safra) ħarġet li tintitola pazjenti għal kura b'xejn għall-Alzeihmer Diseases; ċ) meta se toħroġ it-tender biex tinxtara l-mediċina għall-Alzeihmer Diseases; u d) meta mistenni li l-ewwel pazjenti se jibdew jirċievu l-mediċina b'xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa għaddej il-proċess biex tinxtara din il-mediċina. Minn mindu d-demenzja ġiet introdotta uffiċjalment fl-Iskeda V, fis-27 ta’ Marzu 2012, kif ġie stabbilit fl-avviż legali 81 tal-2012, inħarġu 41 kartuna safra għad-demenzja, li jkopru numru ta’ mediċini li huma utli fil-kura tad-demenzja. B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37606, jekk il-proċess ta’ xiri jimxi kif mistenni, l-ewwel pazjenti huma mistennija li jibbenifikaw minn din il-mediċina fi żmien qasir.

Arriva — Ħal Kirkop - tibdil fir-rotta 71

Question

Peress li jirriżulta ċar li s-sevizz tal-Arriva għal Ħal Kirkop permezz tar-rotta 71 mhuwiex ikopri il-bżonnijiet ta' dan ir-raħal, jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li r-rotta 73 li titlaq minn Nigret, iż-Żurrieq minflok tgħaddi minn barra r-raħal (triq l-Industrija) tgħaddi minn Triq ir-Ramlija, sabiex tiġbor il-ħafna nies li qed jibqgħu l-art? Jista' jara li r-rotta 72 li titlaq mill-Qrendi tgħaddi minn Triq ir-Ramlija ukoll, minflok minn triq l-Industrija? Jista' jara li din tissolva immedjatament peress li aktar ma tidhol ix-xitwa aktar il-problema qed taggrava għax triq l-Industrija hija wisq il-boghod miċ-Ċentru tar-Raħal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja tal-problema li hemm fuq ir-rotta 71 u bħalissa qegħdha timmoniterja din ir-rotta sabiex tassigura li l-iskeda ta’ kull 15-il minuta tinżamm peress li l-operatur ma kienx qed iżomm mal-iskeda stipulata skont il-kuntratt. B'hekk il-passiġġieri li jirkbu minn Ħal Kirkop jingħataw is-servizz kif suppost. Infurmat ukoll li fir-rigward tar-Rotta 72 Transport Malta ma' taqbilx li din ir-rotta tgħaddi minn Triq ir-Ramlija peress li din qegħdha tipprovdi servizz lill-ħaddiema li jaħdmu fl-akwati ta’ Triq l-Industrija u dan minħabba li t-triq imsemmija hija diġa' servuta bir-rotta 71.

talba għar-refund mit-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jara każ li ilu żmien rigward refund mit-taxxa li kull meta jkellimhom jgħidulu li dalwaqt jirċievi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-refund in kwistjoni m’huwiex dovut qabel il-31 ta’ Diċembru, 2012. Ninsab infurmat ukoll li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-Dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata.

talba għas-servizz tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-mara li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li qatgħulha s-servizz tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 37155.

Sptar Mater Dei — dewmien fl-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu 'l fuq minn 12-il siegħa fl-emergenza tal-Isptar Mater Dei sakemm issejħu sabiex jarahom tabib matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-A&E module tal-Patient Administration System, huwa possibbli li wieħed jiddetermina l-ħin li jkun għadda minn meta persuna tirreġistra fir-reception tad-Dipartiment tal-Emerġenza, sakemm l-istess persuna tkun illiċenzjata mill-istess dipartiment, jew tiddaħħal l-isptar jekk ikun hemm bżonn. Madanakollu, mill-istatistika li tiġi miġbura m’huwiex possibbli li wieħed jikkalkula iż-żmien ta’ stennijja minn meta persuna tirreġistra fir-reception tad-Dipartiment tal-Emerġenza sakemm l-istess persuna tiġi msejjħa biex j/taraha t-tabib/a.