Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żejtun — boreholes

Question

Peress li fi Triq Orazio Diacono, iż-Żejtun fil-parti fejn din tagħlaq u tmiss ma' sqaq fi Triq it-Tus jinġema kwantità enormi ta' ilma u ħames familji qed jiġu affettwati negattivament, u peress li meta tagħmel ħafna xita dawn il-familji qed ikollhom il-proprjetà tagħhom li tispiċċa mgħarrqa tant li jidħol ilma sa żewġ filati u ġieli anke iktar u peress li hemm ħtieġa akuta li jsiru żewġ boreholes f'din iż-żona sabiex l-ilma jinżel għall-water table, kif ukoll jittieħdu miżuri oħra bħal per eżempju, li tiġi imbaxxa Triq Nikola Attard, iż-Żejtun u li ssir speed hump fil-bidu ta' Triq it-Tempju, iż-Żejtun, jista' l-Ministru jgħid jekk, wara li jagħmel il-verifiki meħtieġa, jaqbilx li dawn ix-xogħlijiet isiru b'mod urġenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Għaddejt il-proposta tal-Onor Interpellant lil Transport Malta.

Transport Malta — upgrade fil-qasam maniġerjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il upgrade ingħatat fil-qasam maniġerjali mis-sena 2010 sal-lum f'Transport Malta u x’wassal sabiex jingħataw dawn l-upgrades? Jista' jipprovdi l-lista ta’ dawn il-persuni flimkien mad-dipartiment u ż-żieda li ġew mogħtija fis-salarji tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Infakkar lill-Onor Interpellant li mhix il-konswetudini li jintalbu l-ismijiet ta' uffiċjali pubbliċi sakemm ma jkunx hemm xi raġuni speċifika li għaliha għandhom jissemmew.

Transport Malta — xogħol fuq triq il-Port Ruman f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar fiex waslu l-preparamenti ta' Transport Malta, f'dik li hi koordinazzjoni mal-entitajiet l-oħra tal-Gvern, biex jitkompla x-xogħol fuq triq il-Port Ruman f'San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-aħħar parti tat-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet inkluża fil-lista sottomessa din is-sena mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal toroq residenzjali li baqgħalhom ijsiru f’din il-lokalità. It-toroq fil-lista sottomessa qed jiġu vverifikati minn Transport Malta sabiex jiġu kkunsidrati fil-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iwassal biex ix-xogħol ta' kostruzzjoni fi Triq is-Simar f'San Pawl il-Baħar, mhux qed jitkompla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha mhiex iffurmata sew u għalhekk ir-responsabilta’ għadha f’idejn l-iżvilippaturi ta’ din it-triq. Madankollu, sabiex ittaffi l-inkonvenjent f’din it-triq, Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti għal engineering consultancy biex isir studju fuq il-materjal li jinstab f’din it-triq. Se jsiru wkoll jersey barriers f’parti ta’ din it-triq sabiex jitneħħa l-periklu li hemm.

ċint madwar art privata

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33674, minkejja li l-Ministru wiegħed li se jsir iċ-ċint, jista' jgħid għaliex għaddew aktar minn ħames xhur u dan għadu ma sarx?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-fatt iċ-ċint inbena mill-iżvilluppatur hekk kif mitlub mill-Awtorita.

Boat Show

Question

B'referenza għal kemm ilha tiġi organizzata l-Boat Show ġewwa Dock 1, għall kull sena jista' l-Ministru jindika min kien l-organizzatur u l-perjodi li ġiet organizzata l-Boat Show? Jista' jagħti rendikont ta' flus li rċeviet mill-kiri tad-Dock 1 għall-Boat Show u jindika l-ammont ta' flus li tħallsu għall-parteċipazzjoni? Jista' jgħid l-ammont ta' flus li tħallas bħala sponsorship u jgħid jekk kienx hemm xi spejjeż oħra li ġew imħallsa u kemm kien l-ammont? Jista' jgħid jekk hux se jingħataw post alternattiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-Boat Show ġewwa Dock 1 kien organizzat darbtejn, darba bejn l-24 u s-27 ta’ Settembru 2009 u darba oħra bejn it-23 u t-26 ta’ Settembru 2010. Fiż-żewġ każi, l-organizzaturi kienu Network Events. Kif diġa’ ntqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20038, ma’ nżammu l-ebda ħlasijiet mill-Gvern jew minn Transport Malta sabiex isir dan l-avveniment. Fiż-żewġ każijiet, minbarra li ġie pprovdut il-post fejn issir il-Boat Show, Transport Malta ħallset €10,000 fl-2009 u €17,000 fl-2010 bħala ħlas ta’ parteċipazzjoni u sponsorship. Transport Malta ma’ ħallset l-ebda spejjeż oħra. Il-post fejn issir il-Boat Show hija deċiżjoni tal-organizzaturi u mhux il-każ li l-Gvern jagħti post alternattiv.

Salarju ta' persuni li jaħdmu fid-deskasteru

Question

Jista' l-Ministru, għal kull dekasteru, jipprovdi lista ta’ nies lis-salarju (jeskludi il-performance bonus) tagħhom ġie revedut mil-anqas darbtejn mis-sena 2007 sal-lum? Jista' jinkludi ż-żieda fis-salarju, il-pożizzjoni l-ġdida, id-data ta’ meta dan seħħ, min kienu dawk il-persuna/i li approvaw u kienu parti min dan il-proċess, filwaqt li jindika jekk kienx hemm call for application?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall Mistoqsija Parlamentari Nru. 37250.

MEPA — fondi EIPP

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kif intefqu €52,044 f'fondi EIPP li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tat f'Jannar 2009 għal upgrading of lighting at Freeport to mitigate light pollution? Jista' jgħid jekk dan il-proġett tlestiex jew le u jekk le fiex wasal u x'baqa' jsir, għall-benefiċċju tar-residenti ta' Birżebbuġa/Marsaxlokk u tal-ambjent in ġenerali?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont imsemmi ta' €52,044 jinsab kommess sabiex jintuża' għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' light pollution mitigation. Il-permess ta' żvilupp PA 3403/07, li minnu nġabret din il-kontribuzzjoni, jippermetti lill-applikant li jagħmel dawn il-miżuri hu, f'liema każ il-kontribuzzjoni trid titħallas lura mill-MEPA lill-applikant. Bħala parti mill-permess ambjentali, l-operatur ġie mitlub jissottometti proposta għal light monitoring survey sas-27 ta’ Awwissu 2012. Fil-laqgħa tal-kumitat għal-monitoraġġ ambjentali tal-11 ta’ Settembru 2012, il-Freeport ippreżenta il-bażi ta’ din il-proposta. Il-Freeport avża lill-kumitat li kien diġa sar xi studju preliminarji f’xi postijiet fejn diġa kien sar tibdil fit-tip ta’ dawl installat. La darba il-proposta finali tiġi ippreżentata mill-Freeport u approvata mill-kumitat, l-operatur huwa obbligat li jissottometti dan is-survey għall-evalwazzjoni tal-kumitat.

MEPA — siġar protetti

Question

Billi l-gvern spiss qed jgħid li ċerti siġar m'għandhomx bżonn permess tal-Aworità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax mhux kollha huma speċi protetti, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jikkunsidrax li joħroġ emergency legal notice li tiddikjara s-siġar kollha f’żoni urbani bħala protetti sakemm ma jkunux aljeni taħt skeda numru tlieta, sakemm l-awtorità ma toħroġx permess hi nnifisha għat-tneħħija tagħhom b’element ta' planning gains ġo fihom permess tal-planting ta' siġar indiġeni minflokhom u dan għaliex huwa mifhum li l-awtorità faslet legal notice li tħalli ħafna siġar f’żoni urbani mhux protetti?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità diġà qed tħaddem dan il-mekkaniżmu ta' tħawwil kompensatorju, fost oħrajn taħt il-forma ta' planning gains, kull fejn ikun rilevanti. Anzi, kemm-il darba jkun xieraq, l-Awtorità ġieli tesiġi wkoll miżuri aktar stretti, jiġifieri li s-siġar eżistenti ma jitħallewx jinqalgħu, jew inkella li jkunu trapjantati. Madankollu, l-Awtorità stess qed tipproponi wkoll salvagwardji legali ġodda biex itejbu l-ħarsien ta' siġar maturi fl-ispazji pubbliċi urbani.

tibdil ta' siġar

Question

Billi l-gvern stqarr li ċerti siġar ġew mibdula ma' mature quercus tress li huma ta’ oriġini Maltija, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn huma siġar maturi tal-ballut li kibru minn native oak trees jew inkella kienx hemm fosthom li ġew impurtati minn barra?

Response (MARCO, MARIO DE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara dwar liema każ qed jirreferi, sabiex il-mistoqsija tkun tista' tkun mgħoddija lill-ministeru responsabbli għall-proġett.

Transport Malta — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36854 u jgħid kemm u f'liema karigi ġew ingaġġati nies ma' Transport Malta xahar b'xahar mill-bidu tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li minn Jannar ta' din is-sena Transport Malta ingaġġat 18-il persuna. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni l-oħra mitluba.

Kunsilli lokali — applikazzjonijiet għaż-żabra tas-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali mis-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali kellhom applikazzjonijiet biex jożbru siġar fil-lokalità tagħhom? Liema applikazzjonijiet ġew deċiżi u kif? Liema għadhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Kunsilli Lokali fis-7, 11 u 12-il distrett elettorali li talbu permess għal żbir tul is-sena 2012.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — persuni li rrikorrew għal xi servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Transport Malta — spejjeż fuq delegazzjoni 5+5

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għal Transport Malta fuq spejjeż li saru għad-delegazzjoni tal-5+5? Jista' jipprovdi r-rendikont fiex kienet tikkonsisti din in-nefqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma għamlet l-ebda nefqa fuq spejjeż li saru għad-delegazzjoni tal-5 + 5.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — paga ta' persuna ingaġġata fil-ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, x'kariga għandu fid-dekasteru tiegħu meta ġie ingaġġat u x'inhi l-paga tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija, bħalissa qiegħda tipprovdi servizz ta' Project Management lil GHRC u ilha tagħmel hekk minn Jannar 2012. Ta' dan is-servizz qegħda tirċievi €3,250(ex- Vat) fix-xahar.

Arriva — investigazzjoni fuq skema ta' tariffi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema ta' tariffi tal-Kumpanija Arriva, kif approvata minn Transport Malta, hiex qed tiġi investigata mill-Kummissjoni Ewropea għal xi ksur ta' acquis communautaire? Jekk iva, ġewx Transport Malta u l-Ministeru konċernat, avviċinati mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu spjega għall-istruttura ta' tariffi u jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, jekk inhu l-kaz, kopja tal-korrispondenza li għaddiet bejn iż-żewġ naħat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-Kummissjoni Ewropeja kitbet lill-Gvern Malti sabiex titlob informazzjoni u kjarifiċi dwar il-kwistjoni. Dan huwa l-istadju li fih il-Kummissjoni tinvestiga sabiex imbagħad tiddeċiedi jekk għandomx jinfetħu proċeduri formali dwar infrazzjoni tal-liġi komunitarja. Il-Gvern diġa’ bagħat tweġibiet lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Peress li dan huwa stadju preliminari, ma’ nħossx li jkun prudenti li dawn id-dokumenti jsiru pubbliċi, f'dan l-istadju.

San Ġwann — Triq Jacaranda - użu tal-art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28983 tal-leġislatura li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid li l-art li tagħti għat-Triq Jacaranda f'San Ġwann u li qed tiġi użata, hijiex konformi mal-liġi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-art li qed jagħmel referenza għalija hija art tal-Gvern u mhix mikrija.