Legislature:
Category:
Reset
Active:

entitajiet li ġew privatizzati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36845, 37626 u 37931 u jgħid kemm entitajiet ġew privatizzati mill-1999 sa Diċembru 2011? Liema huma? Kemm kienu jħaddmu nies magħhom kull waħda minnhom f’Malta u f’Għawdex separatament meta ġew privatizzati? Liema huma l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati? Kemm qed iħaddmu nies magħhom illum f’Malta u f’Għawdex separatament kull waħda minnhom l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Intepellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #38134 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' fixed link bejn Malta u Għawdex — tender

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37713, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-istudji li jmiss u li dwarhom tfassal tender li bħalissa qiegħed għall-approvazzjoni tad-direttur tal-kuntratti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-istudji li jmiss u li dwarhom tfassal tender li bħalissa qiegħed għall-approvazzjoni tad-direttur tal-kuntratti, huma studji ta’ fattibilità (full feasibility study) għall-link bejn Malta u Għawdex.
Leg 11 PQ #38135 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Spiża ta' delegazzjonijiet misisterjalli għal Ministeru għal Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tagħti breakdown tal-ispiża kollha ta’ kull żjara li saret barra minn Malta ta’ delegazzjonijiet ministerjali u delegazzjonijiet oħra tal-Ministeru tagħha mill-1 ta’ Ġunju 2012 l’ hawn u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A għal kull safra li saret?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38136 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin — trasport tal-prodotti b'xejn bejn Malta u Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37953, tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus fl-2011 u din is-sena s’issa taħt l-iskema ta’ sussidju lill-bdiewa u s-sajjieda Għawdxin għat-trasport b’xejn tal-prodotti tagħhom minn Għawdex għal Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħlasijiet taħt l-iskema ta' sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin għat-trasport tal-prodotti minn Għawdex għal Malta fl-2011 ammontaw għal €50,877 u matul l-2012 sa issa tħallsu €18,581. Kif diġà semmejt fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37952 il-pagamenti ta' din is-sena qegħdin jiġu vverifikati u l-vot allokat hu mistenni li jintuża kollu.
Leg 11 PQ #38137 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

studenti Għawdxin — korsijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’studenti Għawdxin li jsegwu korsijiet fl-Università, l-MCAST u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta u li tħallsu sussidju għall-akkomodazzjoni tagħhom f’Malta kull sena mill-2010 ‘l hawn? Tista’ tagħti dan it-tagħrif separatament għall-Università, l-MCAST u l-ITS?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-numru ta' studenti li tħallsu sussidju mill-Ministeru għal Għawdex huwa kif muri fit-tabella annessa.
Leg 11 PQ #38138 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Università ta' Malta f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-Università f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38153 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Ħal Qormi — Ta' Farsina - vetturi kbar industrijali fl-area residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex b'mod regolari qed jitħalla l-parkeġġ ta' vetturi kbar industrijali jipparkjaw fl-area residenzjali Ta' Farsina f'Ħal Qormi, minkejja l-perikolu li qed jippreżentaw għal pubbliku in ġenerali? Jista' jgħid x'passi ittieħdu wara d-diversi rapporti regolari li saru u wkoll x'passi se jittieħdu bħala deterrent kontra dan l-ipparkjar illegali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi vetturi hekk imsejħa industrijali, ma jistgħux ikunu ipparkjati fit-toroq jekk dawn ikunu mgħobbija b’container, jew jekk ikunu ipparkjati kontra xi regolamenti dwar ipparkjar jew jekk ikunu ta’ periklu jew ta’ xkiel lil nies oħra li jużaw it-triq. Il-pulizija qed tagħmel u ser tkompli tagħmel spezzjonijiet fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, u fejn ikun il-każ jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti.

Enerġija ġġenerata mill-panelli solari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37023 u jgħid kemm ġiet iġġenerata enerġija permezz tal-pannelli solari minn mindu l-gvern beda jwaħħal l-smart metres u jagħti indikazzjoni ta' dawn l-ammonti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

residential rates għall-ċittadini mill-pajjiżi ewropej

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37570 u jgħid jekk il-gvern hux se jonora dak li qiegħed jingħad fl-ittra li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u partikolarment dak mistqarr li in so far as all EU citazens resident in Malta may indeed qualify for the residential rate without any discrimination on the basis of nationality' fil-verità qiegħed jiġi attwat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Intepellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

xiri ta' appartament

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu jistgħi jixtru l-appartament tal-gvern ir-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-Blokk ta’ appartamenti li jinsab fl-indiriżż li d-dettalji tiegħu ntbaghtu separatament jinsab fuq art li hija proprjetà tal-Gvern. Għaldaqstant, kemm il-darba r-residenti ta’ dan il-Blokk jixtiequ jixtru l-appartament tagħhom iridu l-ewwel jagħmlu t-talba lill-Awtorità tad-Djar.

Meals on Wheels — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti għal Meals on Wheels fil-lokalità tal-Furjana li għadhom ma ġewx mogħtija dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm sebgħa (7) persuni li joqogħdu l-Furjana li qegħdin fuq il-waiting list biex jirċievu s-servizz tal-Meals-On-Wheels. Ta’ min jgħid li kemm ilu jsir l-ikel ġewwa San Vinċenz de Paul, id-domanda kompliet tikber. Is-sena l-oħra lħaqna record ta’ madwar 90,000 ikla. Dawn l-aħħar ġimgħat żdied van ieħor biex jinqdew aktar nies. Sa dan it-tant, qed jittieħdu passi biex ikunu jistgħu inqdew aktar nies.

Distributuri tal-ilma permezz tal-water bowsers

Question

B'referenza għad-distributuri tal-ilma permezz tal-water bowsers, jista' l-Ministru jgħid: a) jekk humiex se jitħallew jkomplu jtellgħu l-ilma mill- boreholes ; b) jekk hux se jiġu imposti kwoti fuq kemm jittella ilma mill-boreholes; ċ) il-prezz li ħa jkun stabbilit għal kulll metru kubu tal-istess ilma; d) jekk huwiex minnu li se tkun imposta sistema ta' e-tracking għal kull vettura li għandhom is-sidien tal-water bowsers u xi ħlasijiet se jintalbu għal din l-istess e-tracking; e) Jekk humiex se jkunu kostreti jirriklamaw fuq il-vetturi tagħhom it-tip ta' ilma li jkunu qed iġorru; u f) x'inhuma li skali stabbiliti mil-gvern għar-rigward first class water u l-kontenut ta' nitrates?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li huwa kkontemplat li d-distributuri tal-ilma permezz tal-water bowsers se jitħallew itellgħu l-ilma mill-boreholes, iżda meħtieġ li jkun hemm kontroll kemm il-darba jinstab li mhux sostenibbli li jibqa jkun estratt ilma minn dak is-sors f’dak il-post. Il-kwoti imsemmija mill-Onorevoli Interpellant se jkunu stabbiliti skont il-kwalità tal-ilma li jkun qiegħed jittella mill-borehole; dan wara testijiet / analiżi kimiċi. It-tariffi jistgħu jkunu stabbiliti biss wara sena moniteraġġ minn meta jkunu twaħħlu l-meters kollha. L-Avviż Leġali 252 ta’ l-2004 jeżiġi li kull water bowsers irid ikunu speċifikament liċenzjati għalhekk bil-ħieġa li fost l-oħrajn jkollhom e-tracking system u l-ħlas ta’ dan se jkun ta’ €50 fis-sena. L-istess Avviż jitlob li sid il-bowzer irid jindika fuq kull bowser it-tip ta' ilma li jkun qed jinġarr. Ilma klassifikat bħal ‘First class water’ irid jissodisfa l-livelli mandatorji kollha kif elenkati fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-ilma għall konsum tal-bniedem (Drinking Water Directive). Wieħed mill-parametri mandatorji elenkati f’din id-Direttiva huwa l-livell ta’ nitrat, fejn id-Direttiva tirrikjedi li l-livell ikun anqas minn 50mg/l.

Ħ'Attard — Triq Daħlet l-Istrinġitur - double yellow lines

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif saru double yellow lines fi Triq Daħlet l-Istrinġitur f'Ħ'Attard u dan mingħajr awtorizzazzjoni ta' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Lija — xiri ta' bini tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħarġu skemi sabiex residenti fil-bini tal-gvern ġewwa Ħal Lija jkunu jistgħu jixtru l-fond residenzjali tagħhom?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa mahsub li fil-futur qrib, l-inkwilini ta’ din l-lokalita’ ikollhom din l-opporunita’ li jixtru.

kumpanija GO — skeda tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-kumpanija GO takkomoda spazju fuq l-iskeda tat-TV tagħha lil xi stazzjon lokali li għamel upgrade tas-servizzi tiegħu, bħal fil-każ tal-UTV, issa li l-istazzjon Calypso Music mar GIO?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Qorti — promozzjonijiet għall-marexxal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwx se jiġu promossi għal grad ta' marexxal tal-Qorti l-erba' persuni li għad fadal u li għalkemm għaddew mill-eżami relattivi baqgħu ma ġewx promossi? Jidhirlux li dan messu diġà sar anke fid-dawl tal-fatt li mil-aħħar darba li kienu saru dawn il-promozzjonijiet spiċċaw madwar 15-il marexxal u s'issa ġew promossi sitta biss?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament hemm 17-il marixxall li huwa ammont meqjus biżżejjed biex jissodisfa x-xogħol li huwa meħtieġ li jsir minn din il-kategorija ta’ impjegati. Il-fatt li persuna tkun għaddiet mill-eżami ma jintitolahiex biex tieħu l-kariga li għaliha tkun resqet għall-intervista għaliex dan jiddependi min-numru ta’ vakanzi li tkun talbet l-Amministrazzjoni tal-Qorti u kemm minn dawn jiġu eventwalment approvati. L-Amministrazzjoni tal-Qorti ma timxix ma’ kemm ikun ilu ma jsir eżerċizzju ta’ promozzjonijiet iżda fuq il-ħteġijiet tal-Qorti. Fil-fatt l-Amministrazjoni tal-Qorti qed tinvesti f’impjegati li qegħdin f’kategoriji inferjuri għal dik ta’ marixxall u dan sabiex tassigura li jkun hemm struttura tajba li tassigura kontinwita’ fix-xogħol. Fil-fatt matul dawn l-aħħar tlett snin ingħataw 18-il promozzjoni fil-grad ta’ Purtier, li huwa l-grad li minnu jinħatru, meta jkun hemm il-ħtieġa, il-marixxalli.

Nassaba li tressqu l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il persuna tressqet akkużati fuq insib tul din is-sena bejn il-perjodu 1 ta' Jannar 2012 sal-31 ta' Ottubru 2012? Kemm minn dawn il-persuni instabu ħatja?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali (seduta ALE) bejn l-1 ta’ Jannar, 2012 u l-31 ta’ Ottubru, 2012 tressqu 83 persuna b’akkużi fuq insib. Matul l-istess perjodu 67 persuna instabu ħatja. Fl-istess perjodu imma fil-Qorti t’Għawdex tressqu 25 persuna akkużati fuq insib. Minn dawn 18 instabu ħatja.

Qorti Kriminali — somma kumenssiva imressqa quddiem persuni akkużati b'insib

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma kumenssiva li ġiet imposta mill-Qorti Kriminali (seduta ALE) fuq persuni li ġew imressqa quddiemha fuq akkużi ta' insib matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2012 sal-aħħar ta' Ottubru 2012?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 t’Ottubru, 2012 il-Qorti tal-Magistratri (Malta) bhala Qorti ta’ Gudikatura Kriminali (seduta ALE) imponiet komplessivament €26,800 f’multi fuq persuni imressqa quddiem il-Qorti fuq akkuzi ta’ insib. Kull persuna misjuba ħatja ġiet immultata €400. Fl-istess Qorti imma f’Għawdex, is-somma kumplessiva ta’ multi imposti kienet ta’ €6,311.47.
Leg 11 PQ #38179 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Ħabs ta' Kordin — persuna li sservi ta' konsulent

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-kamra jekk il-persuna li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament għadhiex iservi ta' konsulent fil-Ħabs ta' Kordin jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għad-domanda tiegħu hija fl-affermattiv.