Legislature:
Category:
Reset
Active:

kwestjoni dwar kuntratt tal-community care workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31311 u cioè:Peress li ġew iffirmati l-kuntratt tal-community care workers iżda minkejja dan dawn il-care workers għadhom ma bdewx jaħdmu u peress li jidher li l-proċess waqaf għaliex hemm xi kumplikazzjonijiet konnessi ma' finanzi u allura huwa repsonsabbli l-Ministeru tal-Finanzi, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan kollu u jgħid meta din il-problema se tiġi riżolta biex appuntu dawn il-care workers jibdew jaħdmu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — distillatur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31373 u jgħid jekk id-distillatur tal-Qala Għawdex huwiex proprjetà tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u jgħid b'liema titolu u meta għadda għand il-korporazzjoni? Jekk kemm-il darba din hija proprjetà tal-Korporazzjoni, jista' jgħid jekk hemmx xi pjanijiet dwar l-użu ta' dan id-distillatur? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' użu hu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art kienet ġiet esproprijata per mezz ta’ Dikjarazzjoni tal-Gvernatur Ġenerali tas-7 ta’ Lulju, 1969, pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 t’Awissu, 1969. L-akkwist kellu jsir b’xiri assolut, jiġifieri li l-art kellha ssir proprjetà assoluta tal-gvern. Peress li dan l-akkwist baqa’ ma sarx, il-korporazzjoni akkwistat l-art permezz tal-Artikolu 32 ta’ l-Att ta’ l-1991 dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (XXIII/1991, illum Kap. 355).

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — xogħol ta' Back office

Question

Jista l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31206 u 31071 u jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Ministeru u dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jagħmlu xogħol ta' back office?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

MFSA — rendikont tas-salarji

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tas-salarji bħala skali fl-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji minn l-ogħla sal-anqas grad?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transfer minn fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'possibilità hemm li, l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha bosta snin titlob biex tieħu transfer minn fuq il-post tax-xogħol minħabba problemi ta' saħħa, tiġi milqugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li peres li f’dan il-mument m’hemm ħadd li jista’ jissostitwixxi lil din il-persuna, dan it-trasferiment mhuwiex possibli. Meta jkun hemm aktar operational support workers it-talba tkun tista’ tiġi kkunsidrata.

Talbiet għad-Divorzju

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm iddaħħlu talbiet għad-divorzju fil-Qrati tagħna minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tad-divorzju? Kemm minn dawn it-talbiet diġà ntlaqgħu? Minn liema lokalitajiet huma dawk li daħħlu tali talbiet?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Qorti Ċivili ta’ Għawdex Fil-Qorti ta’ Għawdex, minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tad-divorzju, iddaħħlu għaxar (10) talbiet għad-divorzju. Minn dawn it-talbiet diġà ntlaqgħu erbgħa (4). Il-partijiet li daħħlu taali talbiet kienu minn dawn il-lokalitajiet:- Lokalita’ Numru ta’ partijiet li daħħlu talba għal divorzju Fontana 1 Għasri 1 Marsalforn (limiti taż-Żebbuġ, Għawdex) 2 Nadur 2 Qala 1 Rabat, Għawdex 1 Sannat 1 Żebbuġ, Għawdex 1 Qorti Ċivili ta’ Malta B’referenza ghad-domanda tal-Onor. Membru in-numru ta’ kawzi ta’ divorzju sas-26 ta’ Jannar, 2012 huwa ta’ 284 li minnhom diġà ntlaqgħu 69. L-applikazzjoni kienu maqsum kif muri fit-tabella t’hawn taħt. Rikorsi għal Divorzju wara kuntratt ta’ separazzjoni 202 Rikorsi kongunti ghal Divorzju wara kuntratt ta’ Separazzjoni 52 Rikors ghal Divorzju f’kawża ta’ Separazzjoni 23 Rikors ghal Divorzju – partijiet mhux separati 7 Ma tinżamm l-ebda statistika għar-rigward tal-lokalità tal-applikanti fil-Qorti Civili ta’ Malta.

MEPA — Applikazzjonijiet għall-bini ta' farms

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' farms tal-annimali li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar preżentament? Għal liema tip ta' annimali huma l-applikazzjonijiet pendenti bħalissa? F'liema lokalità jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Liġi tar-Requisition

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tas-sidien tal-fondi, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, rigward il-problemi li hemm minħabba li dawn iż-żewġ proprjetajiet kienu milquta bil-liġi tar-requisition?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li post minnhom qatt ma kien rekwizizzjonat filwaqt li l-post l-ieħor ġie derekwiżizzjonat nhar id-19 ta’ Novembru, 2004.

Addozzjoni tat-tfal — Dewmien fil-kors ta' tħejjija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk li japplikaw biex jaddottaw tarbija jiridu jistennew sena tal-anqas sabiex jagħmlu l-kors ta' tħejjija? Ma jidhirlux li dan huwa dewmien esaġerat? Jista' jgħid kif se jindirizza din il-problema?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol li jitwettaq mill-Adoption Service hu riflessjoni tar-riżorsi umani fit-taqsima, li hu ekwivalenti għal 5 full-timers. Dan jinkludi 10 sieghat ta’ leader u kordinatrici, li huma responsabbli wkoll mill-amministrazzjoni tas-servizz, żvilupp ta’ proċeduri interni u ma' pajjiżi diversi, xogħol fuq standards mad-Dipartiment tal-iStandards u żamm ta' statistika, fost oħrajn. Il-ħaddiema f’dan il-qasam għandhom ‘ full caseload ’ li f’Diċembru 2011 kienet tikkonsisti f’medja ta’ 32 każ kull persuna. Barra minn hekk il-ħaddiema jagħmlu medja ta' 62 post-adoption report kull wieħed kull sena u jagħtu t-taħriġ lill-individwi/ġenituri li jkunu se jaddottaw.

Applikazzjoni għal post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li għamlet talba għal post alternattiv?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu in kwestjoni hija pproċċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra li l-Awtorità tad-Djar għandha għall-akkomodazzjoni alternattiva.

Applikazzjonijiet għal Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġu proċessati l-applikazzjonijiet ta' dawk li applikaw għal Learning Support Assistants? Meta se jiġu ngaġġati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma kien hemm l-ebda sejħa għal learning support assistants. Kien hemm żewġ sejħiet: 1. Supply Learning Support Assistants 2. Learning Support Assistants II L-applikazzjonijiet ġew ipproċessati u qegħdin isiru l- interviews tas- supply learning support assistants u se jibdew dalwaqt tal-Learning Support Assistants II.

Applikazzjonijiet approvati għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ġew approvati applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija mill-1 ta' Jannar 2011 sas-26 ta' Jannar 2012 xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġet refunds s'issa l-Korporazzjoni Enemalta fuq kontijiet tad-dawl fi djar li għandhom pannelli fotovoltaiċi? Jista' jgħid kemm hemm refunds pendenti fuq l-enerġija ġġenerata minn dawn id-djar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Luqa — Triq il-Belt Valletta - ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan li Triq il-Belt Valletta f'Ħal Luqa tiġi rranġata minħabba l-ħsara li fiha u l-ammont ta' ħofor li qed jikkawżaw periklu għall-vetturi li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ħarġet u aġġudikat sejħa għal dawn ix-xogħlijiet (dik il-parti fejn ċediet it-triq), u qed isir pjan tal-phasing tat-tiswija biex ix-xogħol ikun jista' jinbeda.

Prospetti ta' xogħol għall-Maltin fil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prospetti ta' xogħol hemm għall-Maltin ġewwa l-Libja issa li s-sitwazzjoni reġgħet ġejja għan-normal? Tista tgħid x'inhu r-rwol tal-Gvern sabiex dawn l-opportunitajiet ikunu possibbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-prospetti ta’ xogħol fil-Libja, bħal f’kull pajjiż ieħor, jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq l-inizjattiva personali. Ovvjament, il-Gvern Malti qed jaħdem biex jiffaċilità l-proċess billi jaħdem favur relazzjonijiet kummerċjali dejjem aħjar mal-Libja. Dan qed jagħmlu, fost oħrajn, permezz tal-Malta Enterprise, li se tkun qed torganizza delegazzjonijiet għall-industrijalisti Maltin.

Taxxi miġbura għall-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isir studju fl-Unjoni Ewropea biex ikun hemm iktar taxxi miġbura ħalli jmorru għall-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dhul miġbur mis-27 Stati Membri tal-UE jiffinanzja kemm l-ispiża tal-amministrazzjoni tal-UE kif ukoll l-ispiża taħt kategoriji, jew Headings, oħrajn. L-amministrazzjoni tal-UE taqa’ taħt Heading 5. Kategoriji oħra jinkludu: l-iżvilupp sostennibli (inkluż Cohesion Policy); tħaris u mmaniġjar ta’ riżorsi naturali; cittadinanza, ħelsien, sigurta u ġustizzja; l-UE bħala sieħeb dinji; u kompensazzjonijiet (compensations). Il-perjodu tal-budget tal-UE ser jagħlaq fis-sena 2013 u l-Kummissjoni qed tipproponi riforma fin-naħa tad-dħul fil-Budget Ewropew 2014-2020. L-ammont miġbur ser jiddependi esklusivament mill-infieq tal-EU Budget 2014-2020, li bħal issa qed jiġi diskuss u li fuqu għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil.

Taxxi għall-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isiru pjanijiet mill-Unjoni Ewropea biex jibdew jinġabru taxxi biex imorru direttament għall-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk dawn it-taxxi humiex se jkunu addizzjonali ma' dawk diġà eżistenti jew jekk humiex taxxi li diġà jeżistu u li se jingħataw forma oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Mosta — Triq Valletta - Karozzi tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-lights li hemm ħdejn ta' Kinds fi Triq Valletta, inti u dieħel il-Mosta u li qed jintużaw mill-karozzi tal-Arriva biss, jistgħux jibdew jintużaw mill-karozzi kollha ħalli jiġi kkawżat inqas tniġġis minn dawk il-karozzi li meta jkunu jridu jaqbdu t-triq lejn Birkirkara issa jridu jidħlu Triq Valletta u jduru mar-roundabout, ħaġa li tista' tiġi mqassra jekk dan l-arrangament li kien hemm fit-toroq għall-karozzi tal-linja Arriva jibda jintuża mill-karozzi kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-junction ġiet iddisinjata b’tali mod sabiex tiżgura is-sigurta’ kemm għall-vetturi tat-trasport pubbliku bir-rotta li tgħaddi minn Triq Pantar għal Triq Valletta kif ukoll għall-persuni sabiex jaqsmu min-naħa għall-oħra fi Triq Valletta. Waqt l-istadju ta’ ppjanar u ddisinjar ta’ din il-junction, l-alternattiva sabiex il-vetturi kollha jduru fuq il-lemin minn triq Pantar ġiet ittestjata u studjata. Madanakollu, instab li din l-alternattiva mhix waħda fattibli minħabba l-volum ta’ traffiku li jitħalla jgħaddi, li konsegwentament kien se joħloq problemi ta’ konġestjoni u dewmien ta’ traffiku għall-vetturi kollha li jgħaddu minn Triq Valletta.

Teachers trenjati fl-ewwel għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-għalliema humiex imħarrġa biex jagħtu l-ewwel għajnuna lill-istudenti tagħhom? Kemm hemm teachers li għandhom dan it-taħriġ u meta kellhom l-aħħar update tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija parlamentari numru 29582.

Dipartimenti tas-Saħħa — bdil ta' pilloli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk pazjent li jkun fuq kura u l-pilloli li jkun qed jieħu jinbidlu minħabba li d-dipartiment jixtri pilloli oħrajn li jibdew jaffettwawh b'mod ħażin, jistax jitlob lid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jibqgħu jinxtrawlu l-pilloli oriġinali jekk ma jkunux qed jagħmlu side effects daqs il-pilloli li jkunu qed jinxtraw l-aħħar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’każijiet speċjali fejn meta tinbidel ditta ta’ mediċina, xi pazjent ikollu problema, l-konsulent responsabbli mill-pazjent ikkonċernat irid jagħti rapport dettaljat u jipprovdi ġustifikazzjoni b’raġunijiet mediċi għalfejn il-prodott ma jkunx adattat. Kull każ jiġi nvestigat u vverifikat mid-‘Directorate of Pharmaceutical Policy and Monitoring’. Idealment il-konsulent jimla wkoll il-formola ‘ Adverse Drug Reaction Report Form’ li tinstab fuq is-sit elettroniku http://www.medicinesauthority.gov.mt/pub/adr.doc.