Jista' l-Ministru jara jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tipprovdix l-aħħar figuri għall-refuse derived fuel f’pajjiżna? Jeżistu figuri dwar il-methane ġġenerat mill-fermented wastes fl-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' Sant Antnin u s-sewage plants, kif wkoll mill-Magħtab Landfill? Jekk iva, tista' l-awtorità tipprovdi dettalji sħaħ dwar il-volum ta' methane ġġenerat kif ukoll l-enerġija li ġiet derived minn dan il-methane?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2010 kien iġġenerat 2,727.04 tunellata refused derived fuel mir-Riċiklaġġ ta' Sant Antnin. Il-MEPA m'għandhiex informazzjoni rigward il-volum ta' methane li ġie ġġenerat mir-Riċiklaġġ ta' Sant Antnin u l-Magħtab Landfill. Il-Wasteserv u WSC huma l-entitajiet li jistgħu jiġu kkonsultati biex iwieġbu din il-parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-volum li l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex kapaċi jipproċessa f'sena? Jista’ jgħid meta ġie inawgurat dan l-impjant u x’inhu l-volum li pproċessa kull sena mill-2000 sal-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 31327.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti li għandhom ir-residenza f’Għawdex iggradwaw mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi kull sena mis-sena akkademika 1999-2000 sas-sena 2010-2011? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-kors? Tista’ tagħti l-istess tagħrif dwar studenti residenti f’Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-istudenti li għandhom ir-residenza f’Għawdex u li ggradwaw mill-MCAST kull sena mis-sena akkademika 1999-2000 sas-sena 2010-2011 qed jaħdmu f’Għawdex illum? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li segwew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba, minbarra dik tas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Fis-snin indikati f’din it-tweġiba ma kinitx tinżamm l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti li għandhom ir-residenza f’Għawdex iggradwaw mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi kull sena mis-sena akkademika 1999-2000 sas-sena 2010-2011 qed jaħdmu f'Għawdex illum? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li segwew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Università ta’ Malta u MCAST — informazzjoni dwar studenti barranin
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti barranin isegwu korsijiet fl-Università ta’ Malta u fl-MCAST? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont in-nazzjonalità tagħhom u l-kors li qed isegwu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni u kumpaniji li ħallsu t-taxxa tad-dħul u kemm kien id-dħul mill-Income Tax minn Malta u minn Għawdex separatament kull sena mis-sena ta’ stima 2000 sas-sena ta’ stima 2011? Jista’ jagħti din l-informazzjoni (i) għall-kumpaniji u (ii) għall-persuni individwali? Jista’ jagħti t-tagħrif dwar il-persuni individwali skont il-ħames kategoriji segwenti:
Persuni li għandhom numru taħt in-NACE;
Persuni f’impieg jew kariga;
Pensjonanti;
Persuni f’sengħa, negozju, professjoni eċċ.; u
Dħul ieħor?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret taxxa tal-VAT minn Malta u minn Għawdex separatament kull sena mill-1999 ‘l hawn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tajjeb infakkar lill-Onor. Interpellant illi jeżistu każijiet ta’ kumpaniji li jkunu reġistrati Malta u jagħmlu anke negozju ġewwa Għawdex, jew viċi versa. Dan ovvjament ma jkunx jista’ jiġi klassifikat għalih peress li d-dipartiment jieħu in kunsiderazzjoni l-indirizz li fih tkun reġistrata l-kumpanija.
Jista' l-Ministru jara li tinħareġ il-liċenzja tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għamel il-kors u sab xogħol imma ma jistax jibda minħabba li ma ħarġitx il-liċenzja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Tista' l-Ministru tara meta se jibagħtu għaliha biex tidher quddiem l-appell tas-sigurtà soċjali lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li issa f'idejha anke għandha MRI u minkejja li għaddew diversi xhur, għadha bla risposta wara li kienet ilha tieħu dan il-benefiċċju tmien snin?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li reġgħet intbagħtet kopja tal-ittra lill-persuna ndikata minnu.
Jista' l-Ministru jara l-kaz ta' anzjan ta' 79 sena, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li rċieva kont tat-taxxa ta' €6,782 tas-sena 2010 fejn dan ma joħroġx mid-dar u huwa nieqes mid-dawl u qed iħoss li hemm xi żball? Jista' xi ħadd mill-impjegati tat-taxxa jikkuntatjaw lil dan is-sinjur biex jekk hemm xi żball jiġi rimedjat?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jikrix xi ambulanzi? Jekk iva, kemm tiswa l-kirja kuljum minn kemm ilhom jinkrew? Jista' jgħid jekk dawn jinkrewx bid-driver? Min iħallas il-fuel?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li tingħata sodda komda lill-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li jinsab fir-Residenza San Vinċenz de Paul biex ma jkollux problemi ta' feriti minħabba s-sodda?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li qed tittieħed kull miżura possibili sabiex il-persuna msemmija ma jkolliex problemi ta’ feriti, fosthom l-użu ta’ manually operated nursing bed b’mitraħ tal-foam u ‘ripple mattress’. Il-pazjent jitnizzel ta’ kull jum fuq armchair mgħammar b’ egg-shell cushion kif ukoll użu ta’ ‘wheelchair.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29422, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit jekk l-iżvilupp in kwestjoni jaqax taħt il-kategorija msemmija fil-liġi? Jekk iva, jista' jgħid meta se tittieħed azzjoni diretta fuq l-enforcement notice imsemmija fid-domanda?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita` ikkunsidrat il-każ u ddeċidiet illi l-iżvilupp illegali kopert b'Enforcement Notice ECF674/06 mhux wieħed minn dawk li huma nklużi fit-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp u għalhekk l-Enforcement Notice huwa esegwibbli. Il-persuna kkonċernata u l-perit tagħha ġew notifikati f'dan is-sens permezz ta' ittra ddatata 18 ta' Jannar 2012. Skont l-Artikolu 91(4) tal-Att, "il-perjodu ta' ħmistax-il ġurnata msemmi fl-artikolu 86(12) għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-Awtorità tkun innotifikat lil dik il-persuna b'avviż fis-sens li hija ma tkunx qed taċċetta l-pretensjoni tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimentia kif kien imħabbar fil-budget u liema huma dawn il-pilloli? Kemm huwa stmat li se jibbenefikaw persuni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li kif kien imħabbar fid-Diskors tal-Baġit 2012, ġew allokati xi fondi biex jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimenzja b’xejn.
Applikazzjonijiet ta’ mediċini ġodda li mhux fil-Formularju għall-kura tad-dimenzja jibdew jiġu evalwati u kkunsidrati għall-inklużjoni fil-Formularju tal-Gvern.
In-numru ta’ pazjenti li se jibbenefikaw għadu mhux magħruf.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Palazzi fiż-Żejtun tiġi mogħtija t-tarmak issa li nbniet kollha? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li din issir? Jekk le, jista' jiġi kkunsidrat li din issir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija kienet asfaltata snin ilu u b’hekk il-manutenzjoni ta’ din it-triq hija parti mir-responsabbiltà tal-kunsill lokali. Il-parti tat-tarf tal-istess triq ġiet żviluppata riċentement u din il-parti għad trid tiġi asfaltata għall-ewwel darba.
Barra minn hekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentaru 31257 fejn hemm spjegajt kif u meta Transport Malta tiddeċiedi li tintervjeni fuq triq residenzjali li qatt ma tkun inbniet.
ċittadini li l-istat jipprovdilhom servizz ta’ sigurtà mill-membri tal-Korp tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma u min huma dawk iċ-ċittadini li l-istat qed jipprovdilhom is-servizz ta’ sigurtà mill-membri tal-Korp tal-Pulizija u għal liema raġuni partikolari qed jingħataw dan is-servizz? Jista' ma' din l-informazzjoni jgħid kemm ilha b’dan is-servizz kull persuna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li diġà tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10509.
Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjieg — ilmenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet ilmenti s-sezzjoni tal-ispettorat tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjieg fuq ksur tal-liġi rigward kundizzjonijiet tax-xogħol fl-2010 u l-2011? F'kemm minnhom ittieħdet azzjoni u x'tip ta' azzjoni ttieħdet? Kemm minnhom ġew solvuti u kemm hu n-numru ta’ ilmenti pendenti fil-preżent?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2010 u l-2011 kien hemm 1767 ilment li ġew investigati mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Minn dawn 994 kienu magħluqa wara intervent tad-dipartiment, 96 oħra ġew magħluqa wara li ttieħdet azzjoni l-Qorti, 560 każ ieħor għadhom qed jiġu nvestigati fil-waqt li 117-il każ ieħor ġew riferuti l-Qorti.